Rari tgħaddi
ġurnata li ma nisimgħux xi mużika! Anzi jien naħseb li ma tgħaddix ġurnata waħda biss li l-bniedem ma jismax xi tip ta’ mużika. Mhux mużika fuq
ir-radju jew fuq xi apparat ieħor, iżda xi ħsejjes ħelwin, jew anqas ħelwin, li
jakkumpanjawna f’ ħajjitna, wara kollox il-mużika ma hija xejn għajr għadd ta’
ħsejjes organizzati b’ mod armonjuż li joħolqu melodija. Bi ftit fantasija
kollox jista’ jidħol mal-klassi tal-mużika. Tista’ tisma l-għana ta’ għasfur,
l-inbieħ ta’ kelb, it-tħaxwix tal-ilma tal-baħar, it-tisfira tal-werżieq,
it-tektik tal-ħaddied fuq biċċa ħadida, iż-żaqżieq tas-serrieq tal-mastrudaxxa
u nistgħu nibqgħu sejrin hekk, kull tip ta’ ħsejjes jistgħu jkunu għalina
mużika. Biss imbagħad jekk il-ħsejjes ikunu għoljin wisq, f’ dak il-każ ma
jibqgħux ħsejjes iżda jsiru storju u mill-istorbju ma toħroġx mużika. Issa dan
x’ naħseb jien, għandek kull dritt ma taqbilx miegħi!
Fil-bidu
Flawtijiet primittivi |
Il-bniedem
primittiv induna li jista’ jagħmel sensiela ta’ ħsejjes billi dak li jsib jagħmillu
xi ftit tibdil. Hekk minn żokk irqieq ta’ siġra ħoloq flawt billi taqbu u
għamillu xi ftit toqob fih. Ma’ zokk oħxon vojt rabat biċċa ġilda ta’ mogħża,
nagħġa jew baqra u vvinta t-tambur. Bil-mod bdew jiġu vvintati l-istrumenti
mużikali. Ċiviltajiet antiki kellhom l-istrumenti mużikali tagħhom. Hekk
nistgħu ngħidu għall-Eġizzjani u ċ-Ċiniżi. Il-Babiloniżi kellhom stument
tal-korda li nistgħu ngħidu li hija xi bużbużnanna tal-kitarra. Min kellu qatt
jgħidilhom lil dawn in-nies li dak l-istrument li kienu vvintaw għad jara
daqtant tibdil! Anzi min minnhom qatt basar li bosta sekli wara l-istumenti
tal-korda se jkunu numerużi, bil-mijiet! U bl-istess argument ngħidu li lanqas
il-bniedem primittiv qatt ma ħaseb li dak il-flawt li ħolq minn biċċa zokk kellu
jkun il-missier ta’ mijiet ta’ strumetni li llum insejħulhom tal-injam u
tal-qasba!
Nistgħu ngħidu li
ħafna mill-mużiċisti gwappi bdew triqithom mal-mużika billi kienu jistudjaw
il-pjanu. Dan l-istrument, li sewwasew jismu pianoforte, jaf il-bidu tiegħu ġewwa l-Italja aktarx fis-sena 1698.
Il-pjanu huwa komdu għal min jikteb il-mużika għaliex normalment ikun fih 88
buttuna fit-tastiera tiegħu. Jingħad li għall-bidu l-pjanu ma tantx kiseb
suċess biss madwar seklu wara sar strument importanti għax il-kitba tal-mużika
bdiet ikollha noti baxxi u oħrajn għoljin għalhekk kien l-istrument ideali għal
din it-tip ta’ mużika.
Fil-Bibbja
Shofàr |
Insemmu l-Bibbja
għaliex hija l-aktar ktieb mifrux madwar id-dinja, l-aktar ktieb maqlub
bl-ilsna differenti u huwa ktieb li jinfirex fuq mijiet twal ta’ snin. F’ dan
il-ktieb niltaqgħu ma’ bosta strumenti mużikali. Spiss niltaqgħu mat-tromba.
It-tromba kienet tkun qarn ta’ muntun li jittaqqab minn ġewwa u jintuża bħala
strument. Il-kelma Lhudija għal dan l-istrument hija Shofàr, tixbaħ lil dik Maltija suffara. Il-Lhud kellhom ukoll it-tromba tal-metall li kienet tkun twila xi nofs
metru. Insibu wkoll imsemmi l-flawt. Sa mill-ewwel kapitli tal-Bibbja insibu
msemmi dan l-istrument (Ġen:4:21) Dan l-istrument insibuh ukoll fl-istorja
tat-tifla ta’ Ġajru. Xħin mietet kien hemm id-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ.
(Mt:9:22). Mal-flawt tissemma wkoll iċ-ċetra. Dan l-istrument huwa n-nannu
tal-arpa. L-arpa wkoll insibuha f’ idejn is-Sultan David. Is-salm numru 150
jagħtina sensiela ta’ ismijiet ta’ strumenti; it-tromba, l-arpa, iċ-ċetra,
it-tambur, is-sfafar u ċ-ċimbali. Iċ-ċimbali ma huma xejn għajr dawk li bosta
minna jsejħulhom platti.
Dawn huma xi wħud
mill-istrumenti mużikali li nsibu fil-Bibbja.
Kitba
Il-mużika fiha
wkoll il-mod kif tinkiteb. Hija nistgħu ngħidu l-ilsien internazzjonali għaliex
biċċa mużika miktuba tista’ tinqara minn kull min ikun jaf jara l-mużika tkun
xi tkun in-nazzjonalità tiegħu. Minkejja li
fl-aħħar mill-aħħar in-noti huma biss sebgħa, il-melodiji huma eluf. Biss ġieli
jiġri li biċċa mużika tkun tixbaħ lil xi biċċa oħra. Perezempju fl-album 1492: Conquest of Paradise ta’ Vangelis,
hemm is-silta bl-isem West Across the
Ocean Sea li parti minnha hija eżatt bħal biċċa mill-Innu Malti. Ma
temmnux? Fittxuha u araw għandix raġun! Meta snin ilu kont qed nitkellem ma’
wieħed mużiċist Malti u semmejtlu dan il-fatt hu qalli: “Fl-aħħar mill-aħħar
dur, dur, dur u xorta sebgħa noti jibqgħu! Ma jfissirx li Vangelis ikkopja lil
Robert Samut.”
Mużika Maltija
Ma nistax hawn ma
nsellimx lil bosta mużiċisti kbar Maltin. Forsi naħsbu li s-surmastrijiet
Maltin jiktbu biss marċi tal-festa, iżda mhux hekk. Pajjiżna ta kittieba
tal-mużika wkoll. Xieraq infakkru lis-surmast Giuseppe Camilleri. Dan kien
kiteb il-mużika tal-innu tal-kungress Ewkaristiku li kien sar ġewwa Malta
fl-1913. L-isem tal-innu kien: T'adoriam
Ostia Divina li bil-Malti nsejħulu: Nadurawk ja Ħobż tas-sema. Dan l-innu
minkejja li għandu aktar minn mitt sena, jindaqq f’ diversi knejjes madwar
id-dinja iżda ftit li xejn huwa mxandar isem il-kittieb tiegħu! Ħasra! Tajjeb
ngħid ukoll li dan l-innu jinstema' wkoll f’xena fil-film tal-1948 ta’ Vittorio de
Sica bl-isem Ladri di Biciclette.
Kemm hemm xi
tgħid dwar il-mużika, dwar dawk is-seba’ noti! Dan li għidt jien donnu biss l-antipasto ta’ qabel l-ikla!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Frar 2017
Nessun commento:
Posta un commento