Il-problemi relatati mat-teħid
tad-droga
It-Taljani
għandhom idjoma li tirreferi għal xi ħaġa li suppost ma jkun jafha ħadd, jew
ikunu ftit dawk li jafu biha, imma tispiċċa magħrufa minn kulħadd. Dan il-każ
jgħidulu sigriet ta’ Pulcinella. Pulcinella huwa karattru Naplitan, maħluq minn
Silvio Fiorillo fis-seklu XVII li sar popolari mal-Italja kollha imma l-aktar
ġewwa Napli.
F’ pajjiżna l-problema
tad-drogi nafu biha, imma donnu kulħadd iqisha bħala sigriet, li madanakollu
kulħadd jaf bih – sewwasew sigriet ta’ Pulcinella. Minix xi espert f’ dan
il-qasam, anzi ngħid b’ wiċċi minn quddiem li ftit li xejn naf fuq id-drogi,
imma naf ħafna fuq l-effett li jħallu fil-familji.
Home Visits
Fil-parroċċa fejn
qiegħed naqdi qegħdin nagħmlu il-home
visits. Din hija attività li ġġiegħlek tmiss b’ idejk bosta u bosta
realtajiet li forsi taħseb li huma każi remoti jew rari. Fost dawn
ir-realtajiet hemm il-problema tat-teħid tad-droga. Ommijiet u missirijiet
jiftħu qalbhom u jesponu l-problema ta’ xi wieħed jew waħda minn uliedhom.
Persuni li huma vittmi ta’ dan il-vizzju. Familji f’ qagħda finanzjarja
mill-agħar minħabba xi membru tagħha li huwa skjav ta’ dan il-vizzju. Issib
dawk li ma jgħidulek xejn, anzi jgħidulek li kollox ikun sejjer sewwa, imma
ssib oħrajn li jiftħu qalbhom u juruk ix-xewqa li jkollhom, jiġifieri li xi
darba jaqtgħu dan il-vizzju li jkun qiegħed ikissirhom moralment u fiżikament. Iltqajt
ma’ dawk li jixtiequ li xi darba jorqdu u l-għada jqumu ndaf mill-vizzju. Imma
din hija biss xewqa li huma jarawha impossibli.
Il-Ġenesi tad-droga
Il-bniedem dejjem
prova jnaqqas l-uġiegħ u l-problemi u għalhek ġieli għamel użu minn ċerti
drogi. Bi drogi rridu nifhmu kalmanti, opium, kokaina, ħaxixa, anfitamini, LSD
u angel dust biex insemmu ftit biss minnhom. Sa mill-bidu tas-snin sittin
tas-seklu li għadda, id-drogi nfirxu b’ mod drastiku. Qabel is-sittinijiet,
id-droga kienet xi ħaġa rari, xi ħaġa “tal-artisti” biex jibqgħu mqajmin konna
nisimgħu min jgħid, imma f’ dawk l-għaxar snin l-abbuż mid-droga żdied b’ mod
allarmanti, nistgħu ngħidu li fawwar lid-dinja kollha. Dawk li fis-snin sittin kienu
żgħażagħ illum saru nanniet. Għandu mnejn li bosta minnhom ħelsu mill-vizzju
imma xi wħud ġarrewh magħhom tul ħajithom kollha. Din hija problema oħra, għax
illum ma għadx għandek lill-ulied drogati imma tista’ ssib ġenituri u
saħansitra nanniet. Id-droga suppost
tittieħed biex tferrħek, tagħmel sabiħ il-ħwejjeġ koroh . Imma fil-verità kull
ma tagħmel hi li tkisser u tirrovina lill-persuna u lil dawk qrib tagħha.
Imma forsi
nistaqsu għalfejn jew xi jġiegħel li persuna tieħu d-drogi? Tassew li l-ħbieb
jistgħu jkunu ta’ influwenza kbira. Imma mhux dawn biss. Meta persuna tħossha
taħt stress jew dipressjoni, jew inkella muġugħa u ma ssibx serħan fiżiku
mit-trattamenti mediċi, għandha mnejn iddur għad-drogi biex teħles minn dawn
is-sintomi jew din il-qagħda. Hemm ukoll is-sens ta’ avventura, is-sens
tal-ħaġa projbita li timliena bil-kurżità u bix-xewqa li nippruvaw dak li ma
nafrux sewwa x’ inhu. Kemm-il darba xi sustanza jew pillola li ttaffi l-uġiegħ
jew id-dwejjaq li jkun għaddej minhom dak il-bniedem, issir għalih
is-salvazzjoni tiegħu, biha jibda jemmen u biha jibda jgħix.
Tmiem tal-problemi
Il-problemi
relatati mat-teħid tad-drogi ma jintemmux meta l-persuna tieqaf tużahom.
L-effetti tagħha jkunu akkumulaw u għalhekk wieħed jista’ jibda jaffaċċja ċerta
problemi mentali jew fiżiċi anke wara li jkun ilu li rebaħ il-vizzju. Qaluli li
dawk li jissejħu blank periods, meta
wieħed iħossu qisu mhux qiegħed f’ dinja, jistgħu jibdew iseħħu anke snin wara
li dak li jkun ikun tnaddaf. Qaluli wkoll li dan il-vizzju jista’ jtellef
il-konċentrazzjoni tal-bniedem minkejja li jkun ilu snin ma jmiss drogi.
Mela qed naraw li
dan mhux bħal vit tal-ilma, tagħlaqu u jieqaf, imma hemm riperkussjonijiet li
jistgħu jtawlu snin jekk mhux ukoll jibqgħu tul il-ħajja kollha tal- eks vizzjat.
Ma niġġudikax
Min jaħseb li
dawk li jintrikbu minn dan il-vizzju huma ġejjin minn familja jew soċjetà baxxa
ikun sejjer żball enormi. Illum din il-problema ma tafx limiti, la qagħda
finanzjarja tal-familji, la pożizzjoni soċjali la ħaġa u lanqas oħra. Forsi
in-naħa ta’ nofsinhar ta’ Malta huwa aktar ittimbrat ma’ din il-problema, imma
nassigurakom li llum imkien ma hu differenti. Tmur fejn tmur se ssib xi vittma.
Madanakollu jekk wieħed ifittex għajnuna professjonali jista’ jinħeles min din ix-xibka.
Jista’ jkun li persuna bdiet tieħu d-droga għax ma sabitx soluzzjoni għal
problema li kellha. Illum spiċċat b’ muntanja ta’ problemi. Ma niġġudika lil
ħadd, ma noħodha kontra ħadd għax kull każ fih storja unika, fih persuna, fih
familja, fih tant u tant weġgħat, biki u taqtiegħ ta’ qalb. Kull każ huwa
sigriet, imma sigriet li jafu kulħadd, bħas-sigriet ta’ Pulcinella.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento