mercoledì 9 agosto 2017

Il-Midalja Mirakoluża

Jingħad li Santa Bernardetta kellha devozzjoni kbira lejn il-Midalja Mirakoluża u din kienet iġġorrha dejjem fuqha. Ejjew naraw ftit kif inbdiet din id-devozzjoni.

Katarina Labouré
Kollox beda bid-dehra li seħħet ġewwa l-kunvent tas-sorijiet tal-karità ta’ San Vinċenz de Paule, li hemm ġewwa Rue du Bac, Pariġi fi Franza fl-1830.

Katarina Labouré kienet novizza fil-kunvnet ta’ Rue du Bac. Dan il-kunvent kien tas-sorijiet Ulied tal-karità, imwaqqfin minn San Vinċenż de Paule biex jassistu lill-foqra u lill-morda. Katarina twieldet fit-2 ta’ Mejju tas-sena 1806 ġewwa Fain-les-Moûtiers. Wara li temmet l-istudji tagħha hija ssieħbet ma’ dawn is-sorijiet f’ Jannar tas-sena 1830 u f’ April bdiet in-novizzjat fil-kunvent ta’ Rue du Bac fejn seħħet id-dehra.

Is-27 ta’ Novembru 1830, il-jum tad-dehra, kien is-Sibt, sewwasew lejlet l-ewwel Ħadd tal-Avvent. Għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar, Sor Katarina kienet tinsab fil-kappella tal-kunvent tagħmel meditazzjoni. Ħin minnhom is-soru semgħet bħal ħoss ta’ tħaxwix, donnu li xi ħadd kien riesaq lejha u l-libsa ta’ dak ix-xi ħadd kienet qed tħaxwex.

Katarina dlonk dawret wiċċha lejn minn fejn semgħet il-ħoss iżda b’ għaġeb kbir tagħha, ħdejn il-kwadru ta’ San Ġużepp lemħet xbieha ta’ mara kollha dija. Minkejja d-dija, il-wiċċ tal-mara kien jidher sewwa. Hija kienet wieqfa fuq globu jew skont is-soru fuq nofs globu. Idejha kienu miftuħin ’l isfel minn qaddha u minnhom kienet ħierġa dija kbira, bħal raġġi mdawlin. Għajnejn il-mara kienu jħarsu lejn is-sema.

F’ ħin minnhom is-swaba tal-mara intlew bi ċrieket tal-ħaġar prezzjuż, xi wħud żgħar u oħrajn kbar. Dawn komplew jixħtu raġġi ta’ dawl. Is-soru issa ntebħet li dik il-mara ma kienet ħadd għajr il-Verġni Marija. Marija baxxiet għajnenha lejn is-soru u qaltilha li l-globu jirrapreżenta lid-dinja kollha b’ mod partikulari lil Franza u kull persuna u r-raggi kienu simboli tal-grazzji li tixħet fuq il-bnedmin li jitolbuha. Is-soru issa bdiet tara kliem miktuba bid-deheb: “O Marie, concue sans péché, priez pour nous qui avons recours à Vous” li bi lsienna tfisser “O Marija, imnissla mingħajr ħtija itlob għalina aħna li nirrikorru lejk”. Wara nstama’ leħen jgħid lis-soru “Agħmel kopja ta’ din il-midalja fuq dan il-mudell li qed nurik,  kull min iġib din il-midalja jirċievi grazzji kbar, speċjalment jekk jilbisha madwar għonqu. Il-grazzji jkunu abbundanti jekk jilbisha bil-fiduċja.” Imbagħad id-dehra donnha daret u hekk is-soru setgħet tara ix-xbieha minn wara. Fuq wara dehret l-ittra M mas-salib li kellu forma tal-ittra I. Taħt dawn dehru żewġt iqlub, waħda imdawra bix-xewk u l-oħra minfuda b’ sejf. Dan kollu kien imdawwar minn tnax-il stilla.

Fid-dehra s-soru rat li kien hemm xi ħaġar prezzjuż li ma kienx ileqq u għalhekk lejn tmiem id-dehra hija staqsiet x’ kienu u Marija weġbitha li dawk kienu l-grazzi li l-bnedmin jinsew jitolbuha. Aktar tard hija qalet  li din id-dehra riedet tfisser li l-Verġni Mbierka hija ġeneruża ħafna ma’ dawk li jirrikorru lejha u jitolbuha u kull meta Hija tagħti xi grazzja timtela bil-ferħ.

Minkejja li Sor Katarina ma rieditx ixxerred wisq l-aħbar tad-dehra li kellha, mill-banda l-oħra ma setgħetx tibqa’ siekta għax il-Madonna kienet afdatilha missjoni li xxerred id-devozzjoni lejn dak li rat billi tagħmel domna, jew kif kulħadd isejħilha midalja. Hija tkellmet mal-konfessur tagħha, Dun Aladel, u dan mar għand l-Arċisqof Hyacinthe-Louis de Quelen biex jirrakkontalu l-fatt kollu. Is-soru riedet tibqa’ anonima u għalhekk ma kienx possibli tinbeda inkjesta għax dik li rat id-dehra ma kinitx lesta tixhed imma kienet qed twassal il-messaġġ permess tal-konfessur tagħha biss. Sentejn wara, jiġifieri fl-1832, il-midalja tad-dehra tal-Madonna ġewwa l-kunvent tas-sorijiet ta’ Rue du Bac f’ Pariġi inħadmet u bdiet titqassam u tinxtered. Sor Katarina kienet waħda minn tal-bidu li rat il-midalja.
Fi ftit xhur id-devozzjoni lejn din id-domna inxterdet ma’ Pariġi kollha u ma damitx wisq ma bdiet tinfirex mad-dinja kollha wkoll. Il-wegħda ta’ Marija li min iġorrha fuqu, speċjalment min idendilha madwar għaonqu jirċievi grazzi kbar ma kinitx wegħda fiergħa. Bdew jinqalgħu grazzi kbar u jsiru anke mirakli bl-interċessjoni ta’ din il-midalja tant li bdiet tissejjaħ “Il-Midalja Mirakoluża”. Sas-sena 1833 kienu tqassmu aktar minn ħamsin elf midalja mirakoluża.

Meta d-devozzjoni lejn din id-domna tant infirxet, inbdiet inkjesta kanonika. Meta l-inkjesta rat il-karattru u studjat sewwa il-ħajja tas-soru, qablet li taċċetta li dik id-dehra kienet waħda sopranaturali.
Sor Katarina mietet fil-31 ta’ Diċembru 1876. Indifnet fil-kappella tal-kunvent ta’ Rue de Bac u ġisimha baqa’ bla tħassir. Fid-19 ta’ Lulju 1931 hija kienet iddikjarata venerabbli mill-papa Piju XI filwaqt li l-istess Papa iddikjaraha Beata fit-28 ta’ Mejju ta’ sentejn wara. Fis-27 ta’ Lulju tas-sena 1947 kienet ikkanonizzata mill-Papa Piju XII.

Il-Papa Ljun XIII fl-1894 waqqaf il-festa tal-Verġni Marija tal-Midalja Mirakloluża li ssir  fil-Knisja Kattolika nhar is-27 ta’ Novembru.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa "Il-Warda ta' Massabielle" - Festa Madonna ta' Lourdes, San Ġwann, 2017





Nessun commento:

Posta un commento