L-aħbar li smajna dan
l-aħħar li n-Nasa ħabbret li nstabu seba’ pjaneti ġodda, bejn wieħed u ieħor
id-daqs tad-dinja tagħna qajmet bosta domandi. Dawn il-mistoqsijiet, li anke
staqsew lili, bagħtuni lura fil-ħsibijiet tiegħi u bdejt nipprova niftakar dak
li xi darba studjajt.
Kemm huma bogħod minna?
Ix-xjenzjati qalulna li
dawn il-pjaneti ġodda jinstabu madwar 39 sena dawl bogħod minna. Imma b’
daqshekk kemm hawn minna li fehmu xi ħaġa? Irridu nagħmlu ftit kalkoli biex nifhmu.
Id-dawl jivjaġġa b’
veloċità ta’ 299,792,458 metru
fis-sekonda. Kważi tliet mitt miljun metru fis-sekonda. Issa kull 60 sekonda
tagħmel minuta, kull sittin minuta tagħmel siegħa u kull 24 siegħa jiffurmaw
gurnata li 265 minnhom jagħmlu sena. Irridu nimmultiplikaw dawn in-numri kollha
flimkien biex inkunu nafu f’ sena kemm-il metru jagħmel id-dawl. In-numru jiġi
9,454,254,955,488,000, disa’ kwadriljun, erba’ mija u erba’ u ħamsin triljun,
mitejn u erba’ u ħamsin biljun, disa’ mija u ħamsa u ħamsin miljun u erba’ mija
u tmiena u tmenin elf. Jekk jirnexxielek timmultiplika dan in-numru b’ 39 issib
kemm dan il-pjaneti li nstabu dan l-aħħar huma bogħod minna. Jekk tneħħi
l-aħħar tliet numru minflok metri jiġu kilometri!
North American X-15 |
Għalfejn dawn in-numri u
kalkoli kollha? Sempliċiment biex naraw kieku bniedem kellu jfettillu jaqbad
dan l-ajruplan biex imur sa fuq xi pjaneta minn dawn il-ġodda, idum sejjer
aktar minn nofs miljun sena. Mela aħsibha qabel tfattarha!
Hemm ħajja fuq dawn il-pjaneti?
Ix-xjenzjati qalulna li
fuq dawn il-pjaneti jista’ jkun hemm preżenza ta’ ilma f’ forma likwida li jagħti
lok għall-ħajja. Iżda rridu niftakru li l-ilma mhux biżżejjed għall-ħajja. Jekk
dawn il-pjaneti ma għandhomx atmosfera mhux possibbli ħajja bħal tagħna. Għandna
nżommu f’ moħħna li dak kollu li qed jgħidu x-xjenzjati huwa ipotesi u ma hemm
xejn ċert għaliex ħadd minn din id-dinja għadu ma rifes fuq xi waħda minn dawn
il-pjaneti. Nafu li jinstabu f’ sistema solari differenti minn dik tagħna, aħna
nduru max-xemx, huma jduru ma’ stilla oħra. Din is-sistema tajnieha l-isem ta’
Trappist 1. Is-sena d-dieħla n-Nasa sejra titfa’ teleskopju enormi ieħor
fl-ispazju li jkompli jagħtina aktar tagħrif dwar dawn il-pjaneti li tlieta
minnhom qed jgħidu li possibli jkun hemm il-ħajja fuqhom. Iżda sa issa ma nafu
xejn aktar dwarhom.
U xi
tgħid il-Knisja
Xi wħud staqsewni jekk
il-Knisja ssibx diffikultà taċċetta li jkun hemm ħajja barra din id-dinja. Jien
ma rridx inkun prużuntuż u lanqas jiena xi awtorità tal-Knisja f’ dan il-qasam,
iżda biex twieġeb din il-mistoqsija ma hemmx għalfejn tkun awtorità, biżżejjed
tiftakar dak li tkun tgħallimt.
Il-Knisja tgħallem li
Alla ħalaq id-dinja u kulma jinsab fiha. Issa aħna għandna r-rakkont
tal-ħolqien tad-dinja fil-ktieb tal-Ġenesi. Meta nkiteb dan il-ktieb, bejn
il-ħames mitt sena u l-elf sena qabel Kristu, ix-xjenza ma kinitx dik li hi
llum, anzi x-xjenza li għandna llum lanqas kienet għadha twieldet. Madanakollu
l-bniedem minn dejjem staqsa kif ġie, minn fejn ġie u bosta mistoqsijiet oħra
li ried iwieġeb permezz tal-fidi għaliex ma kellux toroq oħra x’ jaqbad. Għalhekk
għandna l-istorja tal-ħolqien fil-Bibbja. Dan ma huwiex rakkont storiku iżda
huwa rakkont li ssodisfa lil dak li ried ikun jaf xi ħaġa dwar il-bidu
tad-dinja.
Illum mhux biss nafu li
r-rakkont tal-ħolqien li nsibu fil-Ġenesi huwa immaġinarju iżda hawn xi wħud li
lanqas jemmnu f’ dak li dan il-ktieb jgħid li ħalaq kollox. F’ dan il-każ immur
għall-metafiżika, fergħa tal-filosofija li titrratta dak li huwa lil hinn
mill-fiżika. Aristotile jsemmi l-mutur li jċaqlaq iżda li hu ma jiċċaqlaqx. Dan
il-filosfu Grieg għex kwazi 400 sena qabel Kristu u għalhekk żgur ma kienx
Kristjan. Lanqas kien Lhudi iżda kien jemmen bl-allat Griegi. Huwa jgħid li
biex sar il-ħolqien ried ikun hemm l-ewwel spinta, xi ħaġa li toħloq imma li hi
qatt ma kienet maħluqha. Dak li Aristotile sejjaħ l-ewwel mutur immobbli għal
San Tumas ta’ Akwinu kien Alla. Mela kemm dawk li jemmnu f’ Alla kif ukoll dawk
li ma jemmnux jaqblu li l-ħolqien sar, issa dwar l-isem ta’ min ħalaq ma
naqblux iżda naqblu li l-ħolqien seħħ. Imbagħad hemm dawk li lanqas il-ħolqien
ma jaċċettaw!
Dan ma kienx il-ħolqien
tas-sistema solari tagħna biss, ma kienx ħolqien tal-galassja tagħna biss, jeżistu
sistemi solari oħrajn, jeżistu galassji oħra li kollha nħolqu flimkien minn
l-istess mgħallem. Din
hija l-pożizzjoni tal-Knisja dwar din is-sejba.
Dan
għadu biss il-bidu, min jaf kemm gaħd irridu nisimgħu aktar dwar dan!
Nessun commento:
Posta un commento