venerdì 17 febbraio 2017

Etikett

Il-mod kif wieħed għandu jġib ruħu ta’ nies quddiem in-nies insejħulu “Etikett”. L-etikett juri x’aħna, l-etikett juri il-livell ta’ soċjetà li ġejjin minnha. L-etikett huwa l-imġieba soċjali tagħna. Billi aħna l-Maltin għexna għal snin twal mal-Ingliżi, ħadna ħafna mill-etikett, mid-drawwiet tajba tagħhom, iżda ma nistgħux ngħidu li qatt wasalna biex nilħqu l-eċċellenza tagħhom fejn jidħol dan il-qasam.

Mill-Franċiż
Il-kelma “Etikett” hija kelma Franċiża: étiquette, li sewwasew ma għandha x’ taqsam xejn mal-mod kif inġibu ruħna. Din il-kelma tfisser tikketta jew tabella. Lejn nofs is-seklu XVIII l-Inġliżi bdew jużaw din il-kelma fis-sens modern li nużawha aħna wkoll. Aħna ħadna l-kelma mingħand l-Ingliżi. Ma użajniex il-kelma Taljana. It-Taljani jużaw il-kelma “Galateo” jew “Bon ton” biex ifissru dak li aħna nifhmu b’ etikett. Illum il-ġurnata anke l-Franċiżi jużaw il-kelma étiquette mhux biss għat-tabella ta’ mal-bagalja tas-safar jew it-tikketta ta’ mal-flixkun iżda anke għall-mod kif wieħed iġib ruħu fis-soċjetà. U jekk taħseb ftit din hija kelma adattata ħafna għax il-mod kif iġġib ruħek jagħtik tikketta ta’ dak li int.

Eżempji
Fi ċkunitna konna nistudjaw materja li llum ma nemminx li għadha tiġi studjata fl-iskejjel tagħna. Aħna kellna l-istudju soċjali. Parti minn din il-materja kienet tinkludi kif wieħed għandu jġib ruħu f’ għadd ta’ sitwazzjonijiet. Ejjew inġibu eżempju ta’ ikla f’ restaurant! Ħalli nara kemm niftakar minn dak li tgħallimt!

Il-kamrier dejjem għandu jservi l-ikel min-naħa tax-xellug ta’ dak li jkun bilqegħda filwaqt li jneħħi l-platt il-vojt min-naħa tal-lemin. Is-sarvetta għandha tinfetaħ u tibqa’ miftuħa fuq saqajn dak li jkun. Id-dahar għandu jinżamm dritt mad-dahar tas-siġġu. Dak li jkun qed jistieden, il-kap tal-mejda, għandu jistenna li kull persuna fuq il-mejda tkun servuta qabel jibda jiekol u għandu jkun hu li jibda jiekol l-ewwel. Qabel jisserva t-tieni platt il-kamriera għandhom jaraw li kulħadd lesta mill-ewwel wieħed u li l-platti tneħħew minn fuq il-mejda. Kienu jgħidulna li hija nuqqas ta’ edukazzjoni tiekol il-ħobż bejn l-ewwel u t-tieni platt. L-etikett jitlob li qabel tixrob l-ilma jew l-inbid għandek toffri li timla t-tazza ta’ dawk ta’ ħdejk jekk dawn ikollhom it-tazza vojta.

Meta jkun hemm xi bniedem ġdid mistieden, dan għandu jiġi ppreżentat qabel l-ikla. Din il-persuna għandha tkun preżentata mill-kap tal-mejda. Dak li jkun fuq il-mejda għandu joħroġ idu l-leminija biex jieħu b’ id il-mistieden u mhux il-mistieden joħroġ idu l-ewwel. Meta nieħdu b’ idejn xi ħadd, aħna l-irġiel għandna nqumu bilwieqfa. In-nisa jistgħu jibqgħu bilqegħda biex jieħdu b’ idejn xi ħadd. Meta npoġġu fuq il-mejda għandna npoġġu l-koppji fejn xulxin bla ma nifirduhom u raġel ikollu raġel ieħor quddiemu u mara jkollha mara oħra quddiemha biex hekk ikunu jistgħu jitkellmu bil-libertà kollha.
Dawn huma biss ftit. L-etikett nużawh f’ kull ħin u f’ kull waqt tal-jum. Fit-triq, fil-ħanut, fuq tal-linja, fuq ix-xogħol, waqt li nkunu qed insuqu (mhux li kien nużawh!!) Aħjar nieqaf għax qed jiġuni aktar sitwazzjonijiet li tgħallimna nġibu ruħna fihom xi erbgħin sena ilu!

Il-prattiċità
Illum il-ħajja mgħaġġla u ma għadiex dik li kienet snin ilu. Il-laqgħat soċjali saru aktar numerużi, l-ikliet fil-ħwienet tal-ikel ma għadhomx biss xi okkażjoni rari iżda saru parti mill-ħajja tagħna. B’ dan l-istil ta’ ħajja lanqas nimmaġinaw li mmorru nieklu u nżommurettament ir-regoli tal-etikett li semmejt aktar il fuq. Irridu nkunu prattiċi. Iżda li tkun prattiku ma jfissirx li tkun maledukat.

Kultant il-maledukazzjoni hija frott tan-nuqqas ta’ ħsieb. Immaġina tkun f’ restaurant fejn fuq il-mejda ta’ ħdejk ikun hemm familja bit-tfal. Dawn jibdew iwerżqu, jgħajtu u jiġru ’l hemm u ’l hawn u inti tispiċċa li minflok tieħu gost, tirrovina il-lejla. Żgur li każ bħal dan ma jkunx tort tat-tfal iżda tan-nuqqas ta’ ħsieb ta’ min ikun ħadhom f’ post mhux adattat għalihom.

Evoluzzjoni
L-etikett għadda minn evoluzzjoni. Dak li kien jgħodd mitejn sena ilu ma għadux kollu kemm hu prattiku għal-lum. Drawwiet tbiddlu u magħhom inbidel ukoll l-etikett. Biss żgur li n-nuqas ta’ edukazzjoni qatt ma tista’ tieħu post l-etikett.

Dan l-aħħar qiegħed  ninnota li l-edukazzjoni naqset sew minn fostna. Mhux qed ngħid għall-edukazzjoni taċ-ċertifikati, il-lawri u l-masters għax dawn saru komuni, iżda fejn jidħlu manjieri kultant inħoss li morna l-baħar. Nies li temmew l-istudji tagħhom fl-università, nies li tistenna minnhom ċertu livell ta’ manjieri, ġieli ssib li huma agħar minn dawk li telqu l-iskola ta’ 16-il sena. Mhux qed ngħid li kulħadd hekk, Alla ħares! Lanqas qed ngħid għall-Maltin biss. Sfortunatament qed naraw għemejjel nieqsa mill-etikett minn bosta barranin li jkunu fostna. Mhux sewwa!

Kemm hu sew li nużaw l-etikett f’ ħajjitna, f’ kull sitwazzjoni li nkunu fiha.  Kemm jitnaqqas inkwiet kieku kulħadd ikun jaf il-manjieri t-tajba!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 18 ta' Frar 2017





Nessun commento:

Posta un commento