mercoledì 15 marzo 2017

Kif għandhom jaraw lir-refuġjati l-Insara?

Ħaġa li sa issa donnha ntrabtet mas-seklu XXI hija l-kriżi globali tar-refuġjati minħabba l-gwerer, ġenoċidji u oppressjoni f’ diversi postijiet madwar id-dinja. Xi wħud jikkalkulaw li n-numru ta’ dawk li kellhom iħallu djarhom jilħaq madwar 60 miljun ruħ fid-dinja kollha. Fis-Sirja l-gwerra ilha sejra mill-2011 u hemmhekk madwar 14-il miljun persuna telqu minn djarhom, bi kważi 5 miljuni minnhom isibu kenn f’ pajjiżi barranin. L-Istati Uniti laqgħet kważi 85,000 refuġjat minn madwar id-dinja kollha fis-sena 2016. Ir-refuġjati jġibu magħhom opportunitajiet, riskji u dibattiti dwar kif in-Nisrani għandu jġib ruħu quddiem din is-sitwazzjoni.

L-ewwel nett, l-Insara kollha għandhom jaqblu li l-kwistjoni tar-refuġjati li aħna mdawrin biha hija aktar kumplessa milli kif qed turiha l-media soċjali. Hemm xi Nsara li minħabba l-kompassjoni jemmnu li għandna niftħu l-fruntieri kollha, jkunu xi jkunu. Hemm xi Nsara oħrajn li f’ dan iż-żmien ta’ terroriżmu, jemmnu li bwiebna għandhom jingħalqu għall-parti l-kbira tar-refuġjati. Għal dawk tal-ewwel, ħaġa bħal din hija anti-Kristjana jew nuqqas ta’ mħabba jew ħaġa razzista. Jekk wieħed jaħseb li teżisti possibilità waħda fuq din il-kwistjoni la hija ħaġa realistika u lanqas ħaġa li tgħin. Din mhix kwistjoni bejn imħabba u mibgħeda jew kompassjoni kontra s-sigurtà. Hemm ħafna x’ wieħed iġib qudddiem għajnejh. Hemm bosta fatturi li Nisrani għandu jġib jżomm quddiemu fil-qasam tar-refuġjati.

It-tieni ħaġa meta naħsbu dwar il-kriżi tar-refuġjati, irridu nifhmu li t-twemmin personali tagħna dwar ir-refuġjati huwa ħaġa separata mill-politika tal-gvern. L-Insara għandhom mnejn ikollhom  għadd ta’ prioritajiet li jkunu xorta, imma l-mod kif wieħed jaħdem fuq dawn il-prioritajiet jista’ jvarja minn persuna għal oħra. Gvern, anke jekk ikollu prinċipji Nsara, għandu prioritajiet differenti. Il-gvern irid jaħseb għas-sigurtà nazzjonali anke jekk l-Insara ma jagħtux każ tas-sigurtà personali. Jista’ jkun li jkun hemm Nisrani li jkun lest jipperikola kollox biex jgħin lir-refuġjati, iżda dan in-Nisrani ma jistax jikmanda lill-għajru jagħmlu bħalu. Irridu nsibu bilanċ bejn ir-responsabilità li nuru ħniena, kif irid minna Alla, u r-responsabilità li ċ-ċittadin ikun protett, ħaġa li jridha Alla wkoll.

Tajjeb li nqallbu ftit il-paġni tal-Bibbja biex naraw xi eżempji ta’ nies li telqu djarhom. Ġakobb flimkien mal-familja tiegħu jistgħu jitqiesu bħala refuġjati ġewwa l-Eġittu għax telqu pajjiżhom minħabba l-ġuħ f’ art il-Kangħanin. (Ġen 46: 1-4) Meta Mowab sab ma’ wiċċu l-qerda tal-Assirjani, huwa ħa lil niesu ġewwa Iżrael biex isibu kenn (Is 16:3) Edom kien ikkundannat talli ma għenx lir-refuġjati Iżrealin. (Għab 1:14) F’ Salm 146:9 insibu: “il-Mulej li jħares lill-barranin.” Rut aktar kienet imigranta milli refuġjata, laqgħuha f’ Ġuda iżda araw ftit fi kliemha lil Nagħomi ir-rieda tagħna li ssir tixbaħ lill-kultura Lhudija: “niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rt 1:16)

Il-liġi tat-Testment il-Qadim tgħid hekk dwar ir-refuġjati u l-imigranti f’ Iżrael: “Taħqarx il-barrani; int taf xi jħoss il-barrani, għax barrani int kont fl-art tal-Eġittu.” (Eż 23:9) Dan il-prinċipju nerġgħu nsibuh fil-ktieb tal-Levitiku, 19:33, “Jekk jiġi jgħammar miegħek f'artek il-barrani, la taħqrux.”

It-Testment il-Ġdid ma jitkellimx dwar ġnus li jilqgħu refuġjati. It-Testment il-Ġdid ma nkitibx bħala ktieb ċiviku jew kostituzzjoni. Li nsibu fih huwa kmand ta’ kif għandna nġibu ruħna mal-oħrajn. Ġesù qal li l-akbar kmandament, wara li tħobb lil Alla huwa li tħobb lill-proxxmu bħalek innifsek. (Mk 12:31) Fil-ġudizzju universali, Ġesù ser ifaħħar lil dawk li għenu lil min kien bil-ġuħ, bil-għatx u l-barrani. (Mt 25:35) Mela bla dubju, n-Nisrani għandu mandat li juri ħniena ma’ min hu fil-bżonn.

 It-tweġiba tan-Nisrani għall-kriżi tar-refuġjati għandha jkollha fiha l-imħabba. Tajjeb niftakru li l-imħabba Biblika dejjem iġġib magħha r-riskji. Mhux possibbli tħobb bħalma ħabb Ġesù bla ma jkollok riskji. Huwa propju r-riskju li jidentifika l-imħabba Nisranija u għalhekk irridu noqgħdu attenti meta nfasslu politka nazjonali. Kull nazzjon li jilqa’ lir-refuġjati jkun qed jiftaħ biebu għall-possibiltà li xi terroristi jidħlu fih. L-attakk li sar f’ Pariġi f’ Novembru 2015 u dak tal-Maratona ta’ Boston fl-2013 ifakkruna kif it-terroristi jistgħu jidħlu f’ xi pajjiż.

Għalhekk biex Nisrani jitratta din il-kriżi jrid jagħmel bosta passi:

1.       Juri mħabba u kompassjoni meta jilqa’ refuġjati f’ daru jew fil-knejjes tiegħu sabiex fih tidher l-imħabba ta’ Alla kif hemm fl-Evanġelju. Quddiem it-tron tal-Ħaruf għad ikun hemm “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien” (Apok 7:9)
2.       Jitlob għall-mexxejja tad-dinja. Il-mexxej għadu responsabilità divina “biex jikkastiga u jitħallas minn min jagħmel il-ħażen.” (Rum 13:4) u li jassigura li aħna “inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u  fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq.” (1Tim 2:2). Nisrani għandu jitlob li l-mexxejja jkollhom l-għerf ta’ Danjel jew ta’ Ġużeppi.
3.       Jgħin lil dawk l-għaqdiet li jassistu lir-refuġjati. Hemm bosta għaqdiet Insara li jgħinu lir-refuġjati biex jintegraw, jitħarrġu fix-xogħol, jitgħallmu l-lingwa jew xi sengħa u jadattaw ruħhom għall-kultura tal-post.
4.       Jippromovi politika tal-gvern li jgħarbel lir-refuġjati biex dawk li jkollhom intenzjoni ħażina ma jidħlux fil-pajjiż. Għandna nuru ħniena ma’ dawk fil-bżonn iżda rridu nuru ħniena ma’ ħutna ċ-ċittadin wkoll u ma npoġġulhomx ħajjithom fil-periklu.
5.       Jitlob għar-refuġjati u għall-familji tagħhom u għall-pajjiżhom. “O Alla! Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha! (Salm 57: 6)
6.       Ifittex l-aħjar mod kif jgħin lil dawk li jħallu djarhom. Hemm għadd ta’ opinjonijiet li ta’ min jagħti kashom bis-serjetà.


Ġesù qalilna biex immorru madwar id-dinja nxandru l-Evanġelju (Mt 28: 18-20). B’ dawn ir-refuġjati kollha, il-missjoni qed tigi għandna, u bosta minn dawk li qed jiġu għandna ġejjin minn pajjiżi tal-missjoni. Min jaf kieku nagħmlu bħal Alla, sitwazzjoni ħażina nibdluha f’ waħda tajba u mimlija bil-glorja?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Xandar il-Kelma, Marzi 2017




Nessun commento:

Posta un commento