venerdì 24 febbraio 2017

Qabel is-sawm - il-karnival!

Jgħidu li l-karnival huwa jiem ta’ bluha, jiem ta’ tbaħrid, ġiri, żufjett u mitt ħaġa oħra. Hu x’ inhu huwa jiem li jiġu sewwasew qabel il-ġimgħat tar-randan, żmien li fih suppost issir penitenza, astinenza u ċaħda. Mela ladarba hemm dan iż-żmien ta’ tbatija, jaqbel ingawdu kemm nifilħu qabel! Kien għalhekk li nħoloq il-karnival. Minkejja li ma hijiex festa strettament reliġjuża, hija festa marbuta mal-kalendarju tal-Knisja.

F’ Malta
Billi pajjiżna minn dejjem kien immexxi mill-barrani, ma jistax jonqos li dawn il-ħakkiema ġabu magħhom id-drawwiet ta’ pajjiżhom. Iżda l-Malti għaraf iħaddan dawn id-drawwiet u jagħtihom ukoll il-laqta Maltija biex illum twaħħdu mal-kultura tagħna. Hekk ġara mill-karnival. Kienu l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann li daħħlu din id-drawwa fil-ħajja ta’ missirijietna. Aktarx li kien il-Gran Mastru Pietro del Ponte, is-suċċessur ta’ L’Isle Adam, l-ewwel Gran Mastru li mexxa pajjiżna, li minkejja t-tmexxija qasira tiegħu, kien huwa li introduċa dawn il-jiem fostna fis-sena 1535. Kollox kien isir ġewwa l-belt tal-Birgu, fejn il-Kavallieri kienu joqgħodu. B’ hekk il-kavallieri li kienu jkunu Malta ma kienux iħossu n-nuqqas ta’ din id-drawwa li kienet popolari sew f’ pajjiżhom.

Jekk del Ponte ta bidu għall-karnival, il-Gran Mastru Lascaris fl-1639 ra li fi ftit aktar minn mitt sena l-istorja tal-karnival ta’ Malta kienet inbiddlet. Għalhekk huwa projbixxa li nisa jieħdu sehem fil-ballijiet tal-Kavallieri kif ukoll ħadd ma seta’ jilbes kostum ta’ xitan. Din il-ħaġa xejn ma niżlet sewwa mal-kavallieri.

Il-parata
Wara l-Assedju l-kbir tas-sena 1565, nibet il-ħsieb li dan il-fatt, din ir-rebħa kbira, tibqa’ tkun imfakkra anke fil-karnival. Fil-fatt daħlet id-drawwa tal-Parata fejn għadd ta’ żgħażagħ jilbsu ta’ Kavallieri u Torok u jiżfnu żifna li tirrapreżenta dak li seħħ f’ dik it-taqbida. Ovvjament ir-rebħa dejjem hija tal-Kavallieri, kif fil-fatt kien seħħ. Tant intgħoġbot din l-idea li kienu jgħidu li mingħajr Parata ma jsirx karnival. U tassew għaliex sal-lum il-ġurnata din iż-żifna għadha tiftaħ il-karnival ta’ kull sena.

Taħt il-kuruna
Fi żmien it-tmexxija Brittanika din id-drawwa ma spiċċatx. Il-karnival għadda minn evoluzzjoni. Bdew isiru karrijiet b’ temi politiċi, satiriċi u ġbid is-saqajn. Mad-dħul tal-karozzi u t-trakkjiet, bdew jinħaddmu karrijiet grotteski. Issa l-karnival Malti ma baqgħax biss bil-maskarati, bil-maskri grotteski u bil-karozzini armati għall-okkażjoni. Issa bdew jidhru karrijiet akbar. Daħlu wkoll ir-reklami. Dawn konna għadna narawhom sa ftit deċennji ilu. Trakk b’ xi flixkun ġgantesk ta’ xi xarba popolari fuqu. Xi karrijiet kienu jqassmu xi prodotti bħala pakketti żgħar tat-trab tas-sapun ta’ xi ditta famuża. Illum dawn id-drawwiet inqatgħu.

Traġedja
Jingħad x’ jingħad, il-karnival għandu dellu tqil u xortih hija mċappsa mad-dnub. Miskin! Fil-karnival tas-sena 1823 ġrat traġedja kbira. Kien it-Tlieta 11 ta’ Frar, l-aħħar jum tal-karnival. Kien hemm id-drawwa li l-patrijiet Franġiskani ta’ Ġieżu tal-Belt, jiġbru t-tfal ta’ bejn it-8 snin u l-15-il sena tal-Belt u tal-Kottonera fil-kunvent tagħhom. Wara li kienet issir quddiesa, it-tfal kienu jingħataw kisra ħobż kull wieħed. Inzerta li dakinhar kienu ttardjaw xi ftit biex qassmu l-ħobż u billi f’ pajjiżna kien hawn l-għakx, xi Maltin xħin raw il-ħobż daħlu huma wkoll fil-kunvent biex jieħdu loqma. Bejn ir-rassa, bejn il-folla, bejn l-għajat u bejn il-ġenn kollu, qamet konfużjoni sħiħa li ħalliet numru kbir ta’ tfal bla ħajja. Skont ġurnal ta’ dak iż-żmien kienu 110 dawk li mietu fir-rassa.

Illum
Il-karnival ta’ Malta llum huwa differenti kemm minn dak ta’ żmien il-Kavallieri kif ukoll minn dak ta’ żmien l-Ingliżi. Kien hemm żmien li l-karnival kien isir fix-xahar ta’ Mejju iżda issa ilu snin twal li reġa’ sab postu fejn suppost. Illum il-qofol tal-karnival huwa l-isfilata tal-karrijiet u ż-żfin li jsir ġewwa t-toroq tal-Belt Valletta.

Il-livell tal-karrijiet illum ma għadux dak li kien qabel . Illum mhux kollox jgħaddi. Kelli okkażjoni fejn mort ġewwa maħżen fejn jinbnew il-karrijiet tal-karnival. Rajt b’ għajnejja b’liema sengħa jsir ix-xogħol. Forma tat-tafal biex fuqha jsir ix-xogħol. Xogħol ta’ ingranaġġi fil-ħadid, xogħol ta’ hydrolic, welding, xogħol ta’ njam, żebgħa u lanqas naf kemm xogħol ieħor. Kollox professjonali. U xi ngħidu għall-kostumi? Artist iħażżeż id-disinn li jkun jikkumplimenta lill-karru trijonfali, imbagħad il-ħajjata jmiddu jdejhom għax-xogħol biex jagħtuna dawk il-kapolavuri li jmorru mal-kapolavuri l-oħrajn li jissejħu karrijiet!

 Illum il-karnival Malti mhux xi ħaġa ta’ kafkaf. Ma għadux iż-żmien li titfa’ fuqek dak li huwa ikrah jew li ma jrid ħadd. Illum il-karnival huwa vetrina ta’ talent u arti. Mhux ta’ b’xejn noffruh anke lill-barrani. Kemm evolva, kemm inbidel il-karnival Mlati mill-1535 sal-lum. Illum sar xi ħaġa unika, xi ħaġa Maltija mija fil-mija.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-25 ta' Frar 2017



Nessun commento:

Posta un commento