Issa li r-Randan
qtajna biċċa minnu sewwa, tajjeb inħarsu lejn it-tmiem tiegħu, jiġifieri
il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.
Il-festi
tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir huma festi tant mistennija minn dawk
dilettanti tal-wirjiet, statwi, purċissjonijiet u dak kollu li dawn il-jiem
għeżież iġibu magħhom. Id-drawwiet li aħna l-Maltin għandna għal dawn il-jiem
huma bosta u jvarjaw minn drawwiet reliġjużi, kulturali kif ukoll fejn jidħol
l-ikel. F’ pajjiżna verament ikun hawn x’ tara f’ dawk il-jiem u huma bosta
dawk li jistennew dawn il-festi bil-ħerqa jew biex jesebixxu dak li jkunu
għamlu matul is-sena jew biex jieħdu sehem f’ xi attività li ssir għadd ta’
postijiet f’ pajjiżna.
Mod ieħor
Illum il-ġurnata
s-safar sar ħaġa faċli. Ilum ma għadux dak iż-żmien li biex issiefer trid
torganizza xhur twal minn qabel. Illum, grazzi għat-teknoliġija kollox sar
mgħaġġel. Dan l-iżvilupp għen ukoll fil-qasam li dwaru qegħdin nitkellmu llum.
Ħafna Maltin qegħdin jgħaddu l-Ġimgħa Mqaddsa f’ xi pajjiż barrani fejn jaraw
il-kultura ta’ dak il-pajjiż u jieħdu sehem fil-funzjonijiet li jsiru. Dawn
it-talin ikunu jistgħu jgawdu vaganza waqt il-jiem li ma jkunux xogħol u
fl-istess waqt jesperjenzaw dak li jiġri f’ dawn il-jiem barra mix-xtut ta’
artna. Ejjew naraw ftit fejn wieħed jista’ jmur jekk jiddeċiedi li jqatta’
l-Ġimgħa Mqaddsa b’ differenza.
Spanja
Malaga |
Art li fil-jiem
tal-Ġimgħa l-Kbira għandha bosta drawwiet li jixbħu lil tagħna hija Spanja.
Biex ngħidu d-dritt aktarx li huma d-drawwiet tagħna li jixbħu lil tagħhom għax
xi wħud minnhom ġabuhom magħhom minn hemm jew il-Kavallieri ta’ San Ġwann jew
il-baħrin Maltin li kienu jbaħħru lejn xi port Spanjol.
Ħafna minn dawk
li jkunu Spanja f’ dawn il-jiem imorru ġewwa Malaga biex isegwu l-purċissjoni
famuża li ssir hemmhekk. Xejn inqas famuża u mfittxija hija l-purċissjoni li
ssir ġewwa l-belt ta’ Sevilja. Ġewwa Barċellona ssir purċissjoni sabiħa oħra li
bosta jmorru għaliha. Fil-kapitali Madrid ukoll issir purċissjoni għalkemm ma
hijiex popolari daqs it-tlieta l-oħra li semmejna qabel.
F’ dawn
il-purċissjonijiet naraw bosta elementi differenti minn dawk li aħna mdorrijin
bihom aħna l-Maltin u dan huwa li jagħmel żjara lilhom daqstant interessanti.
Italja Meridjonali
Lapio |
Tiskanta kemm
id-drawwiet mill-Italja ta’ fuq għal dik ta’ isfel ivarjaw. Fin-Nofsinhar ta’
dan il-pajjiż hemm bosta drawwiet għall-Ġimgħa Mqaddsa. Niftakar sewwa f’ raħal
fuq il-muntanji, qrib Avellino, rajt għadd ta’ statwi tal-Ġimgħa l-Kbira.
Il-kappillan ta’ Lapio, għax hekk jismu l-post, qalli li fil-jum tal-Ġimgħa
l-Kbira dawn l-istatwi jinħarġu fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja u hemm issir
il-Via Sagra.
Fi Sqallija hemm bosta
parroċċi li jorganizzaw il-purċissjoni bid-Duluri u bi Kristu mejjet, bħal
Cefalu, Augusta u Agrigento. Hawnhekk wieħed jista’ jara drawwa li forsi ħadna
mingħandhom aħna l-Maltin. F’ dawn il-purċissjonijiet jieħdu sehem il-baned
idoqqu l-marċi. F’ xi wħud minn dawn il-postijiet f’ Ħadd il-Għid terġa’ toħroġ
purċissjoni bid-Duluri u bi Kristu Rxoxt. Dawn joħorġu minn żewġ knejjes
differenti u meta l-istatwa tal-Madonna tiltaqa’ ma’ dik ta’ Kristu Rxoxt
jitneħħielha l-mant iswed minn fuqha biex in-niket jinbidel f’ ferħ. Sewwa
jgħidu Taljani: paesi che vai usanze che
trovi, kull fejn tmur issib id-drawwiet tal-post!
Din is-sena
Billi din is-sena
qegħdin niċċelebraw il-mitt sena mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima, nassumi
li jkun hawn min f’ dawn il-jiem jitħajjar iżur il-Portugall. Ladarba wieħed
iżur Fatima tajjeb imur ukoll Braga fil-Ġimgħa l-Kbira. Hemmhekk issir waħda
mill-aktar avvenimenti reliġjużi importanti fil-Portugall, purċissjoni li
għaliha jattendu bosta nies b’ devozzjoni kbira.
L-aktar popolari
Magħna l-Maltin
l-aktar post popolari f’ dawn il-ġranet jibqa’ Lourdes. Hawnhekk ma hawnx id-drawwiet li naraw Malta
jew Spanja jew Sqallija. Huwa propju dan li jagħmel dan il-post speċjali
fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Hemmehkk tmur biex issib lilek innifsek, issib
ftit ħin għalik innifsek bogħod mid-dinja mgħaġġla li aħna mdawrin biha.
Lourdes |
Ġewwa Lourdes
il-funzjonijiet reliġjużi isiru bl-akbar devozzjoni. Hawnhekk nies minn kull
parti tad-dinja tingħaqad flimkien biex nhar il-Ġimgħa l-Kbira tieħu sehem
fil-funzjoni tat-tlieta. Wara bosta minn dawk li jkunu f’ dan ir-raħal
dakinahr, jagħmlu il-Via Crucis li hemm fil-qrib. Hija esperejnza unika li trid
tgħixha biex tifhem sewwa x’ inhi.
Ħadd il-Għid
ġewwa Lourdes huwa wkoll sepeċjali. Il-viġilja u l-quddiesa tal-jum
fil-Bażilika ta’ San Piju X hija xi ħaġa fenominali. Hemmhekk tara
l-universalità tal-Knisija. Hemmhekk ma tħossokx Malti, Franċiż, Taljan,
Spanjol. Hemmhekk tħossok parti minn xirka li ma tafx bi fruntieri, ma tafx b’
pajjiżi , ilsna, kontinenti jew lewn tal-ġilda. Hemmhekk kulħadd isir l-istess.
Hemmhekk wieħed verament jesperjenza l-misteru tal-Għid li nkunu qed
niċċelebraw. Mhux ta’ b’ xejn li Lourdes huwa post daqstant imfittex fil-Ġimgħa
Mqaddsa, u hemm min mar u jerġa’ jmur. Dan huwa post ideali għax issib Tours
organizzati għal dawn il-jiem bla ma dak li jkun għandu għalfejn iħabbel rasu.
Dawn huma l-aktar
postijiet popolari magħna l-Maltin fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira. Jekk għadek qed
itella’ u tniżżel għandekx iżżur xi post minnhom ix-xahar id-dieħel, x’ qed
taħsibha?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 18 ta' Marzu 2017
Nessun commento:
Posta un commento