Visualizzazione post con etichetta mobile. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta mobile. Mostra tutti i post

sabato 27 aprile 2024

It-telefon

Apparat li llum il-ġurnata kulħadd għandu huwa t-telefon. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu dan l-apparat, jew aħjar l-antenat tiegħu, kien meqjus bħala xi ħaġa ta’ lussu. Bil-mod il-mod beda jidħol aktar fi djarna sakemm illum kulħadd, jew nistgħu ngħidu l-maġġoranza kbira tal-poplu, għandu telefon personali, dak li nsejħulu l-mobile.

Alexander Graham Bell

Alexander Graham Bell
Qabel l-invenzjoni tat-telefon kien jeżisti apparat mekkaniku għat-trażmissjoni tad-diskors u l-mużika fuq distanza akbar minn dik tad-diskors dirett normali. Iżda nistgħu ngħidu li t-twelid tat-telefonija nafuha lil Alexander Graham Bell.

Bell twieled f'Edinburgh il-belt kapitali tal-Iskozja nhar it-3 ta' Marzu, 1847. Id-dar tal-familja Bell kienet f'South Charlotte Street, dar li sal-lum għandna naraw magħha skrizzjoni tal-ġebel li timmarkaha bħala l-post fejn twieldet missier it-telefon. Alexander kellu żewġ ħutu: Melville James Bell (1845–1870) u Edward Charles Bell (1848–1867). Missieru kien Alexander Melville Bell u ommu kienet Eliza Grace Bell née Symonds.  Missieru kien tabib li jispeċjalizza fis-smieħ. Isem l-iben kien biss "Alexander Bell" imma fl-età ta' 10 snin huwa għamel talba lil missieru biex ikollu isem tan-nofs bħaż-żewġ ħutu. Għal għeluq il-11-il sena tiegħu, missieru aċċetta u ħallieh jadotta l-isem "Graham", magħżul b'rispett lejn Alexander Graham, Kanadiż li kien pazjent ta’ missieru u li kien sar ħabib tal-familja. Madanakollu fost il-qraba u l-ħbieb tiegħu huwa baqa’ dejjem jissejjaħ "Aleck". Sa mill-ewwel snin tiegħu, Bell wera natura sensittiva u talent għall-arti, il-poeżija u l-mużika li kien imħeġġeġ fiha minn ommu. Bla ebda taħriġ formali, ħadem  pjanu u sar il-pjanista tal-familja. Bħala tifel żgħir, Bell, bħal ħutu, irċieva l-ewwel tagħlim tiegħu d-dar mingħand missieru. F’età żgħira, kien irreġistrat fir-Royal High School  ta’ Edinburgh, li ħalla fl-età ta’ 15-il sena. Hemm ħafna xi tgħid dwar dan il-bniedem, fosthom li huwa kkoppja, jew seraq l-idea tat-telefon. L-ewwel konverżazzjoni telefonika bidirezzjonali, jiġifieri li żewġ bnedmin jitkellmu u jisimgħu fl-istess waqt, fuq linja seħħet bejn Cambridge u Boston, distanza ta’ ftit aktar minn 3 kilometri fid-9 ta’ Ottubru, 1876. Sal-1904, fl-Istati Uniti kienu jeżistu aktar minn tliet miljun telefon.

Il-gabbana tat-telefon

Illum lanqas timmaġinak li tmur tagħmel telefonata minn telefon pubbliku, biss dan kien il-mezz li bih konna nikkomunikaw fi tfulitna qabel ma kellna t-telefon id-dar. Il-kaxxi jew gabini tat-telefon pubbliku kienu introdotti fir-Renju Unit fl-1852. Ma kienx it-telefon li nafu bih illum. Billi Malta kienet kolonja tal-Ingliżi, dan l-apparat ma damx wisq ma wasal fostna. Fl-1862 kienu mwaħħlin gabbani tat-telefon f’xi għases tal-pulizija ta’ Malta. Maż-żmien dawn il-gabbani bdew jiżdiedu u saru komuni f’kull belt u raħal tagħna. Dawn il-gabbani kien ikollhom il-kuruna rjali fuq il-faċċata tagħhom u fl-1975 bil-għan li titnaqqas ir-rabta kolonjali minn Malta, xi wħud minn dawn il-kuruni ġew imneħħijin. X’ħasra! Ara l-isorja jistax iħassarha xi ħadd! Kien hemm żmien li l-gabini tat-telefon inżebgħu blu u kien hemm żmien ukoll li bdew jitneħħew u jsiru oħrajn minnflokhom tal-ġebel jew tal-aluminium. Kien hemm minn dawn il-gabbani li tneħħew għal kollox, u llum min jaf fejn sabu posthom. Imnalla li sar intervent f’waqtu u dawn il-gabbani ġew protetti għax kieku naħseb li lanqas waħda ma fadal. Illum madwar Malta u Għawdex fadal 68 gabbana tat-telefon tal-ħadid fondud, aħjar mix-xejn!

Aktar qrib tagħna

Biż-żmien bdejna nsibu t-telefon fid-dar. Niftakar li l-ewwel telefon fit-triq tagħna kienet daħħlitu n-nanna. Biex inċemplu liz-ziju li kien joqgħod Raħal Ġdid konna l-ewwel naqbdu mal-operator u mbagħad ngħidulu n-numru li rridu u hu jqabbadna. Biex inċemplu barra minn Malta konna nibbukjaw telefonata. Konna niftakru n-numri tat-telefon tagħna u tal-ħbieb u tal-qraba. Illum bil-mobile hawn min lanqas in-numru tiegħu stess ma jiftakar. Is-set tat-telefon kien ikollu rota bin-numri u ddawwar in-numru li trid. Aktar tard is-settijiet inbidlu u saru bil-buttuni tan-numri. X’differenza mil-lum!

Il-mobile

U llum għandna l-mobile li bażikament huwa telefon imma nużawh għal elf ħaġa oħra u aktarx li l-inqas li nużawh huwa biex nagħmlu xi telefonata. Nużawh għar-ritratti, nibgħatu l-messaġġi, niktbu l-appuntamenti fuqu, naraw l-emails li jaslulna u nirrisponduhom u nsomma elf ħaġa oħra bla ma forsi nintebħu li dak l-apparat prinċipalment huwa apparat biex titkellem u tisma’ lil min ikellmek minnu. Mur ġib lil Alexander Graham Bell jara l-apparat li tant ħadem fuqu kemm evolva u kemm inbidel!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' April 2024




venerdì 12 gennaio 2018

Mazzun

Il-kelma “Mazzun” għalina l-Maltin għandha żewġ tifsiriet; mazzun hija ħuta li jingħad li tiekol kull ma ssib. Jien miniex dilettant tas-sajd u lanqas nifhem fil-ħut. Dan nippreferih fil-platt quddiemi. Il-Kelma mazzun nużawha wkoll għal xi persuna li tibla’ dak kollu li jgħidulha u forsi bla ma taħseb tħalli lilha nnifisha tiġi influwenzata minn ħaddieħor li għandu mnejn ikollu skopijiet moħbija.

Nemmnu kollox
Dan l-aħħar rajt post fuq Facebook li veru wriet biċ-ċar kemm hawn min iħalli moħħu f’idejn ħaddieħor. Dan il-post kien juri li fis-sena 2018 l-ewwel ta’ Jannar se jkun il-Ħadd, it-2 ta’ Frar il-Ħadd ukoll, it-3 ta’ Marzu l-Ħadd u baqa’ sejjer hekk għat-tnax-il xahar kollha. Ma tridx tkun mort l-università biex tinduna li dan ma huwa veru xejn għax l-ewwel ta’ Jannar ma kienx il-Ħadd iżda t-Tnejn.  Fuq dan il-kalendarju jumejn biss kienu tajbin, Settembru, 9/9/18 u Novembru 11/11/18, l-għaxra l-oħra żbaljati.  Madanakollu kien hemm eluf li għamlu like u bosta mijiet li xerrdu dan il-post żbaljat. Allura aħna l-bnedmin nemmnu kollox? Aħna daqshekk imzazen li dak li jitfgħulna quddiemna nibilgħuh bla ma naħsbu ftit? Allura moħħna qiegħed hemm biex jifred widnejna minn xulxin?

Ma nistenniex li kulħadd jiġih f’moħħu li pereżempju t-2 ta’ Frar jiġi 32 jum wara l-ewwel tas-sena mela qatt ma jista’ jkunu l-istess ġurnata bħall-1 ta’ Jannar, għax ġimgħa fiha sebat ijiem u għalhekk erba’ ġimgħat jammontaw għal 28 jum.

“Għax hekk smajt”
Din l-istorja ma sseħħx biss fuq il-mezzi tal-media soċjali, isseħħ ukoll fil-ħajja reali. Hawn l-affarijiet għandhom mnejn anke jitkabbru. Nagħmlu mod li wieħed ikun ra ħamiema fil-kampnar tal-knisja u jgħid li daħlet tajra ħdejn il-qniepen, għandu mnejn sa ftit ħin wara tkun ġriet il-kelma li fil-kampnar daħlet ajkla. Dan huwa forsi eżempju eseġerat, imma kemm-il darba nisimgħu esegerazzjonijet u jkun hawn min jemminhom? U jekk lil dan il-bniedem tistaqsih kif jaf jgħdilek biss: “Jien hekk smajt!” u allura la sema’ hekk, dak li sema’ għamlu Vanġelu!

L-Arċisqof bil-mobile
Dan l-aħħar ukoll fuq il-mezzi tal-media soċjali beda jdur ritratt tal-Arċisqof Scicluna bil-mobile f’idejh waqt funzjoni reliġjuża. Ma nafx jekk kienx ritratt awtentiku jew inkella wieħed mibni bis-saħħa tat-teknoloġija tal-lum. Jien lanqas qatt ma nniżżilha li l-Arċisqof kien qed jibgħat xi Sms, imma għadnu mnejn kien qed isegwi s-Salmi tal-Għasar. Jien kemm-il darba nsegwi t-talb tal-komunità minn fuq il-mobile. Illum dik hija t-teknoloġija, għaliex għandna nibżgħu minnha? Meta kont f’kunvent Tas-Sliema dejjem bl-Ismartphone kont insegwi t-talb tal-komunità. Ħaż-Żebbuġ ħafna kienu jarawni filgħodu nippassiġġa fuq iz-zuntier bil-mobile f’idi. Għall-ewwel ma ndunawx imma biż-żmien ħafna ntebħu li kont inkun qed ngħid it-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum. Nippreferi l-mobile mill-brevjar għax eħfef u s-sit eletroniku li jagħtik dan it-talb huwa inqas ikkomplikat mill-brevjar.

Niftakar meta kont Bologna fil-quddiesa ta’ filgħodu kienu jinżlu bosta patrijiet jikkonċelebraw, dawn kienu jitqassmulhom fuljetti għat-Talba Ewkaristika, imma wieħed minnhom kien jinżel bit-tablet u jsegwi kollox minn fuqu. Għall-ewwel rajnieha stramba iżda ma domniex ma drajna wkoll. Għandu mnejn kien hemm min jaħseb li dak kien ikun qed jilgħab bit-tablet waqt il-quddiesa. Jeżistu mazzuni li emmnu li l-Arċisqof bagħat Sms jew kien qed jilgħab bil-mobile waqt il-quddiesa, jew li jien kont inkun aljenat bil-logħob fuq iz-zuntier jew li l-patri ta’ Bologna kien jieħu t-tablet miegħu waqt il-quddiesa biex jagħmel xi ħaġa differenti. Kieku jaħasra jindagaw naqra ma jibqgħux imzazen!

Kulħadd sar għaref
Meta fis-snin disgħin infetħu għadd ta’ stazzjonijiet tar-radju, Malta rat qabża ’l quddiem fil-libertà imma rat ukoll ġirja lura fil-livell ta’ xandir. Bdew isiru għadd ta’ programmi b’telefonati mis-semmiegħa u f’daqqa waħda kulħadd sar għaref. Il-pluralizmu televiżiv kompla wkoll jesponi lill-mazzuni għal aktar għalf! Wieħed irid joqgħod attent x’jemmen u x’ma jemminx. Illum kulħadd jista’ jgħid li jrid imma dan ma jfissirx li kulħadd jgħid is-sewwa.

Il-bniedem jitwieled Tabula Rasa, moħħ vojt, paġna bajda, nadifa, pjazza vojta. Ftit ftit jibda jitgħallem u jimla din il-paġna vojta. Sfortunatament hawn min iħalli lill-ħaddieħor jimla din il-paġna li hija tiegħu biss, iħalli li moħħu jidderiġih ħaddieħor. Min jagħmel hekk tassew ikun jistħoqqlu t-titlu ta’ Mazzun.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  13 ta' Jannar 2018



giovedì 21 marzo 2013

Min qiegħed jarani?


Fi tfuliti ġieli rajt xi kwadru li fin-naħa ta’ fuq tiegħu kien ikollu mpittra għajn ta’ bniedem. Dejjem qaluli li dik l-għajn kienet tfisser li Alla jarana dejjem inkunu fejn inkunu. Illum dawn il-kwadri donnhom spiċċaw għal kollox għax ilni ma nara wieħed minnhom. Bis-sekularizazzjoni iktar u iktar ma għadniex naraw kwadri ta’ dan it-tip. Illum il-maġġoranza tagħna temmen li Alla jarana l-ħin kollu imma temmen ukoll li mhux Hu biss qiegħed jgħasses fuqna u jaf fejn inkunu. B’dan ma rridx infisser li teżisti xi qawwa sopranaturali oħra imma rrid ngħid li llum jeżistu makkinarji u apparat li jżommna taħt għajnejh, biex ngħidu hekk.

Global Position System
Madwar sitt snin ilu kont qiegħed insuq minn Ruma sa Napli. Miegħi kelli lil Patri Carlos Aspiros Costa, dak iż-żmien Majjistru Ġenerali tad-Dumnikani. Biex ma nintilifx żgur kelli s-sistema tal-Global Position System (GPS). Dan kultant kien javżana li rridu nduru fuq ix-xellug jew il-lemin jew nibqgħu sejrin dritt. Xejn speċjali, xogħol il-GPS. Ħin minnhom il-Ġeneral qal lili u lit-tnejn l-oħra li kienu magħna li llum ikun hemm min qiegħed isegwina bla ma biss aħna nkunu nafu u prova ta’ dan hija is-sistema tal-GPS. Dakinhar qbilt miegħu. Illum naħsibha xort’ oħra.

Is-sistema tal-GPS taħdem billi fl-ispazju għandha 32 satellita. 24 minnhom huma attivi filwaqt li 8 oħra huma riserva. Dawn is-satelliti jinstabu għoxrin elf kilometru l fuq mid-dinja u jagħmlu dawra mad-dinja kull 12-il siegħa. Inkunu fejn inkunu fid-dinja tal-inqas ħames satelliti jolqtuna. Dawn is-satelliti jibgħatu messaġġ lejn id-dinja kull 30 sekonda. Il-messaġġ ikun fih il-ħin li jintbghat u l-pożizzjoni tas-satellita. Il-messaġġi jaslu fid-dinja 18-il sekonda wara. Meta l-apparat li jkollna fil-karozza jirċievi messaġġi minn 4 satelliti jkun jista’ jikkalkula l-pożizzjoni tagħna fid-dinja. Minkejja li s-sistema mhix preċiża mija fil-mija, l-varjazjoni hija biss ta’ ftit metri u aktar il quddiem sejrin ikollna GPS aktar preċiża. B’ din is-sistema bl-ebda mod ma nistgħu ngħidu li dawn is-satelliti jkunu jafu fejn ninsabu aħna iżda bil-kuntrarju, inkunu nafu aħna fejn huma biex imbagħad insibu fejn qegħdin aħna. Forsi jkun hawn min jistaqsi kif il-GPS isiblek it-triq li trid. Din is-sistema ma hijiex tas-satellita imma hija programmata fuq l-apparat li jkollna fil-karozza. F’ dan l-apparat hemm mappa u l-pożizzjoni tagħna fuq din il-mappa tkun aġġornata kull meta jaslu l-messaġġi ġodda mis-satelliti, jiġifieri kull 30 sekonda imma aħna ma nintebħux b’ dan.

Iċ-Ċellulari

Mhux l-istess nistgħu ngħidu għat-telefonija ċellulari. Din is-sistema tkun taf sewwa fejn ninsabu, sewwa sew kontra is-sistema tal-GPS. Din is-sistema tissejjaħ ċellulari għax taħdem biċ-ċellel, jew żoni. Malli jien bil-mowbajl tiegħi nidħol f’ ċella (żona) niġi assenjat frekwenza u time slot (kull sekonda tinqasam fi 8 partijiet u jien ikolli parti minn kull sekonda, din il-parti ta’ sekonda tissejjaħ time slot). Din tkun frekwenza u time slot tal-mowbajl tiegħi biss u l-ebda telefon ieħor ma jidħol fuqha. Kieku ma kienx hekk konna nisimgħu bosta telefonati fl-istess ħin. Il-frekwenza tingħatalna malli nidħlu f’ċella u mhux bilfors inkunu qed nużaw il-mowbajl dak il-ħin. Billi t-telefon ċellulari huwa maħluq biex nużawh meta nkun miexja, jiġri li ngħaddu minn ċella għal oħra u hawnhekk issir il-handover, ningħataw frekwenza u time slot ġodda. Jekk ninżertaw fuq il-linja dak il-ħin lanqas biss nintebħu li tkun saret din il-handover.

Din is-sistema tkun taf sewwa kull telefon fejn jinstab. Jekk it-telefon jintefa allura jispiċċa kull kuntatt u ħadd ma jkun jaf fejn aħna, imma sakemm ikollna l-mowbajl fil-but ikun hemm min jaf fejn ninstabu. Din is-sistema ġieli għenet lill-pulizija ssib lil xi ħadd mitluf u ġieli għenet il-forza tal-ordni ssolvi każi l-aktar serji.

Dawn huma żewġ sistemi li ħafna minna għandhom u li għandna mnejn natribwixxu ħaġa b’oħra lis-sistemi li jkollna f’ idejna. L-għajn li darba konna naraw fuq il-kwadri qaddisa għadha tarana u tħarisna, imma llum żidna għajn oħra, mhux onnipotenti bħall-ewwel waħda imma effettiva. U kultant inkunu f’ post u ngħidu “U iva! Min qed jarani hawn?” Jew “Min se jsibni hawn?” Niżbaljaw jekk naħsbu hekk.

Fr. Reno Muscat 
In-Nazzjon, 21 ta' Marzu 2013