Auchwitz |
Fis-27 ta’ Jannar
tas-sena 1945 ġie meħlus minn idejn in-Nażisti l-aktar kamp ta’ konċentrament
li baqa’ magħruf mad-dinja kollha, Auchwitz. Dan kien kamp ta’ xogħol
mill-aktar inuman, żona ta’ qerda ta’ massiet ta’ nies. Kien fabbrika tal-mewt.
Kien wieħed mill-istrumenti fil-politika ta’ Adolf Hitler biex iħassar darba
għal dejjem il-ġens Lhudi minn wiċċ id-dinja. Wara l-fildiferru jxewwek ta’ dan
il-kamp, ħallew ħajjithom madwar sitt miljun Lhudi. Id-dinja damet ma ndunat x’
kien qed jiġri mhux bogħod wisq mill-belt Pollakka ta’ Krakovja. Meta ndunat
ħalfet li atti bħal dawn ma jsirux aktar mill-bnedmin! Imma kemm tassew
Auschwitz għalaq kapitlu ikraħ fl-istorja tal-umanità?
Gwerer kbar
Gwerra tal-Vjetnam |
It-tieni gwerra dinjija
kienet ta’ mera għad-dinja kollha. Issa kien spiċċa ż-żmien tal-gwerer minn fuq
dahar iż-żiemel, issa l-armamenti kienu ħafna u kapaċi jeqirdu ħafna wkoll.
Madanakollu xorta d-dinja ma sabitx paċi wara nofs is-snin erbgħin tas-seklu li
għadda. Ħalli naraw biss ftit mill-gwerer il-kbar li seħħew wara t-tieni gwerra
dinjija. Fl-1950 bdiet il-gwerra fil-Korea, gwerra li baqgħet sejra għal tliet
snin, li qatlet madwar miljun u nofs ruħ. Sentejn wara rajna l-bidu tal-gwerra
tal-Vjetnam, gwerra li tawlet għoxrin sena, gwerra li kissret pajjiż u ħalliet
ukoll miljuni bla ħajja. Matul dan iż-żmien seħħet il-gwerra ċivili ġewwa
n-Niġerja, gwerra oħra li ġabet it-tmiem ta’ miljuni oħra ta’ nies. Niftakruha
l-gwerra tal-Afganistan, għaxar snin ta’ taqbid, bejn l-1979 u l-1989 li wkoll
ħalliet vittmi bla għadd. Il-gwerra tal-Golf, bejn l-Iran u l-Iraq seħħet bejn
l-1980 u l-1988 filwaqt li fis-sena ta’ tmiem din il-gwerra bdiet dik tal-Kongo
li spiċċat fl-2003. Dawn ukoll temmew il-ħajja ta’ miljuni ta’ suldati u
ċittadini.
Dawn huma biss sitt
gwerer, sitta minn lista twila ta’ gwerer li seħħew wara tieni gwerra dinjija.
Imma stenna ftit! Il-bniedem wara Auchwitz ma qalx DAQSHEKK? Imma kif qed naraw
ma kien daqshekk xejn għax il-massakri baqgħu sejrin, mhux fil-kampijiet ta’
konċentrament imma fil-beraħ, sfaċċatament, madwar id-dinja kollha. Ma’ dawn ma
semmejtx il-gwerra li għaddejja fis-Sirja.
Allura minn Auchwitz ma
tgħallimna xejn?
F’ barrakka
ta’ Auschwitz
Fid-daħla ta’ waħda
mill-barrakki li hemm ġewwa l-kamp ta’ konċentrament ta’ Auscwitz hemm tabella
bil-kliem li fi lsienna jfisser hekk: Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma
kkundannati li jeġgħu jgħixuh. Frażi mimlija għerf li ħarġet mill-pinna
tal-filosfu George Santayana. Din it-tabella qed tistieden lil min iżur dan
il-post tal-waħx, biex ma jħallix lid-dinja tinsa dak li seħħ hemmhekk, imma
tibqa’ tiftakar għaliex jekk le l-istorja tirrepeti ruħha.
Kemm fis-sewwa kollu,
id-dinja ftakret l-imgħoddi? Din hija mistoqsija retorika li ma titlob l-ebda
tweġiba għaliex l-istorja twieġeb għaliha.
Illum
Il-liġijiet razzisti
kontra l-Lhud tas-snin tletin li ħolqu n-Nażisti fil-Ġermanja u aktar tard
ikkuppjawhom il-Faxxisti Taljani, aktarx kienu frott ta’ patriottiżmu sfrenat.
Il-Lhud kienu ilhom jgħixu fil-Ġermanja u fl-Italja, bħalma kienu jgħixu
fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Iżda minkejja li kienu ċittadini Ġermaniżi jew
Taljani jew Pollaki jew Ungeriżi jew kienu x’ kienu, xorta baqgħu Lhud. Is-sens
ta’ nazzjonaliżmu fihom eskludihom mill-kumplament tad-dinja. Baqgħu jgħixu
daqslikieku qegħdin Ġerusalemm minkejja li kienu Berlin, Varsavja, Budapest jew
Milan. Baqgħu jiżżewġu lil xulxin u jgħixu ħdejn xulxin, bieb ma’ bieb, b’ mod
li ħolqu komunitajiet għalihom, minkejja li kienu ċittadini tal-pajjiż daqs
l-oħrajn, kienu jħallsu t-taxxi bħall-oħrajn, iżda baqgħu ma integrawx u
għalhekk x’ ħin iltaqgħu żewġ kurrenti opposti splodew, iżda minn kien l-iżgħar
kien l-aktar li bata.
Din ir-realtà qed nerġgħu
narawha llum madwarna. Inbiddlu l-atturi, inbiddlu l-kostumi u nbidel l-irtokk,
imma t-trama tad-dramm hija identika, anzi hija l-istess waħda. Żewġ kurrenti
li qed jonfħu kontra xulxin.
Irridu inkunu saqajna
mal-art! Irridu nirraġunaw. Ħalli nġib eżempju banali! Tipretendi li tistedinni
l-President ta’ Malta biex immur niekol magħha u jien immur bil-flipflop? U
waqt l-ikel tistenna li noħroġ il-mus mill-but u naqta’ l-laħam ta’ ġol-platt
bih għax jaqta’ iktar mis-sikkina li hemm fuq il-mejda? Jekk id-dar noqgħod
bil-flipflop u l-laħam naqtgħu bil-mus, ma jfissirx li dan huwa l-mod li għandi
nġib ruħi bih meta ma nkunx id-dar. Irrid inġib ruħi skont il-post li qiegħed
fih. Ladarba ma nkunx f’ dari rrid naddatta ruħi jien mhux ħaddieħor jadatta
ruħu għalija.
Auchwitz mill-ġdid
Kull sena niftakru f’
dawk maqtulin f’ Auschwitz, u hekk xieraq, biss wara Auscwitz seħħew stejjer
kbar anke ta’ ġenoċidji oħrajn. Wara t-tmiem ta’ Auscwitz seħħew atroċitajiet
kbar fid-dinja li meta ngħalaq il-bieb ta’ dan il-kamp ta’ konċentrament
il-bniedem kien qal daqshek, qatt aktar ma jseħħu, biss ġie fi kliem George
Santayana, ma damx ma nesa l-imgħoddi u ġie kkundanant jerġa’ jgħixu.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento