Sfortunatament fostna
l-Maltin hawn il-vizzju ikrah tad-dagħa. Insemmu l-isem ta’ Alla, tal-Madonna
jew tal-qaddisin mhux b’ mod xieraq. Ma jien qed ngħid xejn ġdid, dan mhux xi
sigriet! Iżda l-qaddisin aħna nsemmuhom ukoll fil-kliem ta’ bejnietna. Għandna
rħula msemmijin għall-qaddisin, djar, toroq u waqfiet tal-karozzi tal-linja. Għandna
espressjonijiet, idjomi u qwiel li ndaħħlu l-qaddisin fihom.

Bosta qatgħet fil-kampanja,
fi bliet jew irħula Maltin ukoll
issemmew għal xi qaddis bħalma huma San Martin limiti tal-Imġarr u San Pawl
il-Baħar. Ġebel San Martin fiż-Żejtun. Fuq San Pawl u Santa Margerita Bormla
kif ukoll Santa Margerita fil-Mosta.
Bormla nsibu ż-żona magħrufa bħala San Ġwann t’ Għuxa. Fil-Qrendi nsibu
n-naħa ta’ San Niklaw u San Mattew tal-Maqluba filwaqt li fis-Siġġiewi
niltaqgħu ma’ San Lawrenz tas-Salib. Fin-Naxxar għandna lil San Pawl tat-Tarġa,
filwaqt li fil-Mosta hemm San Ġużepp tat-Tarġa. In-Naxxarin l-aqwa għax
għandhom it-telgħa ta’ Alla u Ommu! Ħ’ Attard insibu ’l San Anton filwaqt li
fil-Mellieħa għandna Santa Marija estate. Parti mir-Rabat ta’ Malta tissejjaħ
Il-Kunċizzjoni filwaqt li parti minn Ħal Qormi hija magħrufa bħala l-Vitorja. Ir-Rabat
għandu wkoll il-Lunzjata u Santa Katarina (tad-daħla) Ġewwa Ħaż-Żabbar u fl-Għarb
Għawdex hemm iż-żoni magħrufa bħala San Pietru filwaqt li ’l ġewwa minn Kerċem
insibu l-għadira ta’ San Rafflu. Kerċem ukoll għandu l-wied tal-Lunzjata. F’
Ħaż-Żebbuġ għandna lil San Blas, l-Isla fejn San Filippu u Raħal Ġdid ħdejn
Santa Ubaldeska. Hemm oħrajn żgur!

Għandna wkoll xi idjomi
li fihom indaħħlu lill-qaddisin: Mill-Milied sa San Stiefnu (26 ta’ Diċembru)
ngħiduha għal xi ħaġa li ma ddumx wisq. Il-Flus ta’ Santa Liena hawn min
jirreferi għalihom għal dawk il-flus li ma jaslu qatt. Meta wieħed imur xi
mkien bil-mixi jgħid li mar B’ ta’ San Franġisk u hawn min jgħidlek li
fid-dinja trid Paċenzja ta’ Ġobb. U meta
titlef din il-paċenzja ngħidu li tela’ San Filep. Ma nafx liema San Filep hu,
hux l-Appostlu, ta’ Agira, Filippu Neri jew xi Filippu ieħor mill-ħafna li hemm
b’ dan l-isem!
Qiegħed niftakar li
l-bużnanna tiegħi ma kinitx taf l-ismijiet tax-xhur. Għalxejn kont tgħidilha li
twelidt fit-tali xahar għax ma kinitx tifhmek. Ix-xhur għaliha kienu marbutin
mal-qaddisin. Għaliha Jannar kien ix-xahar tal-Istrina u Frar ta’ San Pawl.
Marzu ta’ San Ġużepp u billi hi kienet Qormija, April għaliha kien ix-xahar ta’
San Ġorġ. Mejju kienet issejjaħlu tal-Madonna, Ġunju tal-Qalb ta’ Ġesù. Lulju
għall-bużnanna kellu żewġ ismijiet, jew ta’ Sant’ Anna imma aktar kienet
issejjaħlu tal-Karmnu. Awwissu ta’ Santa Marija, Settembru tal-Vitorja u
Ottubru tar-Rużarju. Ma jistax jonqos li Novembru kienet issejjaħlu tal-Erwieħ
kif bosta għadhom isejħulu sal-lum u Diċembru tal-Milied. Kollox kien marbut
mal-qaddisin għall-bużnanna tiegħi u għal dawk kollha bħalha li d-dinja tagħhom
kienet tibda mill-bank tal-kċina tad-dar u tispiċċa sas-siġġu tal-knisja.
X’ dawra dorna
mal-qaddisin u l-użu ta’ isimhom. Min
jaf kemm-il darba insemmuhom bla ma nindunaw li qed insemmu qaddis jew
qaddisa!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' Dawl Franġiskan ta' Marzu 2017
Nessun commento:
Posta un commento