Visualizzazione post con etichetta ilma. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta ilma. Mostra tutti i post

sabato 31 agosto 2024

l-Għajn

Ma nafx kif weħlet f’moħħi il-kelma “Għajn”, kelma polivalenti, kelma b’aktar minn tifsira waħda. Qallibt il-paġni ta’ “Il-Miklem Malti” u sibt li Erin Serracino Inglott juża aktar minn 3 paġni meta jasal f’din il-kelma (Vol 3 paġni 146 – 149). Jien mhux ser ngħid kif fisser din il-kelma Serracino Inglott imma se naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi.

Organu fil-ġisem

L-għajn hija l-organu li bih il-bniedem jara. Huwa organu ikkumplikat ħafna li trid tagħmel sforz biex tifhmu aħseb u ara biex tispjega kif jaħdem. Insomma, kulħadd jaf x’inhija l-għajn, dik li fil-plural tiġi għajnejn. L-għajn insemmuha spiss fil-qwiel u l-idjomi tagħna l-Maltin. Bogħod mill-għajn, bogħod mil-qalb. Għajn le tara, qalb le tuġa’. Imbagħad hemm qawl ieħor li jista’ jkun kontroversjali llum. Dan jgħid hekk: Il-mara li ma tifhimx b'daqqa t'għajn ma tifhimx b'daqqa ta' ponn. U ieħor xi ftit jew wisq rari: Għall-bejjiegħ għajn waħda u għax-xerrej mitt għajn. Fejn jidħlul- idjomi l-għajn għandha postha wkoll. Mar għal għajnu, għandu bokka t’għajn, qalagħlu għajnu, kisirlu għajnu, tefa’ għajnejh fuq xi ħaġa jew xi ħadd, għajnu marret bih, għokritu għajnu, mar għal għajn xi ħadd, jagħti fil-għajn, għalaq għajn waħda u xi oħrajn ukoll. Jekk xi ħaġa tagħti fastidju lil xi ħadd malajr ngħidu li tagħtu f’għajnu. Meta wieħed ikun fis-sakra tisma’ min jgħidlek “Għajnu ħamra t-tonn!” Fuq kollox tinsa qatt li l-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu!

Fuq id-dgħajjes tas-sajd spiss naraw impinġija xi għajn. Din tissejjaħ l-Għajn ta’ Osiris. Din id-drawwa hija antika ferm u aktarx li ġejja mill-Feniċi fejn kienu jemmnu li din l-għajn tipproteġi lis-sajjieda meta joħorġu jistadu bid-dgħajjes tagħhom.

Għajn tal-ilma

Għajn tfisser ukoll nixxiegħa ta’ ilma ġieri. L-ilma dejjem kien element importanti għall-bniedem u billi f’pajjiżna ma għandniex xmajjar, missirijietna dejjem fittxew l-għejjun għall-ilma. Xi għejjun taw isem lir-raħal jew lix-xaqliba li jinsabu fihom. Insemmu Wied il-Għajn u Għajnsielem kif ukoll Għajn Dwieli u Għajn Tuffieħa. L-Imsida hija magħrufa għall-għajn tal-ħasselin. Fix-Xemxija nsibu Għajn Rażul, ir-Rabat Għawdex insibu Għajn Qatet, f’Kerċem għandna lil Għajn Tuta u fiż-Żebbuġ Għawdex qabel ninżlu għall-Qbajjar ngħaddu minn Għajn Mhelhel. Insibu għadd ta’ żoni oħra marbuta ma’ xi għajn, bħal Għajn Kajjet u Għajn Tejtes fir-Rabat Malta u Ħal Qormi hemm akwata li x-xjuħ tagħna kienu jirreferu għaliha bħala “fejn l-għajn tal-bhejjem” u bosta oħrajn. U l-għajn tal-ilma daħlet ukoll fil-qwiel Maltin. Ngħidu biex ma ddardarx l-għajn li tixrob minnha!

Konsonanti

L-għajn hija wkoll ittra fl-alfabett Malti. Billi llum tilfet il-ħoss tagħha saret problema għal xi wħud huma u jiktbu. Ħafna jħalluha barra u jispiċċaw jiktbu Malti ħażin. Idejjaqni ħafna kliem “Nerġgħu niltaqgħu” meta narah miktub “nerħaw niltaqaw” minflok. In-nies tal-Kottonera għandhom vantaġġ fuq il-kumplament tal-Maltin għax billi l-vokali I u U wara l-għajn jibdlu ħosshom u din il-ħaġa tħawwad lil ħafna, huma jħossu l-I u l-U ta’ wara l-għajn daqslikieku ma hemmx għajn! Biex wieħed jirbaħ dan l-ostakolu irid jaqra kotba bil-Malti kemm jista’ jkun, biss wara l-istħarriġ li sar dan l-aħħar dwar il-qari fost il-Maltin, ma tanx nara possibiltà li l-affarijiet jitjiebu! Interessanti li fl-Għarb Għawdex għad hemm min iħossha l-għajn u jippronunzjaha bħala Ħ.

Xorti ħażina

L-għajn tidħol ukoll fis-superstizzjoni. Hawn min jgħidlek li jemmen fl-għajn ħażina, hawn min meta jitkellem jew jara lil xi ħadd jagħmel il-pala ta’ idu f’forma ta’ qrun biex ibiegħed minnu l-għajn ħażina. Dan it-twemmin jinstab f'ħafna kulturi fir-reġjun tal-Mediterran, fil-Balkani, fl-Ewropa tal-Lvant, fil-Lvant Nofsani, fl-Asja Ċentrali, fl-Asja t'Isfel, fl-Afrika, fil-Karibew u fl-Amerika Latina. F’dawn il-kulturi hemm it-twemmin li jekk tintlaqat minn xi għajn ħażina tmissek sfortuna jew xi korriment. It-twemmin fl-għajn fost il-bnedmin ilu jeżisti mill-preistorja. Tant hu hekk li nstabu amuleti biex jipproteġu kontriha li jmorru lura għal madwar 5,000 sena ilu, jiġifieri mill-Eġittu tal-qedem.

Il-Knisja Kattolika ma temminx bl-għajn imma tammetti li jeżistu ċerti persuni li għandhom ċerti qawwiet straordinarji. Meta staqsew lili jekk nemminx bl-għajn jew le, ippreferejt ma nweġibx u meta staqsewni għalfejn il-Knisja ma temminx bl-għajn għidtilhom li sinjal li għadhom ma għajnux lill-Papa. Hi x’inhi, ħadd ma għandu jmur għand xi persuna oħra biex titneħħielu l-għajn li jaħseb li jkunu laqtuh biha.

L-aħħar għajn

Għajn oħra li lili ġieli tinnervjani hija l-għajn tal-labra tal-ħjata. Dik it-toqba li minnha tgħaddi l-ħajta tissejjaħ għajn ukoll. Kultant ikolli nuża labra u ħajta jien ukoll, f’emerġenza bħal tinqata’ xi buttuna tal-qmis li tkun ser toħroġ biha. U hemm l-għajn tal-labra turik l-għajn (l-organu) fiex inhi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Awwissu 2024



sabato 23 settembre 2023

Funtana

 

Illum il-ġurnata ma tmurx fi ġnien jew f’xi post pubbliku li ma tarax xi funtana. Anke f’bosta djar tagħna, meta djarna kienu għadhom djar u mhux gabubi, konna nsibu bosta minnhom b’xi funtana fil-ġnien jew bitħa jew saħansitra fil-parapett. U dan mhux f’pajjiżna biss, il-funtana hija għamara importanti fil-postijiet pubbliċi.

Mill-qedem

Il-kelma “funtana” ġejja mil-latin Fons li tfisser għajn tal-ilma. Biss dan ma jfissirx li kienu r-Rumani li waqqfu l-ewwel funatani. Oriġinarjament il-funtani kienu purament funzjonali, magħqudin ma’ għejun jew akwadotti bl-iskop li jipprovdu ilma tax-xorb u ilma għall-għawm u l-ħasil lir-residenti tal-bliet u l-irħula. Sal-aħħar tas-seklu XIX il-biċċa l-kbira tal-funtani kienu jaħdmu bil -gravità u għalhekk kellhom bżonn għajn ta’ ilma ogħla mill-funtana, jew inkella ġibjun jew akwedott, biex l-ilma jiċċirkola jew jogħla fl-arja.

Fontana di Trevi
Ċiviltajiet antiki bnew ħwat tal-ġebel biex jaqbdu u jżommu l-ilma tax-xorb tant prezzjuż. Ħawt tal-ġebel imnaqqax, li jmur għal madwar 2000 QK, instab fil-fdalijiet tal- belt antika Sumerjana ta’ Lagash fl-Iraq tal-lum. L-Assirjani tal-qedem bnew sensiela ta’ ħwat qrib tax-Xmara Comel. Dawn kienu minquxin fil-blat samm u mqabbdin ma’ kanali żgħar li jaslu sa xi nixxiegħa. L-Eġizzjani tal-qedem kellhom sistemi inġenjużi biex jerfgħu l-ilma  tax-xorb mix-xmara Nil  u ma’ din is-sistema ħolqu l-funtani. Il-Griegi tal-qedem użaw akkwadotti u funtani li jaħdmu bil-gravità biex twassal l-ilma lill-pubbliku. Skont l-istoriċi tal-qedem, il-funtani kienu diġà jeżistu f'Ateni, Korintu u bliet Griegi antiki oħra fis-sitt seklu qabel Kristu. Dawn kienu jkunu l-punti tat-tmiem tal-akwadotti li ġabu l-ilma minn għejjun jew xmajjar fil-bliet. Ir-Rumani tal-qedem bnew sistema estensiva ta’ akwadotti mix-xmajjar u mill-għadajjar il-kbar biex jipprovdu ilma għall-funtani u l-banjijiet ta’ Ruma. L-inġiniera Rumani użaw tubi taċ-ċomb minflok tal-bronż biex iqassmu l-ilma mal-belt kollha. Matul il-Medju Evu, l-akwadotti Rumani tkissru u ħafna funtani madwar l-Ewropa ma baqgħux jaħdmu, għalhekk il-funtani spiċċaw biss bħala dekorazzjoni. F'Ruma, il-Papa Nikola V (1397–1455) iddeċieda li jsebbaħ il-belt u jagħmilha kapitali denja tad-dinja Kristjana. Fl-1453, huwa beda jibni mill-ġdid l-Acqua Vergine, l-akwedott Ruman, li kien jinsab f’rovina sħiħa, li kien ġab ilma nadif tax-xorb lejn il-belt minn 13-il kilometru bogħod. Huwa ddeċieda wkoll li jerġa’ jqajjem id-drawwa Rumana li jimmarka l-punt tal-wasla ta’ akkwadott b’funtana grandjuża kommemorattiva. Huwa kkummissjona lill-perit Leon Battista Alberti biex jibni l-famuża Fontana di Trevi. 

Aktar qrib tagħna

Fil-bidu tas-seklu XIX Londra u Pariġi bnew akwadotti u funtani ġodda biex jipprovdu ilma tax-xorb nadif lill-popolazzjonijiet tagħhom li kienet kibret sewwa. Napuljun Bonaparte beda l-bini tal-ewwel kanali li jġibu l-ilma tax-xorb lejn Pariġi u ma’ dawn il-kanali saru ħmistax-il funtana ġdida, l-aktar famuża hija l-Fontaine du Palmier fil-Place du Châtelet li twaqqfet biex tfakkar ir-rebħiet militari tiegħu. Il-funtani ta’Pariġi fis-seklu XX ma kellhomx aktar għalfejn ifornu l-ilma tax-xorb - kienu purament dekorattivi u peress li l-ilma tagħhom ġeneralment kien ġej mix-xmara u mhux mill-akwadotti tal-belt, l-ilma tagħhom ma kienx għadu tajjeb għax-xorb. Tmienja u għoxrin funtana ġdida nbnew f’Pariġi bejn l-1900 u l-1940; disa’ funtani ġodda bejn l-1900 u l-1910; erbgħa bejn l-1920 u l-1930; u ħmistax bejn l-1930 u l-1940. Niżbalja jekk ngħid li Pariġi hija l-belt tal-funatani?

Funtani mibnija fl-Istati Uniti bejn l-1900 u l-1950 segwew l-aktar mudelli Ewropej u stili klassiċi. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-funtani fl-Istati Uniti saru aktar varjati fil-forma.

Il-Funtana tat-Tritoni

Inħoss li nkun qed nonqos jekk nikteb dwar il-funtani u ma nsemmix xi ħaġa żgħira dwar l-aktar funtana popolari ta’ pajjiżna – il-Funtana tat-Tritoni, sewwasew qabel tidħol fil-Belt Valletta, fil-pjazza li llum sar jisimha Pjazza Tritoni.

Din il-funtana kienet iddisinjata u mibnija bejn l-1952 u l-1959, imfassla b'mod konġunt mill-iskultur Vincenzo Apap u l-kollaboratur tiegħu Victor Anastasi. Il-funtana nxtegħelet l-ewwel darba nhar is-Sibt 16 ta' Mejju 1959. Il-funtana tikkonsisti fi tliet figuri tal-bronż ta’ Tritoni mitoloġiċi li qegħdin iżommu platt. Tnejn mit-Tritoni qegħdin bilqiegħda, filwaqt li t-tielet wieħed għarkobbtejh. Fl-1 ta’ Marzu 1978, waħda mill-idejn ta’ wieħed tat-Tritoni nkisret u l-platt ta’ fuq waqa’ u rriżulta fi ħsara sinifikanti lil tnejn mit-tliet Tritoni. Kien sar pilastru f’nofs il-funtana biex tal-anqas ma baqgħetx imkissra. Fl-2017 sar restawr kif għandu jkun biex din il-funtana reġgħet ħadet id-dehra oriġinali tagħha. Din kienet lesta sewwasew qabel mal-Belt Valletta kienet serviet bħala l-Belt Kulturali Ewropea, fl-2018. 

Illum dorna dawra mal-funtani. Hemm ħafna aktar x’wieħed jgħid dwar dawn imma llimitajt ruħi għal ftit funtani biss, għax jingħad li madwar id-dinja kollha hawn akar minn 280,000 funtana f’postijiet pubbliċi. Mur semmihom kollha!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Settembru 2023



venerdì 3 marzo 2017

Sejba ta’ pjaneti oħra

L-aħbar li smajna dan l-aħħar li n-Nasa ħabbret li nstabu seba’ pjaneti ġodda, bejn wieħed u ieħor id-daqs tad-dinja tagħna qajmet bosta domandi. Dawn il-mistoqsijiet, li anke staqsew lili, bagħtuni lura fil-ħsibijiet tiegħi u bdejt nipprova niftakar dak li xi darba studjajt.

Kemm huma bogħod minna?
Ix-xjenzjati qalulna li dawn il-pjaneti ġodda jinstabu madwar 39 sena dawl bogħod minna. Imma b’ daqshekk kemm hawn minna li fehmu xi ħaġa? Irridu nagħmlu ftit kalkoli biex nifhmu.

Id-dawl jivjaġġa b’ veloċità ta’  299,792,458 metru fis-sekonda. Kważi tliet mitt miljun metru fis-sekonda. Issa kull 60 sekonda tagħmel minuta, kull sittin minuta tagħmel siegħa u kull 24 siegħa jiffurmaw gurnata li 265 minnhom jagħmlu sena. Irridu nimmultiplikaw dawn in-numri kollha flimkien biex inkunu nafu f’ sena kemm-il metru jagħmel id-dawl. In-numru jiġi 9,454,254,955,488,000, disa’ kwadriljun, erba’ mija u erba’ u ħamsin triljun, mitejn u erba’ u ħamsin biljun, disa’ mija u ħamsa u ħamsin miljun u erba’ mija u tmiena u tmenin elf. Jekk jirnexxielek timmultiplika dan in-numru b’ 39 issib kemm dan il-pjaneti li nstabu dan l-aħħar huma bogħod minna. Jekk tneħħi l-aħħar tliet numru minflok metri jiġu kilometri!



North American X-15
Issa ejjew naraw ftit liema huwa l-aktar ajruplan fid-dinja li jiġri. Jingħad li dan huwa n-North American X-15. Dan jista’ jilħaq veloċità massima ta’ 7,274 kilometru fis-siegħa jew ftit aktar minn 20 kilometru fis-sekonda. Il-veloċità tad-dawl hija bejn wieħed u ieħor ħmistax-il elf darba aktar minn din il-veloċita.

Għalfejn dawn in-numri u kalkoli kollha? Sempliċiment biex naraw kieku bniedem kellu jfettillu jaqbad dan l-ajruplan biex imur sa fuq xi pjaneta minn dawn il-ġodda, idum sejjer aktar minn nofs miljun sena. Mela aħsibha qabel tfattarha!

Hemm ħajja fuq dawn il-pjaneti?
Ix-xjenzjati qalulna li fuq dawn il-pjaneti jista’ jkun hemm preżenza ta’ ilma f’ forma likwida li jagħti lok għall-ħajja. Iżda rridu niftakru li l-ilma mhux biżżejjed għall-ħajja. Jekk dawn il-pjaneti ma għandhomx atmosfera mhux possibbli ħajja bħal tagħna. Għandna nżommu f’ moħħna li dak kollu li qed jgħidu x-xjenzjati huwa ipotesi u ma hemm xejn ċert għaliex ħadd minn din id-dinja għadu ma rifes fuq xi waħda minn dawn il-pjaneti. Nafu li jinstabu f’ sistema solari differenti minn dik tagħna, aħna nduru max-xemx, huma jduru ma’ stilla oħra. Din is-sistema tajnieha l-isem ta’ Trappist 1. Is-sena d-dieħla n-Nasa sejra titfa’ teleskopju enormi ieħor fl-ispazju li jkompli jagħtina aktar tagħrif dwar dawn il-pjaneti li tlieta minnhom qed jgħidu li possibli jkun hemm il-ħajja fuqhom. Iżda sa issa ma nafu xejn aktar dwarhom.

U xi tgħid il-Knisja
Xi wħud staqsewni jekk il-Knisja ssibx diffikultà taċċetta li jkun hemm ħajja barra din id-dinja. Jien ma rridx inkun prużuntuż u lanqas jiena xi awtorità tal-Knisja f’ dan il-qasam, iżda biex twieġeb din il-mistoqsija ma hemmx għalfejn tkun awtorità, biżżejjed tiftakar dak li tkun tgħallimt.

Il-Knisja tgħallem li Alla ħalaq id-dinja u kulma jinsab fiha. Issa aħna għandna r-rakkont tal-ħolqien tad-dinja fil-ktieb tal-Ġenesi. Meta nkiteb dan il-ktieb, bejn il-ħames mitt sena u l-elf sena qabel Kristu, ix-xjenza ma kinitx dik li hi llum, anzi x-xjenza li għandna llum lanqas kienet għadha twieldet. Madanakollu l-bniedem minn dejjem staqsa kif ġie, minn fejn ġie u bosta mistoqsijiet oħra li ried iwieġeb permezz tal-fidi għaliex ma kellux toroq oħra x’ jaqbad. Għalhekk għandna l-istorja tal-ħolqien fil-Bibbja. Dan ma huwiex rakkont storiku iżda huwa rakkont li ssodisfa lil dak li ried ikun jaf xi ħaġa dwar il-bidu tad-dinja.

Illum mhux biss nafu li r-rakkont tal-ħolqien li nsibu fil-Ġenesi huwa immaġinarju iżda hawn xi wħud li lanqas jemmnu f’ dak li dan il-ktieb jgħid li ħalaq kollox. F’ dan il-każ immur għall-metafiżika, fergħa tal-filosofija li titrratta dak li huwa lil hinn mill-fiżika. Aristotile jsemmi l-mutur li jċaqlaq iżda li hu ma jiċċaqlaqx. Dan il-filosfu Grieg għex kwazi 400 sena qabel Kristu u għalhekk żgur ma kienx Kristjan. Lanqas kien Lhudi iżda kien jemmen bl-allat Griegi. Huwa jgħid li biex sar il-ħolqien ried ikun hemm l-ewwel spinta, xi ħaġa li toħloq imma li hi qatt ma kienet maħluqha. Dak li Aristotile sejjaħ l-ewwel mutur immobbli għal San Tumas ta’ Akwinu kien Alla. Mela kemm dawk li jemmnu f’ Alla kif ukoll dawk li ma jemmnux jaqblu li l-ħolqien sar, issa dwar l-isem ta’ min ħalaq ma naqblux iżda naqblu li l-ħolqien seħħ. Imbagħad hemm dawk li lanqas il-ħolqien ma jaċċettaw!
Dan ma kienx il-ħolqien tas-sistema solari tagħna biss, ma kienx ħolqien tal-galassja tagħna biss, jeżistu sistemi solari oħrajn, jeżistu galassji oħra li kollha nħolqu flimkien minn l-istess mgħallem. Din hija l-pożizzjoni tal-Knisja dwar din is-sejba.

Dan għadu biss il-bidu, min jaf kemm gaħd irridu nisimgħu aktar dwar dan!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 4 ta' Marzu 2017


sabato 2 aprile 2016

Xitwa bla ilma

Spiċċat ix-xitwa u bdejna naqdfu sewwa fl-istaġun tar-rebbiegħa. Smajna ma nafx kemm-il darba matul l-istaġun li għadda, dwar in-nuqqas ta’ xita. Tlabna għaliha, niżlet ftit, imma ma nistgħux ngħidu li kellna xi xitwa qalila anzi kien hemm jiem fiha li kienu aktar jixbħu xi jum ta’ April milli ta’ Jannar jew Frar.  Li nafu żgur hu li n-nuqqas ta’ xita li kellna matul ix-xhur xitwin sejjer iħallu l-effett tiegħu fuqna fix-xhur li ġejjin.

Ilma
l-ilma huwa l-aktar likwidu komuni li nsibu fid-dinja. L-ilma pur la fih riħa, la togħma u lanqas kulur. L-ilma jsir silġ fi grad zero Celcius u jsir fwar f’ mitt grad Celcius. Ftit inqas minn tliet kwarti tad-dinja hija miksija bih, madanakollu f’ bosta partijiet tad-dinja, l-ilma tajjeb għax-xorb huwa skars għaliex 3% biss minn dan l-ilma kollu huwa ħelu. Skont stħarriġ tal-Ġnus Magħquda, sas-sena 2025 madwar nofs il-popolazzjoni tad-dinja mhux ser ikollha biżżejjed ilma tajjeb għax-xorb. 

Minħabba l-importanza tal-ilma għall-bniedem u għall-annimal, il-bnedmin dejjem fittxew li jibnu djarhom qrib l-ilma ġieri. Kull ċiviltà twiledet qrib xi xmara. Il-Mesopotamja kienet bejn żewġ xmajjar famużi, it-Tigris u l-Ewfratre. L-Eġizzjani ta’ żmien il-Faragħun kienu jiddependu mill-ilma tax-xmara Nil. Ruma bħala kapitali tal-imperu kellha t-Tevere tagħtiha l-ilma. Bosta bliet oħrajn bħal Rotterdan, Londra, Pariġi, New York u kull belt importanti oħra għandhom tal-inqas xmara waħda għaddejja minnhom.

L-annimali, fosthom aħna l-bnedmin kif ukoll il-pjanti ma jistgħux jgħixu bla ilma u parti kbira mill-ġisem tagħhom huwa magħmul mill-ilma. Pereżempju l-ġisem tal-bniedem fih bejn sittin u sebgħin fil-mija ilma.  L-ilma huwa l-bażi ta’ kull tip ta’ xorb li nixorbu, sew jekk ikun meraq tal-frott, ħalib jew xorb ieħor, sew alkoħoliku jew le.

Il-qawwa tal-ilma
Ġieli nisimgħu b’ maltempati qawwija li jagħmlu ħsara u anke jaħsdu l-ħajja ta’ xi wħud. Pajjiżna mhux eċċezzjoni. L-ewwel maltempata kbira li niftakar jiena seħħet fil-25 ta’ Ottubru, 1979. Dakinhar kont għadni student u biex wasalt mill-iskola ġewwa r-Rabat sad-dar f’ Ħal Qormi konna iltqajna ma’ elf ostaklu. Ġebel fin-nofs tat-triq, ilmijiet iġorru karozzi, siġar maqlugħin u ma nafx xiex iżjed. Dik il-maltempata kienet temmet traġikament il-ħajja ta’ erba’ min-nies. Tant kienet kbira dik it-tempesta li triq ġewwa Ħal Qormi issemmiet għaliha u hekk għadha sal-lum: Triq l-Għarar 1979. Kienet esperjenza tal-biża’!

Il-bniedem huwa s-sid tad-dinja u għalhekk jaf juża l-elementi kollha, anke l-ilma. Qed ngħid element iżda fis-sewwa, l-ilma huwa molekola magħmula mill-idroġenu u l-ossiġnu, u mhux element! Mill-qawwa tal-ilma l-bniedem jista’ jiġġenera l-kurrent. Rota kbira li ddur bil-qawwa tal-ilma li jkun nieżel bis-saħħa minn xi xmara. Illum din it-tip ta’ enerġija ftit li xejn għadna narawha. Ovvajment Malta qatt ma rajnieha għaliex la xmajjar ma għandna u wisq u wisq inqas ilma li jiġri bis-saħħa.

Fil-biedja
Matul ix-xhur tax-xitwa, waqt il-quddies, fit-talb tal-fidili, kont inżid talba għax-xita. Darba waħda mara daħlet fis-sagristija ssaqsini jekk għandix l-għelieqi. Weġibtha fin-negattiv. Ma nafx għalfejn ħasbet li għandi xi ftit raba’. Ma tlabtx għalija biss imma tlabt għaliex naf li l-ilma tax-xita f’ pajjiżna huwa neċessarju daqs ma nafx xiex.  Xi gabillotti kellmuni b’ mod differenti u qsamt magħhom il-preokkupazzjoni tagħhom dwar in-nuqqas ta’ ilma u l-prodott skars li sejrin jagħtu l-uċuħ din is-sena. Qaluli li anke s-siġar, l-aktar dawk taċ-ċitru, sejrin ibatu ħafna għaliex meta suppost kienu reqdin, bdew iwarrdu. Jien ma nifhimx fl-argikoltura, imma nara b’ għajnejja li l-prodotti agrarji din is-sena baqgħu lura.

Mhux fil-biedja biss
Forsi naħsbu li n-nuqqas ta’ xita taffettwa biss il-qasam tal-biedja, imma mhux hekk. Wieħed li għandu ħanut taż-żraben qalli li din ix-xitwa keinet waħda ħażina fejn jidħol bejgħ għaliex in-nies kważi kważi baqgħet tilbes żraben tas-sajf. Ħadd ma xtara żraben ġodda għaliex dawk tas-sena l-oħra ma nfetħux bl-ilma! Persuna oħra li tbiegħ il-ħwejjeġ ukoll ilmentat min-nuqqas ta’ bejgħ ta’ ħwejjeġ xitwin. Din ix-xitwa kienet waħda ħafifa u kulħadd inqeda bil-gkieket tas-snin l-oħra bla ma ħass il-ħtieġa li jixtri oħrajn. Għax fil-verità ftit li xejn ilbisna ħwejjeġ tqal dix-xitwa. Dan in-nuqqas ta’ xita kollu ssarraf  f’ nuqqas ta’ bejgħ, nuqqas ta’ kummerċ. Meta qagħadt naħseb ftit intbaħt kemm ix-xita mhux biss għall-biedja hija neċessarja imma ddawar ir-rota ta’ bosta setturi oħrajn.
Tiskanata kif l-ilma huwa daqstant importanti f’ kull qasam. Taqtira taqtira li jispiċċaw f’ nixxiegħa li tingħaqad ma’ nixxiegħat oħrajn ujiffurmaw xmara. L-ilma li tant drajna insibuh kullimkien bla tbatija ta’ xejn li trid tkun xi xitwa bla ilma bħal din li għadna kif kellna biex nieqfu naħsbu ftit dwar kemm hu prezzjuż.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 2 ta' April 2016