Il-monument ta' Dun Mikiel Xerri u sħabu |
Fi tfuliti niftakarni
nistudja poeżija ta’ Dun Karm Psaila iddedikata lill-martri u eroj Malti Dun
Mikiel Xerri. Dun Karm jikteb li jħossu jistħi minnu nnifsu li Malta, dik l-art
li Dun Mikiel Xerri ċarċar demmu għaliha, kienet hekk xħiħa miegħu, li lanqas
daqxejn ta’ mafkar ma għamlet għalih. U għalhekk Dun Karm jgħid li jibki lil
dan is-saċerdot Żebbuġi bħalu.
Il-karba ta’ Dun Karm
Psaila instemgħet snin wara mewtu. Kien fi tmiem ix-xahar ta’ Lulju tas-sena
1986 li f’ misraħ l-Indipendenza fil-Belt Valletta inkixef monument lil Dun
Mikiel Xerri u sħabu. Tassew li kienu għaddew 187 sena minn dik il-ġrajja, iżda
aħjar tard milli qatt.
Qabel Dun Mikiel
Jiena, sewwasew bħal Dun
Karm Psaila, inħossni nistħi wkoll. Jien ukoll nistħi minn patrijott ieħor,
Malti bħalna, li wkoll ġie maqtul mill-barrani, u li l-ebda ħjiel ta’ mafkar ma
għad għandu fuq din l-art ħelwa, minkejja li miet 234 sena qabel ma nqatel Dun
Mikiel Xerri u sħabu. Qed ngħid għal Dun Gianello Cilia li kien maqtul mill-għadu
Tork fil-forti Sant Iermu waqt l-Assedju l-Kbir meta dan is-saċerdot kien
qiegħed jassisti spiritwalment lis-suldati Maltin u l-Kavallieri. Smajna ftit
dwaru matul l-2015, meta ċċelebrajna l-450 anniversarju mill-Assedju l-kbir u
kollox erġajna nsejna.
Dun Gianello Cilia
Il-kamp tal-Assedju l-Kbir |
Billi l-art li
tappartjeni l-parroċċa Qormija kienet tmiss mal-port il-kbir, il-kamp
tal-assedju kien jaqa’ taħt it-tmexxija spiritwali tal-kappillan tal-Qriema. In-nies
ta’ din l-akwata kienu mħeġġin biex iħallu darhom u jinġabru fil-Birgu u
l-Isla, bliet imdawrin bis-swar, filwaqt li s-suldati kienu baqgħu f’ darhom
biex ikunu qrib il-fortizza ta’ Sant Iermu, li kienet tinsab fil-periferija
tal-parroċċa. Dawn is-suldati qalbiena kellhom it-treġġija spiritwali ta’ Dun
Gianello Cilia li ħass li postu ma kienx wara s-swar tal-Birgu jew l-Isla imma
ġewwa Sant Iermu, sewwasew fuq il-kamp tal-battalja. Il-Kappillan ma laqax
l-offerta tal-barklor Gregorio Schembri biex jeħilsu minn fejn kien u jieħdu
l-Birgu, iżda għażel li jibqa’ fit-taqtigħa jfarraġ lill-erwieħ sal-aħħar. Wara
aktar minn xahar ta’ taqbid, nhar l- Erbgħa, 23 ta’ Ġunju, 1565 il-forti Sant
Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Meta t-Torok daħlu f’Sant Iermu, qatlu lil dawk
il ftit li kienu għadhom ħajjin, qabdu
l-katavri tal-Kavallieri u l-Maltin, fetħulhom sidirhom forma ta’ salib u wara
li rabtuhom mal-injam tefgħuhom fil-port lejn in-naħa tal-Birgu u l-Isla. Fost
l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia. Il-ġisem bla ħajja
tal-Kappillan deher taħt is-swar tal-Birgu.
Se jibqa’ minsi?
Dun Gianello
Cilia huwa mfakkar permezz ta’ arma ta’ kunjomu ġewwa s-sagristija tal-knisja
parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Ħaġa li hemm għal kull kappillan u
arċipriet li mexxa din lil din il-parroċċa antika. Dan is-saċerdot għandu wkoll
triq imsemmija għalih ġewwa Ħal Qormi wkoll. Xejn speċjali, hawn bosta Maltin
li hemm xi triq imsemmija għalihom minkella li ma wettqux atti erojċi bħalma
wettaq Dun Gianello. Allura dan sewwa? Jista’ wiċċna ma jiħmarx quddiem nuqqas
bħal dan?
Iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi jonqsu monument xieraq lil Dun Gianello Cilia |
Jixraq li qabel
ma l-belt kapitali tagħna tkun il-belt kulturali Ewropea, jissewwa dan
in-nuqqas. Hemm bżonn li bosta entitajiet jagħrfu l-kobor ta’ dan is-saċerdot
li, li kieku ried, seta’ ħeles mill-martirju, iżda għażel li jibqa’ fuq il-kamp
tal-battalja, mhux jissielet lill-għadu imma jassisti spirtwalment lill-Insara.
Il-Knisja ta’
Malta għandha tħossha obbligata timbotta ’l quddiem il-ħsieb li jsir monument
xieraq lil dan is-saċerdot ‘martri, maqtul waqt ħidmietu. Il-parroċċa ta’ San
Ġorġ Ħal Qormi wkoll għandha tfakkar lil dan il-kappillan tagħha b’ mod xieraq
u dejjiemi. Il-Kunsill Lokali Qormi ma jistax iħalli bniedem ta’ livell bħal
dan jibqa’ jkun minsi. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu obbligu morali
jfakkar lil dan l-eroj li miet fil-konfini tiegħu. U l-kumitat Valletta 18 ma
jista’ jagħmel xejn? Bi sforz kollettiv nistgħu naslu u nirranġaw din il-qagħda
anomala.
Ejjew inneħħu din
l-ingustizzja li ilha aktar minn 450 sena, iz-zuntier tal-knisja parrokkjali
ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi jonqsu monument xieraq lil dan il-kappillan martri.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Jannar 2017
Nessun commento:
Posta un commento