Fi tfuliti ġieli
rajt xi kwadru li fin-naħa ta’ fuq tiegħu kien ikollu mpittra għajn ta’
bniedem. Dejjem qaluli li dik l-għajn kienet tfisser li Alla jarana dejjem
inkunu fejn inkunu. Illum dawn il-kwadri donnhom spiċċaw għal kollox għax ilni
ma nara wieħed minnhom. Bis-sekularizazzjoni iktar u iktar ma għadniex naraw
kwadri ta’ dan it-tip. Illum il-maġġoranza tagħna temmen li Alla jarana l-ħin
kollu imma temmen ukoll li mhux Hu biss qiegħed jgħasses fuqna u jaf fejn
inkunu. B’dan ma rridx infisser li teżisti xi qawwa sopranaturali oħra imma
rrid ngħid li llum jeżistu makkinarji u apparat li jżommna taħt għajnejh, biex
ngħidu hekk.
Global Position System
Madwar sitt snin
ilu kont qiegħed insuq minn Ruma sa Napli. Miegħi kelli lil Patri Carlos
Aspiros Costa, dak iż-żmien Majjistru Ġenerali tad-Dumnikani. Biex ma nintilifx
żgur kelli s-sistema tal-Global Position System (GPS). Dan kultant kien javżana
li rridu nduru fuq ix-xellug jew il-lemin jew nibqgħu sejrin dritt. Xejn
speċjali, xogħol il-GPS. Ħin minnhom il-Ġeneral qal lili u lit-tnejn l-oħra li
kienu magħna li llum ikun hemm min qiegħed isegwina bla ma biss aħna nkunu nafu
u prova ta’ dan hija is-sistema tal-GPS. Dakinhar qbilt miegħu. Illum naħsibha
xort’ oħra.
Is-sistema
tal-GPS taħdem billi fl-ispazju għandha 32 satellita. 24 minnhom huma attivi
filwaqt li 8 oħra huma riserva. Dawn is-satelliti jinstabu għoxrin elf
kilometru l fuq mid-dinja u jagħmlu dawra mad-dinja kull 12-il siegħa. Inkunu
fejn inkunu fid-dinja tal-inqas ħames satelliti jolqtuna. Dawn is-satelliti
jibgħatu messaġġ lejn id-dinja kull 30 sekonda. Il-messaġġ ikun fih il-ħin li
jintbghat u l-pożizzjoni tas-satellita. Il-messaġġi jaslu fid-dinja 18-il
sekonda wara. Meta l-apparat li jkollna fil-karozza jirċievi messaġġi minn 4
satelliti jkun jista’ jikkalkula l-pożizzjoni tagħna fid-dinja. Minkejja li
s-sistema mhix preċiża mija fil-mija, l-varjazjoni hija biss ta’ ftit metri u
aktar il quddiem sejrin ikollna GPS aktar preċiża. B’ din is-sistema bl-ebda
mod ma nistgħu ngħidu li dawn is-satelliti jkunu jafu fejn ninsabu aħna iżda
bil-kuntrarju, inkunu nafu aħna fejn huma biex imbagħad insibu fejn qegħdin
aħna. Forsi jkun hawn min jistaqsi kif il-GPS isiblek it-triq li trid. Din
is-sistema ma hijiex tas-satellita imma hija programmata fuq l-apparat li
jkollna fil-karozza. F’ dan l-apparat hemm mappa u l-pożizzjoni tagħna fuq din
il-mappa tkun aġġornata kull meta jaslu l-messaġġi ġodda mis-satelliti,
jiġifieri kull 30 sekonda imma aħna ma nintebħux b’ dan.
Iċ-Ċellulari
Mhux l-istess
nistgħu ngħidu għat-telefonija ċellulari. Din is-sistema tkun taf sewwa fejn
ninsabu, sewwa sew kontra is-sistema tal-GPS. Din is-sistema tissejjaħ
ċellulari għax taħdem biċ-ċellel, jew żoni. Malli jien bil-mowbajl tiegħi
nidħol f’ ċella (żona) niġi assenjat frekwenza u time slot (kull sekonda tinqasam fi 8 partijiet u jien ikolli parti
minn kull sekonda, din il-parti ta’ sekonda tissejjaħ time slot). Din tkun frekwenza u time slot tal-mowbajl tiegħi biss u l-ebda telefon ieħor ma jidħol
fuqha. Kieku ma kienx hekk konna nisimgħu bosta telefonati fl-istess ħin.
Il-frekwenza tingħatalna malli nidħlu f’ċella u mhux bilfors inkunu qed nużaw
il-mowbajl dak il-ħin. Billi t-telefon ċellulari huwa maħluq biex nużawh meta
nkun miexja, jiġri li ngħaddu minn ċella għal oħra u hawnhekk issir il-handover, ningħataw frekwenza u time slot ġodda. Jekk ninżertaw fuq
il-linja dak il-ħin lanqas biss nintebħu li tkun saret din il-handover.
Din is-sistema
tkun taf sewwa kull telefon fejn jinstab. Jekk it-telefon jintefa allura
jispiċċa kull kuntatt u ħadd ma jkun jaf fejn aħna, imma sakemm ikollna
l-mowbajl fil-but ikun hemm min jaf fejn ninstabu. Din is-sistema ġieli għenet
lill-pulizija ssib lil xi ħadd mitluf u ġieli għenet il-forza tal-ordni ssolvi
każi l-aktar serji.
Dawn huma żewġ
sistemi li ħafna minna għandhom u li għandna mnejn natribwixxu ħaġa b’oħra
lis-sistemi li jkollna f’ idejna. L-għajn li darba konna naraw fuq il-kwadri
qaddisa għadha tarana u tħarisna, imma llum żidna għajn oħra, mhux onnipotenti
bħall-ewwel waħda imma effettiva. U kultant inkunu f’ post u ngħidu “U iva! Min
qed jarani hawn?” Jew “Min se jsibni hawn?” Niżbaljaw jekk naħsbu hekk.
Fr. Reno Muscat
In-Nazzjon, 21 ta' Marzu 2013
Nessun commento:
Posta un commento