giovedì 7 marzo 2013

Evoluzjoni fil-mod ta’ kif inħallsu


Għadni niftakar ċar li qrib id-dar tal-ġenituri tiegħi kien hemm ħanut tal-merċa. M’ilux xi mitt sena dan li qiegħed insemmi imma riesaq sewwa lejn in-nofs seklu. Dan il-ħanut kien ta’ waħda jisimha Karmena li ovvjament kulħadd kien jafha b’ Karmena tal-ħanut. Kultant kont immur b’ xi qadja f dan il-ħanut, b’ ommi toħroġ fuq il-bankina sabiex tarani sejjer u tarani ġej lura. Il-ħanut ma kienx imbiegħed aktar minn mitt pass mid-dar u għalhekk kont nista’ mmur fih filwaqt li nibqa’ taħt ħarset ommi. Dak iż-żmien forsi kelli ħames jew sitt snin, mhux iktar żgur. Ma’ kull qadja li kont nagħmel kont ningħata sold li bih kont nixtri erba’ ħelwiet. Kien ħelu li konna nsejħulu “tas-sold erbgħa”. Kien ħelu ċkejken u artab togħma ta’ larinġ

Meta niftakar f’ fatti bħal dan li semmejt nintebaħ kemm ikun għadda żmien. U maż-żmien li jkun għadda aħna nkunu nbdilna. Madwarna wkoll ikunu inbidlu bosta ħwejjeġ li għandna mnejn lanqas nintebħu bihom. Per eżempju mix-xena li ppruvajt inwassal f’ l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artiklu inbidel tista’ tgħid kollox: Jien mal-ħames jew sitt snin li kelli żdieduli erbgħin oħra, il-ħanut tal-merċa sar garage, il-ħelu li tant kont inħobb ma għadux jeżisti, ma nafx jekk sid il-ħanut għadiex magħna jew le u l-munita ta’ dak iż-żmien inbidlet għal darba tnejn.

money.jpgIl-qalba mis-soldi, sikspensijiet (six pence) u x-xelini għas-sistema deċimali niftakarha. Niftakar wieħed xwejjaħ fuq iż-żuntier tal-knisja jgħid li Alla huwa kontra d-deċimali u favur is-sistma l-antika għax kieku Ġesù ma kienx jagħżel tnax-il appostlu imma għaxra. Ma kienitx faċli li tgħallem is-sistema deċimali lil popolazzjoni li minn dejjem kellha sistema fejn tnax-il sold jagħmlu xelin u għoxrin xelin jagħmlu lira. Imma biż-żmien id-deċimali ndraw ukoll minkejja li termini bħal tmintax irbgħi jew ħames xelini bqajna nisimgħuhom spiss. Il-bidla għall-ewro ġabet inqas inkwiet għax is-sistema hija deċimali wkoll.
Soldi, ċenteżmi jew ewro. L-aqwa li jċekċku fil-but, l-aqwa li dak li nixtiequ nixtruh. Imma matul iż-żmien inbidel ukoll il-mod kif inġorru l-flus fuqna. Il-plastic money ħadet post il-munita u l-karti tal-flus. Komda l-plastic money, tmur xi mkien u tħallas biha, tixtri biha minn fuq l-internet u jekk ikollok bżonn il-flus kontanti f’ idejk sempliċiment issib ATM u tiġbed kemm teħtieġ. Imma l-bniedem ma jieqaf qatt joħlom u joħloq mezzi ġodda biex ħajjitna ssir aktar faċli. Jekk il-plastic money ħadet ħafna minn dak li kien tal-flus kontanti, fil-futur qrib il-ħlasijiet sejrin ikunu jistgħu jibdew isiru b’ mod aktar faċli u mingħajr użu tal-plastic money.

It-tekonoloġija qegħda tiżviluppa dik li tissejjaħ in-Near Field Comunication (NFC). Din is-sistema taħdem billi l-cash register tal-ħanut li fih inkun qiegħed nixtri ikun ikkomunikat mal-internet. L-istess ikun it-telefon ċellulari tiegħi li jkollu wkoll is-sistema NFC. Il-cash register jibgħat messaġġ bl-ammont lill-mowbajl tiegħi u jiena kemm naċċetta l-kont. Dak it-total jiġi mnaqqas mill-kont tal-bank tiegħi u jiġi mdaħħal fil-kont tal-ħanut. Il-vantaġġ ta’ din is-sistema huwa li anke ammonti żgħar ħafna li normalment wieħed ma jħallashom bil-credit card, jkunu jistgħu jitħallsu bla nkwiet ta’ xejn. Dan kollu jnaqqas il-flus kontanti mill-idejn.
Qrajt li din is-sena din is-sistema sejra iġġib fix-xejn il-flus kontanti u l-plastic money. Naħseb li hija esegerazzjoni, imma llum jew għada hemm irridu naslu. Fil-fatt il-manifatturi l-kbar tal-mowbajls diġa qegħdin jipproduċu mudelli li għandhom it-tekonoloġija NFC imdaħħla fihom. Bil-mod li qegħdin jinbidlu l-affarijiet fid-dinja tal-lum, ħaġa bħal din tfisser li ma ndumux ma naffaċċjaw din il-bidla.

Lanqas nimmaġinani sejjer għand Karmena tal-ħanut għal xi qadja u minflok flus nieħu l-mowbajl miegħi! Insomma dak iż-żmien ma kienx hawn mowbajls. Imma fi ċkuniti ma konniex nimmaġinaw ħafna affarijiet li llum drajniehom u kważi kważi lanqas ngħaddu mingħajrhom, sistemi li saru parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum.

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon 7 ta' Marzu 2013



Nessun commento:

Posta un commento