venerdì 11 agosto 2017

Vjaġġar

Santu Wistin
“Id-dinja hija ktieb u dak li ma jivvjaġġax jaqra biss paġna waħda minnu.” – Dan il-kliem ma huwiex tiegħi, lanqas huwa ta’ xi bniedem li bħalna qed jgħix fi żmien li s-safar sar daqstant faċli. Dan il-kliem qalu Santu Wistin, bniedem li għex bejn ir-raba’ u l-ħames seklu wara Kristu.  Meta taħseb ftit dlonk tinduna kemm dan il-filosofu u qaddis kien avvanzat għal żminijietu. Li tivjaġġa dak iż-żmien kien ifisser strapazz kbir; mixi, xi rikba fuq xi ħmar jew żiemel, vjaġġ fuq xi xini tal-qlugħ u mill-ġdid mixi sal-wasla fil-post mixtieq. Madanakollu dan l-għaref induna li l-ivjaġġar jiftaħlek orizzonti ġodda, ikabbrek fil-kultura u jkompli jgħanik bl-għerf. Mhux ta’ b’ xejn li qalilna li min ma jsifirx ikun qara paġna waħda biss minn ktieb sħiħ. Huwa tkellem mill-esperjenza għax mill-Afrika ta’ Fuq qasam lejn l-Ewropa u terraq bosta f’ Ruma u Milan. Nimmaġina li kieku dan il-qaddis qed jgħix illum, dejjem bil-bagalja lesta taħt is-sodda u bil-boarding pass stampat, lest għas-safra li jkun imiss. Ehhhh.. ma ssirx qaddis minn bilqegħda!

Paesi che vai ....
It-Taljani jgħidlulek “paese che vai, usanze che trovi” – tmur f’ xi pajjiż barrani, lesti ruħek li ssib drawwiet differenti minn tiegħek. Din hija waħda mill-problemi tal-poplu Taljan. Imur fejn imur ifittex li jiekol l-ikel li hu imdorri bih f’ pajjiżu. Tabilħaqq li l-kċina Taljana hija tajba ħafna u għal bosta hija meqjusa bħala l-itjeb fid-dinja, imma jekk ma tesperjenzax anke l-platt tipiku tal-pajjiż li tkun qed iżżur titlef parti mis-sabiħ tas-safra tiegħek. Il-vantaġġ tat-Taljani huwa li f’ pajjiżhom stess jistgħu jagħmlu vjaġġar kemm iridu u jkunu jistgħu jibqgħu bl-istess gosti tal-ikel tagħhom waqt li jibdlu l-ambjent ta’ madwarhom.

Id-drawwiet ma nsibuhomx fl-ikel biss. Fil-mod tal-ħajja spiss nindunaw b’ differenzi bejn il-pajjiż tagħna u dak li nkunu qed inżuru. Dan l-aħħar qrajt li jekk tkun il-Ġappun u f’ restaurant tħalli t-tips, joħduha bħala offiża. Aħna l-Ewropej l-offiża noħduha jekk ma jħallulna xejn! Iva ħi . . . .  paese che vai, usanze che trovi.

In-nuqqas ta’ safar
Minkejja li llum is-safar sar ħaġa ta’ kuljum, xorta għad għandna żgħażagħ li qatt ma rifsu xi art barranija. Ma humiex wisq, imma għadna nsibu minnhom anke f’ Malta. Ħasra, dnub! Min jaf x’ penitenza kien jagħtihom kieku kellhom imorru jqerru dan id-dnub għand Santu Wistin! Nista’ nifhem li għadd ta’ anzjani qatt ma siefru għax qatt ma kellhom l-opportunità jew għax jibżgħu, imma ż-żgħażagħ storja oħra.

Ruma
In-nuqqas ta’ tagħrif fuq artijiet oħra jagħlqek f’ dinja għalik u tara dak kollu li huwa barra mid-dinja tiegħek bħala xi ħaġa l bogħod minnek u li inti qatt ma tista’ tilħaq. Irrid naqsam magħkom esperjenza tiegħi li kelli aktar minn għaxar snin ilu. Kont għadni nistudja barra minn Malta u waqt li kont bil-vaganzi f’ Malta kont qed nitkellem ma’ mara anzjana. Għidtilha li l-għada kelli nsiefer u hi qaltli li hi qatt ma siefret imma kellha tifel barra minn Malta. Qaltli li xi darba tgħidlu forsi jiġi jarani jew jistedinni għandu għall-ikel. Ma nafx kif stajt infehma li jien kont sejjer l-Italja u binha kien joqgħod l-Ingilterra. Għaliha t-tnejn barra minn Malta konna u għalhekk stajna niltaqgħu. Biex tneħħi dan il-ħsieb minn moħħha kont għidtilha li hemm ħafna bogħod minn fejn noqgħod jien għal fejn joqgħod binha!

Ħabib tiegħi, Taljan mill-Calabria, kellu ħuh fl-armata. Darba lis-sezzjoni ta’ dan is-suldat ħaduhom mill-Calabria għal Ruma għal żjara kulturali. Din kienet l-ewwel darba li dan it-tali żar il-kapitali ta’ pajjiżu.  Meta mar lura d-dar ħuh staqsieh x’ kien ra. Qallu li ħlief ħitan qodma ma ħaduhomx jaraw! Ħabibi spjegalu li dawk il-ħitan qodma li ħaduh jara hemm min jivjaġġa min-naħa l-oħra tad-dinja biex jarahom!

Gruppi u individwi
Illum bosta jsiefru għal rashom, imma għad hawn bosta oħrajn li jfittxu gruppi organizzati. Dawn il-gruppi huma komdi ħafna għall-familji u għall-anzjani għalkemm anke żgħażagħ jattiraw. Meta ssiefer għal rasek trid taħseb għal kollox inti. Tara kif se tivajaġġa min post għal ieħor, tara fejn se torqod, tinħasel, tiekol u l-kumplament. Ma’ grupp organizzat ma trid taħseb għal xejn minn dan, hemm il-mexxej tal-grupp, hemm il-gwida u inti tista’ toqgħod b’ rasek mistrieħa. L-ivjaġġar individwali fih il-vantaġġ li tkun tista’ żżur postijiet li tkun qrajt fuqhom qabel. Mal-grupp ikollok iżomm mal-programm. Imma dan kollox fih tiegħu, ma hemmx warda bla xewka.

Ninsabu proprju fl-eqqel ta’ żmien is-safar – is-sajf huwa l-aktar żmien li fih isir vjaġġar. Tajjeb li ma nsifrux biex sempliċiment inkunu sifirna, tajjeb li ma mmorrux cruise u niġu lura u ngħidu kemm kilna! Hemm ħafna x’ wieħed jitgħallem mis-safar, hemm id-divertiment tassew, imma hemm ukoll l-interess f’ dak li jkun qiegħed iżur. Biex taqra l-ktieb kollu trid tinteressa ruħek ukoll!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 12 ta' Awwissu 2017



Nessun commento:

Posta un commento