sabato 6 febbraio 2016

Bluha

Il-jiem tal-karnival huma meqjusin bħala jiem ta’ bluha, jiem fejn dak li jkun jista’ jitbellah kemm irid u kemm jogħġbu bla ma ħadd ma jgħidlu xejn, bla ma ħadd jidħaq bih, bla ma ħadd joħodha kontrih. Jgħaddu dawn il-jiem u tispiċċa s-saltna tal-bluha u kollox jerġa għan-normal u s-serjetà tas-soltu. Hawn min jgħid li huwa tajjeb li għal xi ftit jiem il-bniedem jibdel ir-rutina tas-soltu u jitbellah xi ftit u hawn min jgħidlek li l-karnival issibu s-sena kollha. Hawn min jaqbel u min ma jaqbilx li l-bluha għandha r-renju tagħna wkoll.

Bluha aċċettata
Ġieli nsibu ruħna f’ sitwazzjonijiet biex ngħidu hekk ‘boloh’.  Ġieli tkun f’ mument serju, tisma’ kelma jew battuta bla sens u s-serjetà tas-sitwazzjoni tinbidel f’ daħka.

Darba kont qiegħed inqaddes f’ kappella żgħira u bdejt l-omelija billi għidt li darba minnhom kont sejjer inbajjad il-faċċatsa tad-dar. Fid-daqqa u l-ħin wieħed minn dawk li kien qiegħed jisma’ l-quddiesa qabeż u qalli “Ma kellekx bżonn sellum Father mela!” Kulħadd daħak, inkluż jiena. Minħabba li jiena ta’ statura twila qal dik il-battuta. Mhux normali li f’ omelija xi ħadd jaqbeż fin-nofs, imma ejjew ngħidu li din hija bluha aċċettata. Jien l-aktar li aċċettajtha u forsi dak il-bniedem qalli dak il-kliem għax jaf li naċċetta ċajta.

Wieħed tal-Museum kien qiegħed jagħmel konferenza. F’ ħin minnhom qal “Ġesù qalilna li jekk xi ħadd irid jimxi warajh...” wieħed li kien qed jisma’ qal b’ leħen għoli “Ġesù jimxi quddiemu.” Ovvjament jekk wieħed jimxi wara xi ħadd ikun qed jagħmel dan għax hemm xi ħadd ieħor miexi quddiem. Ma tridx wisq għerf biex tifhem dan, imma madanakollu battuta bħal din titfa’ tbissima fuq fomm dawk li jkunu qed jisimgħu, tagħti pawsa u forsi tkisser ftit id-distakk bejn il-kelliem u s-semmiegħa.
Wieħed avukat kien ma’ ħabib tiegħu f’funeral. Xi qarib tal-mejjet kien jgħallem lill-avukat. Dan l-avukat mar ħa b’ idejn l-eks għalliem tiegħu u lil sieħbu qallu li dak kien jgħallmu meta kien żgħir. Sieħeb l-avukat dar fuq l-eks għalliem u qallu “Nispera li mhux kollha bħal dan ħarġu l-istudenti tiegħek!” Ċajta bejn il-ħbieb li hija anke soċjalment aċċettata. Minkejja l-fatt li saret f’ waqt ta’ niket, ħadd ma ħa għalih bil-battuta li ntqalet. Ejjew ngħidu li din hija bluha aċċettata. Forsi mhux aċċettata minn kulħadd iżda żgur li hija milqugħa tajjeb minn ħafna.

Bluha tal-kbar
Il-bluha nassoċċjawha mat-tfal imma nistgħu ngħidu li anke l-kbar ġieli jitbellhu. Bluha tal-kbar ġieli jkollha konsegwenzi koroh u ġieli tkun tiswa bosta.

Żewġ żgħażagħ iltaqgħu waqt li kienu qed isuqu il-karozzi rispettivi tagħhom, sellmu l-xulxin u bħal bdew jimpikaw ma’ xulxin biex ma jħallux lil xulxin jgħaddu ’l quddiem fit-triq. It-triq kienet vojta u għalhekk aktar bdew jitbellhu. Wieħed minnhom kiser fuq l-ieħor biex jimblukkalu t-triq u spiċċaw bil-karozzi jitbewsu. Ma kienx hemm ħsara kbira imma xorta kienet ħsara. Jien inzertajt għaddejt ftit minuti wara l-ħabta u kull ma rajt hu l-karozzi maħbutin u s-sewwieqa jitkellmu minn ġewwa fihom. Ma nafx kif spiċċat din il-biċċa bluha tal-kbar.

U la qed insemmu l-bluha tal-kbar ma nistgħux ma nsemmux il-bluhat li jsiru fil-ħarġiet organizzati bejn l-irġiel qabel it-tieġ ta’ xi wieħed minnhom. Kemm-il darba smajna b’ xi bachelor’s party li spiċċa ħażin. F’ dawn l-okkażjonijiet issir bluha minn ta’ kull tip imma l-agħar hija dik il-bluha li jkollha konsegwenzi fuq l-għarus. Smajna b’ min kiser idu jew siequ u spiċċa jiżżewweġ bil-ġibs. Smajna li kien hemm min siker u għamlulu l-ġibs bla ma verament kellu bżonn... u t-tajba hi li lil dan qalulu li kienet ċajta wara li żżewweġ. Bluha tal-kbar li mhux dejjem tista’ tkun aċċettata.

Karnival
Grupp ta’ patrijiet  żgħażagħ kienu mistiedna għal lejla għand is-sorijiet tal-klawsura fi Triq Reġjonali San Ġiljan. Dawn marru libsin ta’ patrijiet li huma. Ipparkjaw il-van tagħhom ftit bogħod mill-monasteru tas-sorijiet u telqu bil-mixi  lejn il-post li kellhom immorru. Inzerta li dakinhar kien Sibt il-Karnival. Għaddiet karozza u s-sewwieq tagħha waqqaf qrib dawn il-patrijiet u ċanfarhom bis-sħiħ għaliex għażlu li jilbsu ta’ patrijiet biex imorru Paceville fil-karnival! Din ma kienitx bluha, il-patrijiet verament kienu patrijiet u l-kumment tas-sewwieq kien ġenwin. Is-sewwieq ħaseb li dik kienet bluha taż-żgħażagħ għax il-patrijiet kienu kollha għadhom żgħar.

Illum il-karnival u l-bluha bil-qies hija aċċettata. Mhux bluha li ġġib konsegwenzi koroh imma bluha li ġġib tbissima, li ġġib ferħ fuq kulħadd. Mhux kulħadd iħobbu l-karnival imma kulħadd xi darba jew oħra jagħmel xi biċċa bluha anke jekk ma tkunx intenzjonata. Mela llum ejjew ngħidu viva r-renju tal-bluha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 6 ta' Frar 2016




Nessun commento:

Posta un commento