Visualizzazione post con etichetta drogi. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta drogi. Mostra tutti i post

sabato 25 maggio 2024

Mill-ġdid il-festi

Attività sinonima mas-sajf Malti huma l-festi li jsiru fil-parroċċi tagħna. Meta joqrob is-sajf ikun qed joqrob l-isbaħ żmien għad-dilettanti filwaqt li dawk li ma jħobbux il-festi jibdew jgħoddu l-jiem sakemm dan l-istaġun jiġi fi tmiemu.

X’festi

Tħobb jew ma tħobbx il-festi, ikollna nammettu li l-festa Maltija hija vetrina ta’ arti lokali. Nibdew mill-festi ta’ ġewwa, dawk li jsiru fil-knejjes. L-armar li naraw armat fil-jiem tal-festa huwa differenti minn dak li naraw matul is-sena. Xi wħud mill-opri artisitċi li nkunu nistgħu ngawdu biss fil-jiem meta jkunu esebiti fil-knisja, huma tassew kapolavuri. Xogħol tal-injam, xogħol ta’ arġenterija, xogħol ta’ rakkmu u elf ħaġa oħra. Forsi naħsbu li dawn kienu opri antiki li llum ma għadhomx isiru. Tabilħaqq li bosta minnhom hekk huma iżda sal-lum għadhom isiru opri artisitċi fil-knejes tagħna, fosri mhux daqs kemm kienu jsiru qabel imma għadhom isiru.

Ngħaddu mbagħad għall-każini tal-banda. Ħafna minn dawn il-każini llum saru palazzi li fihom iħaddnu opri mill-isbaħ u ta’ kull sena l-membri tas-soċjetajiet jibqgħu jinsistu li dawn l-opri jiżdiedu. Minbarra l-opri artistiċi ma ninsewx li dawn il-każini huma wkoll maħżen ta’ mużika. Fl-arkivji ta’ ħafna mill-każini tal-banda nsibu għadd kbir ta’ siltiet mużikali minn madwar id-dinja kollha.

U ma nistax ma nsemmix l-armar fit-toroq tagħna. Illum nistgħu ngħidu li kull festa għandha armar fit-toroq. Xi armar antik illum huwa patrimonju ta’ artistrija enormi filwaqt li jkollna ninżgħu l-kappell għall-armar ġdid li kull sena qed jiżdied. Tabilħaqq li l-preġju tal-armar antik huwa enormi fejn dak tal-ġdid meta toqgħod tqis li kull biċċa skultura kienet saret b’idejn waħda waħda mhux bħal-lum, forma u timla bil-fibre. Ma’ dan l-armar irridu nsemmu l-għadd ta’ statwi li jintramaw fuqhom, xogħol statwarji kapaċissimi Maltin kif ukoll id-drapp ta’ bandalori u pavaljuni li jikkumplementawhom.

Nistgħu ngħidu li l-festi Maltin mhux il-vetrina tax-xogħol Malti?

Kontra

Bħal f’kollox issib min hu kontra dawn il-festi. Biss naħseb li min ikun kontra tagħhom ikollu wkoll raġuni. Forsi jiffoka biss fuq i-festi ta’ barra, fejn ikollna nammettu li ġieli rajna esegerazzjonijiet, forsi jgħid li l-logħob tan-nar idejqu. Fil-fond ta’ qalbi naħseb li dawk li jirraġunaw hekk ikunu għaddew minn xi esperjenza kerha, forsi waqt il-marċ ra xeni xejn dinjitużi ta’ sokor jew teħid ta’ drogi – ħwejjeġ li jkollna nammettu li saru komuni fil-festi tagħna. Forsi jkun hemm xi raġuni oħra, min jaf xi tkun!

Jiena nemmen li ħadd ma għandu jdejjaq lil ħadd u kulħadd għandu dritt għad-divertiment tiegħu. Kulħadd għandu wkoll id-dritt għall-mistrieħ tiegħu għalhekk nemmen li l-prudenza, dejjem u f’kollox , għandha tirrenja f’dawn il-festi tagħna.

Pika jew kompetizzjoni

Ma naħsibx li nkun qed nikxef xi sigriet jew qed ngħid xi ħaġa ġdida jekk ngħid li l-festi tagħna fihom ukoll il-piki. Piki bejn żewġ għaqdiet fl-istess parroċċa jew piki ma’ parroċċa jew parroċċi ġirien. Piki ma’ rħula oħra u nistgħu nibqgħu sejrin. Il-Malti jgħid li l-piki jaqtgħu l-aptiti imma mill-banda l-oħra kieku ma kinux dawn il-piki kieku l-festi tagħna ma humiex dawk li huma llum. Kemm ikun aħjar kieku minnflok pika jkun hemm kompetizzjoni. Nipprova nagħmel xi ħaġa orġinali biex inti wara tipprova toħloq xi ħaġa oħra li tissupera dak li nkun għamilt jien. Il-piki jistgħu joħolqu anke l-periklu, ngħidu aħna fejn jidħol il-logħob tan-nar. Il-piki jaqtgħu l-aptit u kien hemm wieħed dilettant tal-festi qalli li l-piki jibdlu d-delizzji f’kastiġi. Ikolli ngħid għandu raġun biex ibigħ dan il-ħabib għax ix-xogħol li jsir għall-festa ħafna minnu huwa xogħol volontarju u għalhekk meta jibda jsir ta’ bil-fors ma jibqax delizzju imma jsir uġigħ ta’ ras. Għalhekk il-moderazzjoni tajba u l-kompetizzjoni ma għandhiex tinbidel f’pika.

Festi tal-qaddisin

Primarjament il-festi tagħna huma festi reliġjużi, isiru biex jonoraw qaddis jew qaddisa u għalhekk hija ħaġa assurda li fihom insibu elemenri li jmorru kontra l-valuri Nsara. Ħalli nagħmel mistoqsija retorika: Kemm verament huma Nsara l-festi tagħna llum? Ikun hawn min joħlom li xi darba l-festi jerġgħu lura għal meta kienu tal-kappillan, festi ta’ tlett ijiem. Ma nafx kemm il-ħolm ta’ dan għad iseħħ. Hija ħasra li festa li ssir biex tonora qaddis imbagħad l-inqas li jattendu nies ikun għall-funzjonijiet reliġjużi. Imma dik hija r-realtà li qed naraw illum. La tlaqna l-ħabel minn idejna mhux lakemm nerġgħu nieħduh lura.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Mejju 2024





venerdì 18 agosto 2017

Mix-xewk joħroġ il-ward

Aħna l-Maltin għandna dan il-proverbju li nafu sewwa xi jfisser. Dan l-aħħar kelli esperjenza li fakkritna f’ dan il-proverbju. Nixtieq naqsam magħkom din l-esperjenza, imma ħalli nibda mill-Ġenesi tal-istorja!

Naqra ktieb
Madwar tlettax-il sena ilu kien hemm patri li tani ktieb u ħajjarni naqrah. Dan il-ktieb kien jismu “Beyond Aids” u jitratta l-istorja ta’ żagħżugħ li nqabad fix-xibka tad-droga u kien infettat bil-marda tal-Aids. Dan il-ktieb huwa djarju ta’ dan iż-żagħżugh Taljan li kien jismu Nicola. Huwa sar jaf b’ għaqda li tieħu ħsieb nies bħalu u tgħinhom joħorġu minn dan il-vizzju. L-għaqda li qed insemmi ġġib l-isem ta’ Comunità Cenacolo. Meta qrajt il-ktieb nibtet fija x-xewqa li naqilbu għall-Malti u mort inkellem lil Patri Pawl Cremona, dak li kien tani l-ktieb, u wrejtu bix-xewqa tiegħi. Għoġbitu l-idea u ħeġġiġni nwettaq dan il-ħsieb tiegħi. Ktibt lill-Comunità Cenacolo u tlabthom il-permess. Sakemm wasal il-permess bdejt naqleb il-ktieb għall-Malti u sakemm waslitli ittra bil-permess għall-pubblikazzjoni tal-ktieb bil-Malti kien diġà lest.

Għadda ftit żmein mhux ħażin sakemm il-ktieb kien ippubbblikat.  Kienet kumbinazzjoni. Kont qed inżur Medjugorje għall-ewwel darba u mort fid-dar li l-Comunità Cenacolo għandha hemmhekk. Rajt il-ktieb bit-Taljan, bl-Ingliż u b’ ħafna ilsna oħrajn. Ftakart fix-xogħol li kelli merfugħ fil-kompjuter u tkellimt. Dlonk sibt persuna li kienet lesta tippubblikah u tqassmu b’ xejn. Il-ktieb bil-Malti jġib l-isem “Lil hinnn mill-AIDS” – illum ma nafx jekk fadalx xi kopji tiegħu.

Comunità Cenacolo
Kollox beda fl-Italja, fil-Piemonte, sewwasew ġewwa Saluzzo, provinċja ta’ Cuneo. Nhar is-16 ta’ Lulju, 1983, Sor Elvira Petrozzi tat bidu għal din l-inizjattiva li llum kibret u nxterdet ħafna anke barra l-Italja. Żerriegħa żgħira li nżergħet iżda llum kibret u xxebilket. Illum insibu li din l-inizjattiva tinsab fi 18-il pajjiż u għandha 61 dar li joffru kenn għal eluf ta’ żgħażagħ li bosta minnhom għandhom passat xejn sabiħ, passat ta’ dipendenza minn sustanzi li jistgħu jwasslu għall-mewt. Dawn id-djar jagħtu terapija sempliċi, xejn pilloli, xejn mediċini imma ladarba wieħed jidħol fil-komunità jrid jaqta’ d-droga minn dak il-ħin. Bosta mir-residenti jgħdilulek li kienet diffiċli imma rreżistew u llum reġgħu qegħdin jgħixu ħajja li fiha skop, ħajja li jiswa li tgħixha mhux bħal dik ta’ meta kienu skjavi tad-drogi.  Hemm xewqa li tinfetaħ dar ta’ din il-komunità hawn Malta wkoll. Min jaf?

Il-komunità ma tridx biss li dawk l-aħwa jaqtgħu l-vizzji, imma trid ukoll li dawn iħossuhom importanti fid-dinja, li kapaċi jagħmlu xi ħaġa, li qegħdin jgħixu u mhux biss jeżistu. Il-komunità ssir familja kbira fejn dak li jkun iħossu milqugħ u maħbub. Sor Elvira li tat bidu għal dawn id-djar tinsisti li l-fejqan u t-triq lura lejn il-ħajja ssir permess tat-talb. Fil-fatt it-talb huwa element importanti fil-ħajja ta’ dawn id-djar.

F’ dawn is-snin li ilhom miftuħin dawn id-djar twaqqfu komunità ta’ sorijiet, eks membri ta’ xi dar Cenacolo u għadd ta’ ġuvintur li reġgħu sabu l-ħajja grazzi għal din l-inizjattiva,  saru saċerdoti.

Erġajt żort Medjugorje
Din is-sena kelli l-opportunità nerġa’ nżur Medjugorje ġewwa l-Bożnija-Ħerzegovina. Erġajt żort id-dar kbira tal-Comunità Cenacolo li tilqa’ fiha madwar mitt żagħżugħ. Sewwasew f’ dan ir-raħal hemm żewġt idjar, waħda tal-ġuvintur u oħra tax-xebbiet, imma l-akbar waħda hija dik maskili.

Ir-rappreżentazjoni Credo
Żort Medjugorje meta kien hemm il-festival taż-żgħażagħ. Dan il-festival huwa avveniment annwali li jsir bejn l-1 u s-6 ta’ Awwissu. Din kienet it-28 edizzjoni tiegħu. Jum minnhom waqt il-quddiesa ta’ filgħaxija, li fiha jkun hemm aktar minn 500 saċerdot jikkonċelebra, prietka qassis li ħareġ minn dar tal-Comunità Cenacolo. Dakinhar stess fuq palk armat apposta saret ir-rappreżentazzjoni bl-isem “Credo”. Din ir-rappreżentazzjoni ttellgħet mill-memebri tal-Comunità Cenacolo. L-atturi li ħadu sehem fiha huma kollha residenti ta’ xi dar ta’ din l-għaqda. Bosta atturi jiġu Medjugorju biex jieħdu sehem f’ din l-attività u wara jerġgħu lura fil-komunità tagħhom. Ikolli nammetti li bqajt skantat bil-livell għoli li offrew dawn iż-żgħażagħ. L-istorja mhux ġdida għax titratta siltiet mill-ħajja ta’ Ġesù, imma l-mod kif interpretawha hija xi ħaġa biex ngħid hekk “tal-ġenn!” Filmati mħalltin ma’ reċtar, mużika, żfin, xeni li jinbidlu waqt li r-rappreżentazzjoni tibqa’ għaddejja. Kulħadd jaf x’ inhi l-parti tiegħu, kulħadd jaf x’ għandu jagħmel. Qaluli li din issir kull sena iżda kull sena jkun hemm għexieren ta’ eluf ta’ nies biex jarawha, u jkun hemm min ikun diġà raha u jerġa’ jaraha.

Dan huwa eżempju wieħed kif kultant mix-xewk joħroġ il-ward. Nemmen li s-suċċess biex ix-xewk jinqered u minfloku titla’ xitla li twarrad hija l-perseveranza, ir-rieda tajba u fuq kollox li lil min ikun qalb ix-xewk, wieħed jurih li jekk irid jista’ jwarrad hu ukoll.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 19 ta' Awwissu 2017




venerdì 26 agosto 2016

Il-Belt Ħielsa

Fil-belt kapitali tad-Danimarka, Copenhagen hemm medda ta’ art li tqis li hija awtonoma mill-bqija tal-belt. Tqis lilha nnfisha bħala stat semi-legali, tqis lilha nnfisha bħala komunità indipendenti. Dan il-mikro-stat, biex insejħulu hekk, jissejjaħ Christiania jew il-Belt Ħielsa ta’ Christiania.

Frak ta’ storja
Id-daħla għal Christiania freetown
Fl-1971 grupp ta’ hippies daħal f’ bażi navali li kienet ilha ma tintuża mill-1967. Din il-bażi li tinsab qrib il-port ta’ Copenhagen kien fiha għadd ta’ kmamar u swali mifruxin fuq medda ta’ terz ta’ kilometru kwadru. Għal bosta snin l-istat legali ta’ din iż-żona ma kienx ċar u l-gvern Daniż kemm-il darba pprova jneħħi minn hemm ġew lil dawk iż-żgħażagħ li okkupaw dan il-bini, iżda qatt ma rnexxielu. Fl-aħħar intlaħaq bħal ftehim bejn iż-żewġ partijiet biex din l-art tkun tista’ tmexxi lilha nnifisha.

Għal madwar 30 sena din il-belt  tmexxiet fuq il-prinċipju tal-awtodeterminazzjoni u l-propjetà kollettiva. Saret popolari madwar l-Ewropa għall-fatt li f’ din il-belt minn dejjem kien hemm ċirkolazzjoni ħielsa ta’ drogi ħfief. Huwa assolutament projbit kull użu, tixrid jew bejgħ ta’ drogi imsejħa Hard.

Din il-belt kellha għadd ta’ ħwienet ta’ prodotti artiġjanali maħduma mir-residenti stess. Saret magħrufa wkoll għal bosta lwien li bihom huma miżbugħin il-ħitan ta’ din iż-żona.
Ġewwa Christiania ma jistgħux jidħlu karozzi u la hemm pulizija u lanqas suldati. Dan huwa esperiment soċjali fejn kulħadd jista’ jgħix ħieles u kif jixtieq hu billi jirrispetta lil ħaddieħor u jħaddan ideoloġija paċifista.

Bejgħ ta' prodotti artiġjanali 
Il-mission statment ta’ din il-komunità huwa dan: L-oġġettiv ta’ Christiania huwa li joħloq soċjetà li tmexxi lilha nnifisha fejn kull membru jkun responsabbli fuq il-ġid tal-komunità kollha. Il-komunità għandha tkun awtonoma ekonomikament. L-għan tagħna huwa li nibqgħu sħaħ fil-fehma li kull miżerja psikoloġika jew fiżika tiġi evitata.

Bandiera u flus
Bħala mikro-stat awtonomu Christiania għandha wkoll il-bandiera u l-flus tagħha. Il- bandiera hija ħamra bi tliet dwawar sofor. Dawn it-tliet dwawar jindikaw it-tliet tikkiet li nsibu fuq l-ittra i fl-isem tal-belt. L-ilwien jingħad li ġew magħżulin għax meta fl-4 ta’ Settembru 1971 daħlu l-ewwel nies f’ dan il-kwartier navali abbandunat, sabu ammont kbir ta’ żebgħa ħamra u safra. F’ din iż-żona hemm ukoll il-munita tagħha li tissejaħ il-Løn, madanakollu b’ dawn il-flus ma tantx tista’ tagħmel wisq u għalhekk il-Kroner Daniż huwa wkoll aċċettat.

Bla kostituzzjoni
Il-bandiera ta' Christiania
Din il-belt-stat ma għandiex kostituzzjoni imma għadha 9 liġijiet li jridu jiġu mħarsa minn kulħadd. Dawn huma l-liġijiet kollha: Ħadd ma jista’ jisraq, ħadd ma jista’ juża vjolenza, ħadd ma jista’ jiddefendi ruħu bi skieken, ma jistgħux jintużaw armi tan-nar, ma jixtax jintlibes ilbies bulletproof, ma jistgħux jintużaw drogi Hard, ħadd ma jista jilbes ġkieket tal-muturi, ma jistgħux jidħlu karozzi fil-belt u ħadd ma għandu jkollu fil-pussess tiegħu affarijiet misruqin.

Biex tinbidel liġi irid jaqbel kulħadd, għalhekk huwa diffiċli ħafna biex it-850 membru ta’ din il-belt ikollhom l-istess fehma. Dan huwa ta’ żvantaġġ fejn jidħlu il-kontroll fuq id-drogi, li donnha hija l-attività ekonomika numru wieħed ta’ din il-komunità.

Mill-kliem għall-fatti
L-ideal ta’ komunità ħielsa, bla ebda vjolenza, fejn kulħadd huwa stmat indaqs, fejn ma hemmx ġlied jew serq hija xewqa ta’ kull bniedem. Imma fil-verità kemm dan l-ideal jista’ tabilħaqq iseħħ? Fl-istorja ta’ din il-belt-stat insibu ġrajjiet li jmorru kontra l-ideal tiegħu stess. Huwa għalhekk li l-gvern Daniż bosta drabi ttanta jagħlaq din iż-żona – li tajjeb ngħidu li ta’ kull sena jmorru jżuruha nofs miljun turist, biex tikklassifika bħala r-raba’ post li l-aktar iżuruh turisti f’ Copenhagen.

L-ideal u l-ideali
Munita ta' Christiania
Minkejja li dawn huma żewġ kelmiet qrib xulxin, huma totalment differenti. L-ideal huwa l-ħsieb, ix-xewqa ta’ kif għandha tkun komunità. L-ideali huwa l-perfett, xi ħaġa li tipprova tagħmel bħalha inti wkoll. Imma komunità ideali ma teżiti mkien, jeżisti ideal ta’ komunità, bħalma nsibu fil-belt ħielsa ta’ Christiania, iżda xorta din ma hijiex komunità ideali. Dan l-argument jgħodd għal kull grupp ta’ nies, familja, club, każin, hu x’ inhu, ladarba hemm għadd ta’ persuni differenti minn xulxin ma jistax ikun hemm komunità ideali għax aħna lkoll xi darba niżbaljaw.

Anarkija
Fis-snin 70 tas-seklu li għadda kellna bosta movimenti li kienu jemmnu bl-anarkija, jiġifieri li ħadd ma jkun jikmanda lil ħadd. Imma n-natura stess għandha liġi li rridu jew ma rridux ikollna noqgħodu għaliha. Ħadd ma jixtieq jimrad, imma l-mard huwa parti mill-ħajja. Ħadd ma jrid jixjieħ iżda min għandu ħila jwaqqaf is-snin li jgħaddu min fuqu? Mela nistgħu ngħidu li ħadd ma jista’ jkun ħieles mija fil-mija, lanqas jekk tkun toqgħod ġewwa Christiania. Li ssib il-ġenna fuq din l-art hija biss utopija!




Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 27 ta' Awwissu 2016


sabato 20 febbraio 2016

Sigriet ta’ Pulcinella

Il-problemi relatati mat-teħid tad-droga

It-Taljani għandhom idjoma li tirreferi għal xi ħaġa li suppost ma jkun jafha ħadd, jew ikunu ftit dawk li jafu biha, imma tispiċċa magħrufa minn kulħadd. Dan il-każ jgħidulu sigriet ta’ Pulcinella. Pulcinella huwa karattru Naplitan, maħluq minn Silvio Fiorillo fis-seklu XVII li sar popolari mal-Italja kollha imma l-aktar ġewwa Napli.

F’ pajjiżna l-problema tad-drogi nafu biha, imma donnu kulħadd iqisha bħala sigriet, li madanakollu kulħadd jaf bih – sewwasew sigriet ta’ Pulcinella. Minix xi espert f’ dan il-qasam, anzi ngħid b’ wiċċi minn quddiem li ftit li xejn naf fuq id-drogi, imma naf ħafna fuq l-effett li jħallu fil-familji.

Home Visits
Fil-parroċċa fejn qiegħed naqdi qegħdin nagħmlu il-home visits. Din hija attività li ġġiegħlek tmiss b’ idejk bosta u bosta realtajiet li forsi taħseb li huma każi remoti jew rari. Fost dawn ir-realtajiet hemm il-problema tat-teħid tad-droga. Ommijiet u missirijiet jiftħu qalbhom u jesponu l-problema ta’ xi wieħed jew waħda minn uliedhom. Persuni li huma vittmi ta’ dan il-vizzju. Familji f’ qagħda finanzjarja mill-agħar minħabba xi membru tagħha li huwa skjav ta’ dan il-vizzju. Issib dawk li ma jgħidulek xejn, anzi jgħidulek li kollox ikun sejjer sewwa, imma ssib oħrajn li jiftħu qalbhom u juruk ix-xewqa li jkollhom, jiġifieri li xi darba jaqtgħu dan il-vizzju li jkun qiegħed ikissirhom moralment u fiżikament. Iltqajt ma’ dawk li jixtiequ li xi darba jorqdu u l-għada jqumu ndaf mill-vizzju. Imma din hija biss xewqa li huma jarawha impossibli.

Il-Ġenesi tad-droga
Il-bniedem dejjem prova jnaqqas l-uġiegħ u l-problemi u għalhek ġieli għamel użu minn ċerti drogi. Bi drogi rridu nifhmu kalmanti, opium, kokaina, ħaxixa, anfitamini, LSD u angel dust biex insemmu ftit biss minnhom. Sa mill-bidu tas-snin sittin tas-seklu li għadda, id-drogi nfirxu b’ mod drastiku. Qabel is-sittinijiet, id-droga kienet xi ħaġa rari, xi ħaġa “tal-artisti” biex jibqgħu mqajmin konna nisimgħu min jgħid, imma f’ dawk l-għaxar snin l-abbuż mid-droga żdied b’ mod allarmanti, nistgħu ngħidu li fawwar lid-dinja kollha. Dawk li fis-snin sittin kienu żgħażagħ illum saru nanniet. Għandu mnejn li bosta minnhom ħelsu mill-vizzju imma xi wħud ġarrewh magħhom tul ħajithom kollha. Din hija problema oħra, għax illum ma għadx għandek lill-ulied drogati imma tista’ ssib ġenituri u saħansitra nanniet.  Id-droga suppost tittieħed biex tferrħek, tagħmel sabiħ il-ħwejjeġ koroh . Imma fil-verità kull ma tagħmel hi li tkisser u tirrovina lill-persuna u lil dawk qrib tagħha.

Imma forsi nistaqsu għalfejn jew xi jġiegħel li persuna tieħu d-drogi? Tassew li l-ħbieb jistgħu jkunu ta’ influwenza kbira. Imma mhux dawn biss. Meta persuna tħossha taħt stress jew dipressjoni, jew inkella muġugħa u ma ssibx serħan fiżiku mit-trattamenti mediċi, għandha mnejn iddur għad-drogi biex teħles minn dawn is-sintomi jew din il-qagħda. Hemm ukoll is-sens ta’ avventura, is-sens tal-ħaġa projbita li timliena bil-kurżità u bix-xewqa li nippruvaw dak li ma nafrux sewwa x’ inhu. Kemm-il darba xi sustanza jew pillola li ttaffi l-uġiegħ jew id-dwejjaq li jkun għaddej minhom dak il-bniedem, issir għalih is-salvazzjoni tiegħu, biha jibda jemmen u biha jibda jgħix.

Tmiem tal-problemi
Il-problemi relatati mat-teħid tad-drogi ma jintemmux meta l-persuna tieqaf tużahom. L-effetti tagħha jkunu akkumulaw u għalhekk wieħed jista’ jibda jaffaċċja ċerta problemi mentali jew fiżiċi anke wara li jkun ilu li rebaħ il-vizzju. Qaluli li dawk li jissejħu blank periods, meta wieħed iħossu qisu mhux qiegħed f’ dinja, jistgħu jibdew iseħħu anke snin wara li dak li jkun ikun tnaddaf. Qaluli wkoll li dan il-vizzju jista’ jtellef il-konċentrazzjoni tal-bniedem minkejja li jkun ilu snin ma jmiss drogi.
Mela qed naraw li dan mhux bħal vit tal-ilma, tagħlaqu u jieqaf, imma hemm riperkussjonijiet li jistgħu jtawlu snin jekk mhux ukoll jibqgħu tul il-ħajja kollha tal- eks vizzjat.

Ma niġġudikax
Min jaħseb li dawk li jintrikbu minn dan il-vizzju huma ġejjin minn familja jew soċjetà baxxa ikun sejjer żball enormi. Illum din il-problema ma tafx limiti, la qagħda finanzjarja tal-familji, la pożizzjoni soċjali la ħaġa u lanqas oħra. Forsi in-naħa ta’ nofsinhar ta’ Malta huwa aktar ittimbrat ma’ din il-problema, imma nassigurakom li llum imkien ma hu differenti. Tmur fejn tmur se ssib xi vittma. Madanakollu jekk wieħed ifittex għajnuna professjonali jista’ jinħeles min din ix-xibka. Jista’ jkun li persuna bdiet tieħu d-droga għax ma sabitx soluzzjoni għal problema li kellha. Illum spiċċat b’ muntanja ta’ problemi. Ma niġġudika lil ħadd, ma noħodha kontra ħadd għax kull każ fih storja unika, fih persuna, fih familja, fih tant u tant weġgħat, biki u taqtiegħ ta’ qalb. Kull każ huwa sigriet, imma sigriet li jafu kulħadd, bħas-sigriet ta’ Pulcinella.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 20 ta' Frar 2016