Minn żmien għal
żmien f’ kull ilsien jitwieled ċertu kliem li jkun jinftiehem biss minn dik
il-faxxa ta’ nies li tużah. Aktarx li huma ż-żgħażagħ l-aktar li jużaw dan
it-tip ta’ kliem. Il-Ġerg, dak li bl-Ingliż jissejaħ Jargon (slang) u bit-Taljan gergo huma termini li jintużaw spiss f’ ambitu komuni u min ikun
barra minn dak l-ambitu ma jkunx jista jifhem x’ ikun qed jintqal. Per eżempju
fl-ambjent tal-informatika hemm bosta ġerg, jargon,
li jintuża imma min ma jkunx midħla tal-kompjuters ma jifhem xejn xi jkun qed
jintqal. Ġerġ komuni magħna l-Maltin kien il-kliem li l-kbar kienu jużaw
mat-tfal iż-żgħar, ħaġa li llum bilkemm għad hawn min jiftakarha. Lit-tfal
kienu jgħidulhom pappa għall-ħobż, ġuġu għall-ġobon, nejna għall-minestra, tetu
għall-kelb, pejxu għall-qattus, tuttu għaż-żiemel u l-kumplament. Ħaġa
interessanti kienet li liz-ziju kienu jgħidulu barba u l-vaż li kienu jpoġġu
taħt is-sodda kienu jsejħulu ziju!
Il-ġerg sewwasew
huwa għana ta’ tip ta’ għasafar li jinstabu fl-Ewropa ta’ fuq. Dawn meta
jgħannu jkunu donnhom bnedmin jitkellmu, biss ħadd ma jkun jista’ jifhem xi
jkunu qed jgħidu u propju għalhekk dan it-tip ta’ kodiċi jew kliem użat
mill-ftit jissejjaħ ġerġ.
Dan l-aħħar f’
pajjiżna mal-lista tal-ġerg żdiedet kelma oħra: Piżella!
Moħħ piżella
Fil-ġerg tal-lum
meta bniedem jissejjaħ “piżella” jkun ifisser li għandu moħħu ma jagħtihx,
moħħu ċkejken, ma jifhimx jew idum ma jifhem, iħallat ħaġa ma’ oħra. Fi kliem
ieħor moħħ piżella tfisser injorant. L-injorant ma jfissirx dak li ma jafx jaqra
u jikteb imma huwa dak li ma jridx jitgħallem. Ħadd ma jaf biżżejjed li ma
għandux bżonn jitgħallem aktar. Taf kemm taf qatt ma taf xejn u aktar ma ssir taf aktar tinduna kemm ma taf
xejn. Issa jekk irrid inkun piżella la nkompli naqra, la nkompli nisma’ la
nkompli nara programmi ta’ tagħrif u la ħaġa u lanqas oħra. Jekk nagħmel hekk
inkun sirt piżella ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġin Kkontrollata, DOK.
Meta nkun piżella?
Hemm bosta
sitwazzjonijiet fejn nista’ nkun piżella.
Meta nwaqqaf
il-karozza f’ nofs ta’ triq biex immur nixtri pakett sigaretti jew xi ħaġa
żgħira oħra bla ma nagħti każ li nkun qed ningormra t-triq u nkun qed noħloq
serbut ta’ karozzi. Hemm inkun piżella. Meta jċempluli fuq il-mobile u nkun qed
insuq u minflok nitfa’ mal-ġenb u nwieġeb jew inkella nħallih idoqq,
nirrispondi u nibqa’ nsuq. Agħar min hekk hu meta nirċievi messaġġ fuq il-mobile
u nkun qed insuq u nirrispondi l-messaġġ waqt li nkun fuq l-isteering. Hemmhekk
inkun re tal-piżelli!
Meta noħroġ
mal-ħbieb jew il-familja u mmur f’ xi post fejn ftit li xejn ikun hemm
parkeġġi, minflok niftiehem ma’ xi ħadd biex immur bil-karozza miegħu jew hu
jiġi bil-karozza miegħi, immur waħdi f’ karozza li tesa’ erba’ jew ħamsa
min-nies. U bħali jagħmlu sħabi jew tal-familja u hekk jekk inkunu għoxrin
nispiċċaw b’ għoxrin karozza jduru u jfittxu fejn ser jipparkjaw. Kieku ma
nkunux ġibna rwieħna ta’ piżelli kieku konna nkunu nistgħu nużaw biss ħames jew
sitt karozzi u konna naslu komdi xorta waħda. U meta tiġri din is-sitwazzjoni
ġieli ma nsibux fejn nipparkjaw u allura niksru l-liġi u nħallu l-karozza fejn
mhux suppsot, bħal quddiem xi garage jew f’ xi post riservat għal nies b’
diżabilità. Hemmhekk inkunu wkoll piżelli.
Piżella nkun meta
nasal fuq l-istage tal-linja u malli tasal il-karozza nitla’ l-ewwel bla ma
nagħti każ li jkun hemm ruxmata oħrajn li jkunu waslu qabli. Kontra qalbi
jkolli ngħid li din il-ħaġa saret komuni ħafna u donnha kull ma jmur qed
tiżdied, qegħdin nitilfu s-sens ta’ edukazzjoni, is-sens ta’ etikett. Tassew li
aħna l-Maltin ma tantx aħna magħrufin li nħobbu nżommu l-kju, imma iktar ma
jmur aktar qed insiru art tal-piżelli.
Kulħadd xi naqra piżella
Il-Malti jgħid li
biex tiskonġra trid tkun pur, jiġifieri ħadd ma jista’ joqgħod jilgħabha
tal-qaddis. Kulħadd xi darba jew oħra jagħmel xi żball, kulħadd xi kultant
jaġixxi ta’ piżella. Jgħidu li min ma jagħmel xejn ma jiżbaljax, imma lanqas
dan il-qawl ma huwa veritier. Min ma jagħmel xejn ikun qed jagħmel l-akbar
żball, ikun l-akbar piżella fl-opinjoni tiegħi, għax aħjar tipprova tagħmel xi
ħaġa u ma tirnexxix milli tibqa’ ħajtek kollha ma tagħmel xejn. Kulħadd xi
darba jew oħra jkun piżella, kulħadd huwa suġġett għall-iżball għax aħna lkoll
bendmin u l-iżball huwa magħġun
mal-essere tagħna.
L-importanti li
ma nibqgħux fl-iżball, l-importanti li ma nkunux piżelli għal dejjem.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 13 ta' Frar 2016
Nessun commento:
Posta un commento