sabato 25 marzo 2017

Frangar non flectar

Wieħed mill-filosofi li għexu madwar elfejn sena ilu u li llum għadna naqraw jew nistudjaw kitbiethom huwa Lucio Anneo Seneca, kultant imsejjaħ ukoll bħala Seneca ż-żgħir. Dan kien bniedem attiv ħafna, kittieb, drammaturgu, politku u min jaf x’ aktar. Fost oħrajn dan Seneca ħallielna għadd ta’ aforiżmi, frażijiet qosra mimlijin għerf. L-isem li għażilt illum għal dan l-artiklu huwa frażi ta’ dan il-filosofu.

Min hu
Seneca
Seneca ż-żgħir twieled ġewwa Cordoba fi Spanja fis-sena 4 qabel Kristu. Kien jappartjeni għall-kurrent filosofiku tal-Istojċi – skola ta’ ħsieb etiku u spiritwali imwielda fil-Greċja madwar 300 sena qabel twieled Seneca. Kien attiv fil-ħajja pubblika u laħaq anke senatur kif ukoll maġistrat. Kien riformatur li ma qagħadx jibża’ jintroduċi kunċetti ġodda kull fejn ta sehmu u għalhekk nistgħu nimmaġinaw li kien hemm min ma kienx jarah wisq sabiħ. Ħafna drabi hekk jiġri meta xi ħadd jipproponi xi ħaġa ġdida. L-Imperatur Gaio Cesare Germanico ikkundannah għall-mewt iżda din is-sentenza inbidlitlu ma’ waħda ta’ eżilju taħt l-Impeatur Claudio. Kien eżiljat ġewwa Korsika iżda ftit wara l-istess imperatur reġa’ sejjaħlu lura Ruma. L-Imperatur Neruni għażlu bħala konsulent tiegħu. Dan l-istess imperatur xi snin wara akkuża lil Seneca li kien ħa sehem f’ konġura kontrih u għalhekk kien imġiegħel iwettaq suwiċidju mill-istess Neruni. Dan seħħ fis-sena 65 wara Kristu.

Aforiżmi
Fost il-ħafna frażijiet li ħallielna Seneca hemm waħda famuża li tgħid: Frangar non flectar. Din bejn wieħed u ieħor tfisser: tkissruni, iżda le tgħawġuni. Fi kliem ieħor Seneca ried jgħid li jekk bniedem ikollu prinċipju, l-għedewwa jistgħu jagħmlu minn kollox biex ikissru l-persuna iżda l-prinċipju jibqa’ prinċipju u dan ma jinbidel qatt.

Kemm nistgħu ngħidu li għadu jgħodd għal-lum dan il-kliem? Il-prinċipju tassew jibqa’ prinċipju iżda llum il-ġurnata l-prinċipji donnhom qegħdin insibuhom fuq l-ixkafef tal-ħanut jew fuq it-tilari tal-monti. Anke l-iżjed ħwejjeġ sempliċi jistgħu juruna li llum il-prinċipju sirna nibdluh skont l-esiġenzi. Snin ilu l-mara tad-dar kienet tixtri prodott ta’ ċerta marka u ma tibdlu qatt. Illum billi hawn bosta prodotti fis-suq, billi hawn il-kompetizzjoni, faċli li dik il-mara taqleb minn marka għal oħra. Kien hawn min jemmen biss b’ ditta waħda ta’ karozzi u jekk ikollu jibdel il-karozza ma jixtrix waħda jekk ma tkunx tal-istess marka bħal dik li kellu qabel. Ilum ftit fadal minn dawn in-nies. Iżda b’ daqshekk qed immorru kontra dak li kien qal Seneca? Illum in-nies tbiddel u tibdel. Tibdel mobile, tibdel id-dar, tibdel il-karozza, tbiddel il-gvern u tbiddel skont kif taħseb li jkun l-aħjar. Iżda l-fatt li l-bniedem jibdel huwa frott tal-libertà. Il-bniedem jibdel għax ikun ħieles li jibdel u ma jkollu xejn xi jxekklu milli jagħżel dak li jrid. Jekk il-bniedem ikun imġiegħel jibdel u ma jkollux triq oħra x’ jagħżel allura l-kliem ta’ Seneca jgħodd ħafna f’ dan il-każ; ikolli nixtri min dak il-prodott bilfors iżda xorta f’ moħħi u f’ qalbi naf li l-prodott l-ieħor kien aħjar. Tkissruni iva, imma le tgħawġuni!

Problemi akbar
Dan li semmejt sa issa huma biss problemi żgħar biss. Fil-ħajja ġieli nsibu ma’ wiċċna problemi kbar. Ġieli nsibu quddiemna sur taż-żonqor li jkollna nieqfu quddiemu u nieħdu deċiżjoni. Din hija problema kbira mhux bħal meta jkollna nixtru prodott u mhux ieħor. Din tista’ tkun problema li taffettwalna l-ħajja tagħna, li tista’ tibdlina l-futur. Iżda meta ssib dan is-sur taż-żonqor quddiemek trid tiddeċiedi x’ ser tagħmel. Hawnehkk wieħed ikun irid jagħmel għażla: jew jaħseb li dak is-sur jista’ jkissru bid-daqqiet ta’ ras jew jinduna li iktar hemm ċans li jkisser rasu milli s-sur b’ dawk id-daqqiet. U din hija sitwazzjoni li nistgħu nsibu ruħna fiha lkoll kemm aħna. X’ nagħmel? Is-sur taż-żonqor jista’ jkun l-imgħallem tax-xogħol, il-familja, il-bank, il-gvern jew xi istituzzjoni oħra li tant hi kbira li naraha bħala sur quddiemi. U min dawn l-istituzjonijiet hawn ħafna, aktar milli wieħed jista’ jimmaġina. Jekk inħabbat rasi naf li se naqsamha u se nweġġa’ mela allura jkolli naċċetta r-realtà u nbaxxi rasi. Is-sur ma nistax inkissru allura rrid naċċettah quddiemi. Biss xorta waħda l-ħsieb tiegħi jibqa’ dak li kien: tkissruni, iżda le tgħawġuni.

 L-aħħar ħsieb
Ma nafx kif ġie f’ moħħi dan l-aforiżmu ta’ Seneca llum. Forsi qed niftakar snin l-istudju tal-filosofija fl-awli tal-Fakultà Teoloġika ta’ Posillipo f’ Napli? Ma nafx! Dan il-ħsieb ġabli quddiem għajnejja kemm il-bniedem jibqa’ dejjem bniedem u dak li ġara jew kien jiġri elfejn sena ilu fi żmien Seneca għadna nistgħu nsibuh illum ukoll. Seneca tkellem dwar il-prinċipju ta’ dak li jkun. Illum ukoll għad hawn nies bħal Senca, nies ta’ prinċipju. Inbidelt ix-xena, imma l-palk għadu l-istess wieħed.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 25 ta' Marzu 2017



Nessun commento:

Posta un commento