Tislima lill-ġurnalisti
Biex qed iżżomm din
il-gazzetta f’ idejk ried ikun hemm sensiela ta’ ħaddiema li jaħdmuha għaliex
kieku ma jkunx hemm dawn, kieku inti għandek mazz karti vojta f’ idejk bħalissa
u mhux gazzetta. Is-sensiela tal-ħaddiema hija twila, imma jien se nitratta
biss parti minnha, il-parti fejn jidħol il-ġurnalist.
Min hu?
Il-qoxra tal-ktieb |
Fuq il-qoxra ta’ wieħed
mill-kotba Taljani li kont studjat, ovvajment li jitratta dan is-suġġett, kien
jidher bniedem fuq skrivanija jikteb fuq typewriter antika u b’ sigarett f’
ħalqu. Din il-qoxra fiha xena li trid ftit ħsieb biex tifhimha. Ix-xogħol
tal-ġurnalista huwa l-kitba, imma kitba bis-sens mhux kitba ta’ kafkaf. Biex tikteb
bis-sens, biex tevita kemm jista’ jkun żbalji, trid tagħmel ir-riċerka,
it-tfittix tiegħek joħodlok il-ħin. Jingħad li l-ġurnalisti jixorbu ħafna kafè u għalhekk aktarx li dejjem
issib xi kikkra kafè fuq l-iskrivanija tagħhom. Dan ix-xogħol ta’ riċerka ħafna
drabi jsir mill-ġurnalist waħdu, mhux fi grupp ta’ ġurnalisti. Bosta drabi l-ġurnalist
wara li jiġbor kemm jiflaħ tagħrif,
jaħdem fit-tul fuq dik l-aħbar u aktarx li jaħdem waħdu. Minkejja
l-effetti ħżiena tas-sigaretti, dawk li jpejpu jgħidulek li sigarett huwa
għalihom kumpanija. Is-sigrett fuq xofftejn il-ġurnalist tal-kopertina huwa
sinjal tal-ambjent ta’ solitudni li normalment jaħdem fih il-ġurnalist.
Hemm diversi tipi ta’
ġurnalsiti, jew aħjar, dan ix-xogħol huwa maqsum f’ diversi friegħi. Insibu
ġurnalisti politiċi jew ġurnalist sportiv, min jieħu l-linja tal-ekonomija u
min triq u min oħra. Barra minn dan kull ġurnalist għandu l-istil tiegħu kif
jikteb artiklu jew kif iħejji kitba għal servizz waqt l-aħbarijiet. Tiskanta
kif l-istess aħbar tista’ tingħata tant ilbiesi differenti imma l-qalba tagħha
tibqa’ dejjem l-istess waħda.
Ġurnaliżmu investigattiv
Bosta drabi l-ġurnalist wara li jiġbor kemm jiflaħ tagħrif, jaħdem fit-tul fuq dik l-aħbar u aktarx li jaħdem waħdu. |
Bil-mezzi tal-media
soċjali li għandna llum, aħbar ma għadiex tasal għandna fil-gazzetta. Anzi
illum bosta drabi huma l-ġurnalisti li jindunaw b’ xi aħbar minħabba li jarawha
mxandra fuq xi mezz ta’ media soċjali. Allura llum kulħadd sar ġurnalist?
Allura llum il-ġurnalist ma għadx hawn bżonnu? La llum kulħadd bil-mobile u dak li jiġri issa f’ Malta
nista’ nxandru issa stess u jdur id-dinja kollha, x’ xogħol baqa’
għall-ġurnalist?
Tassew li llum kulħadd
jista’ jxandar aħbar iżda ma jfissirx li kulħadd huwa ġurnalist. Tassew ukoll
li kultant ġurnalist jirreferi għal dak li jkun ġie mxandar minn xi ħadd li
mhux ġurnalist bħalu. Iżda xogħol il-ġurnalist huwa li jinvestiga li dik
l-aħbar hija vara u li jkompli jinvestiga aktar fil-font dwar dik l-aħbar biex
jara jekk jistax joħroġ minnha xi aħbar akbar.
Il-ġurnaliżmu
investigattiv ma jagħmlux kulħadd. L-investigazzjoni tieħu t-tul u min jagħmilha
jrid ikun jaf minn fejn għandu jgħaddi biex jasal fejn ikun irid jasal. Irid
jibni xibka ta’ ħbieb, mhux ġurnalisti biss, li jgħinuh, forsi bla ma jkunu
jafu huma stess. Dan it-tip ta’ ġurnaliżmu dieħel f’ Malta wkoll u nistgħu
ngħidu wkoll li għandna xi ġurnalisti investigattivi verament ta’ stoffa.
Prosit ħbieb!
Imma x-xemgħa insejtha?
48 ġurnalist inqatlu waqt ħidmiethom is-sena l-oħra |
Semmejt dan l-artiklu
hekk u għadni ma semmejt xejn dwar ix-xemgħa li rrid nixgħel. Din ix-xemgħa rrid
nixgħelha lit-48 ġurnalist li nqatlu waqt ħidmiethom is-sena l-oħra. Aktarx li
dawn l-imwiet seħħew f’ artijiet fejn hemm il-ġlied. Iva skont il-kumitat għall-ħarsien
tal-ġurnalisti imsejjaħ CPJ, fl-2016 kien hemm 48 ġurnalist li sab tmiem ħajtu
f’ każi relatati ma’ xogħlu. Xi wħud mill-ġurnalisti jinqatlu għax huma
ġurnalisti iżda oħrajn jintlaqtu bil-balal sparati bejn il-partijiet li jkunu
qed jiġġieldu.
L-akbar numru ta’
ġurnalisti maqtula s-sena l-oħra nsibuh ġewwa s-Sirja. 14-il ġurnalist temm
ħajtu waqt li kien qed jirrapporta l-gwerra li għaddejja f’ dan il-pajjiż
bħalissa. Ġewwa l-Iraq u fil-Jemen inqatlu 12-il ġurnalist ieħor, sitta f’ kull
pajjiż. L-Afganistan ra l-mewt ta’ 4 ġurnalisti filwaqt li 3 oħra mietu ġewwa
l-Libja. Ġewwa s-Somalja mietu 3 ġurnalisti oħra. Fil-Pakistan, fl-Indja,
fit-Turkija u fil-Messiku ħallew ħajjithom 8 ġurnalisti, 2 f’ kull pajjiż,
filwaqt li miet ġurnalist fil-Brażil, ieħor ġewwa Burma, wieħed fl-Ukrajna u
ieħor fil-Guinea. Total ta’ 48 ġurnalist li tilef ħajtu waqt il-ħidma tiegħu.
Li dawn irrid nixgħel xemgħa
Għaliex?
Nixgħel xemgħa lil dawn
il-ġurnalisti għax dawn ħidmiethom kienet missjoni. Ma baqgħux pajjiżhom,
jistennew li xi ħadd jitfa’ xi ritratt fuq Facebook
jew xi kelmtejn fuq Tweeter, iżda
marru jinvestigaw huma, marru jwasslu lid-dinja dak li qed jiġri tassew. Telqu
pajjiżhom u familthom biex jaraw sewwa dak li ser jiktbu fuqu, dak li ser iwasslu
lid-dinjabl-istejjer jew bir-ritratti tagħhom. Għax mhux kull min jitfa’
ritratt fuq Facebook huwa ġurnalist!
Iva għal dawn il-martri
rrid nixgħel xemgħa.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 21 ta' Jannar 2017
Nessun commento:
Posta un commento