Mort fejn mort madwar id-dinja, dejjem sibt xi knisja iddedikata
lill-Assunta, iżda hemm waħda partikolari li ma ninsa qatt meta żortha. Forsi
għax dakinhar kienet kesħa xxoqq il-għadam, iva t-temperatura kienet ta’ madwar
18-il grad taħt iz-zero! Forsi għax f’ din il-knisja hemm l-eħxen ħajt f’
bini fl-Ewropa Ċenterali. Qiegħed
nirreferi għall-Bażilika tal-Assunta ġewwa Esztergom fl-Ungerija.
Ftit storja
Il-knisja tal-Assunta f' Esztergom |
Il-bini tal-knisja li nsibu llum ġewwa Esztergom inbena fuq il-fdalijiet
ta’ bosta knejjes oħrajn. L-ewwel knisja li nbniet f’ dan il-post kienet dik li
bena s-Sultan Stiefnu I tal-Ungerija bejn is-sena 1001 u l-1010. Din spiċċat
għal kollox fil-ħruq li seħħ lejn tmiem is-seklu XII. Inbniet mill-ġdid iżda
Vinċeslaw III, Sultan ieħor tal-Ungerija, għamel ħerba minn din il-knisja
fis-sena 1304. Reġgħet ġiet irranġata u msebbħa mill-isqfijiet tal-post.
Fl-1543 ġarrbet ħsara kbira mit-Torok li ħakkmu l-pajjiż. Fil-fatt l-Ungerija
kienet taħt il-ħakma tal-Imperu Ottoman bejn is-snin 1541 u l-1699. Fl-1820 twaqqfet mill-ġdid l-Arċidjoċesi u
l-Arċisqof Sándor Rudnay mill-ewwel ħaseb biex din il-knisja terġa’ tingħata
d-dinjità li kellha fil-passat.
Il-bini mill-ġdid ta’ din il-knisja beda fl-1822. Il-kappella imsejħa Bakócz
li kienet salvat il-bosta snin u attakki, ġiet żarmata ġebla ġebla u mibnija
mill-ġdid madwar 20 metru bogħod mill-post oriġinali tagħha. Il-bini kompla taħt
is-suċċessur tal-Arċisqof Rudnay, János Scitovszky.
Il-konsagrazzjoni tal-knisja saret nhar il-31 ta’ Awwissu, 1856. Għal din
l-okkażjoni iżżanżnet quddiesa bl-isem ta’ Missa
solennis zur Einweihung der Basilika in Gran miktuba apposta
mill-kompożitur Franz Listz. Kien dan il-kompożitur famuż li dakinhar mexxa
l-orkestra. Dakinhar fuq l-orġni kien hemm kompożitur ieħor famuż, Alexander
Winterberger, li kien ukoll ħabib u kollega ta’ Liszt. L-Imperatur Franz Joseph
attenda l-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja.
Dan ma jfissirx li l-knisja kienet lesta minn kollox meta kienet
ikkonsagrata. Fil-fatt ix-xogħol fuqha baqa’ sejjer sas-sena 1869.
Matul it-tieni gwerra dinjija din il-knsija ġarrbet bosta ħsarat,
speċjalment fil-kolonnat u fil-koppla. Wara l-gwerra reġa’ sar ir-restawr
meħtieġ biex illum nistgħu naraw il-knisja kif suppost. Il-koppla hija għolja
71.5 metru u fiha 12-il tieqa u fuq barra naraw 24 kolonna jżommuha. Taħt din il-knisja nsibu kripta u jekk
ikollna nkejlu l-għoli mill-koppla sal-kripta insibu sewwasew 100 metru u
għalhekk dan huwa l-għola bini ta’ dik l-era fl-Ungerija. Il-bażilika hija
twila 118-il metru u wiesgħa 49 metru. B’ hekk insibu li din hija l-akbar
knisja fl-Ungerija u waħda mill-akbar tad-dinja, akbar minnha nsibu San Pietru
fil-Vatikan, il-katidral ta’ Cologne fil-Ġermanja u Saint Paul’s Cathedral f’
Londra. Il-kampnari huma għoljin 57 metru.
Il-kappella Bakócz
Aktar qabel semmejna l-kappella Bakócz imma ma għidniex x’ inhi. Din hija
kappella mibnija mill-Kardinal Tamás Bakócz, Arċisqof ta’ Esztergom lejn tmiem
is-seklu XV. Din hija mibnija minn irħam aħmar u fiha 1,600 biċċa rħama.
Il-kappella fiha forma ta’ salib Grieg hija ddedikata lil Marija Annunzjata.
L-artal tal-kappella huwa maħdum minn irħam abjad. Fuq nett tal-artal naraw
minquxa xbieħa tat-tħabbira tal-anġlu lill-Verġni Marija u aktar ’l isfel
insibu ikona tal-Madonna bejn żewġ niċeċ. Taħt l-ikona insibu t-tabernaku.
Quddiem dan l-artal hemm il-mensola
tal-artal li hija ta’ rħam aħmar. Meta fis-seklu
XVI kien assedjat il-kastell u din il-knisja, kienet din il-kappella biss li
salvat mill-isplużjonijiet li kissru l-kumplament tal-knisja. Din il-kappella
hija l-akbar fdal tar-rinaxximent ġewwa l-Ungerija.
Il-kripta
Il-knisja minn ġewwa |
Taħt din il-knisja nsibu kripta mibnija fl-1831 li sservi wkoll bħala
midfen għal xi persuni prominenti. Il-Kardinal, Arċisqof ta’ Esztergom Sándor
Rudnay jinsab midfun hawmhekk. Kien huwa li ta bidu għall-bini tal-knisja
preżenti. Kardinal ieħor li nsibu f’ din il-kripta huwa Dénes Szécsi. Dan kien
arċisqof ta’ din id-djoċesi bejn l-1440 u l-1465. Ma jistax jonqos li
l-Kardinal Tamás Bakócz isib ukoll il-post aħħari tiegħu f’ din il-kripta. Hemm
ukoll xi familjari ta’ dan il-Kardinal midfunin hemmhekk. Kardinal ieħor li
nsibu huwa Jusztinián György Serédi OSB. Dan il-Kardinal Benedittin kien
il-mexxej ta’ din id-djoċesi bejn l-1928 u l-1945. L-aħħar kardinal li nsibu
midfun hawnhekk huwa József Mindszenty. Dan kien l-arċisqof ta’ Esztergom bejn
l-1945 u l-1971. Huwa oppona bil-kbir il-Komuniżmu li kien hemm f’ pajjiżu.
Ħtija ta’ hekk huwa kien ingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs fl-1949, ħaġa li
ġabet l-istmerrija ta’ bosta pajjiżi u għaqdiet fosthom il-Ġnus Magħquda.
Fir-rivoluzzjoni tal-1956 huwa nħeles mill-ħabs u sab kenn politiku ġewwa
l-ambaxxata Amerikana f’ Budapest. Hemmhekk huwa għadda 15-il sena sakemm
fl-1971 ingħata l-permess li jħalli l-pajjiż. Huwa miet fl-eżilju ġewwa Vjenna
fl-1975. Fl-1991 il-fdalijiet tiegħu
ittieħdu ġewwa Esztergom.
Kwadru titulari
Hekk kif tidħol fil-bażilika tilmaħ l-artal maġġur bil-pittura ta’ Marija
Mtellgħa s-Sema. Naraw lil Marija Santissima qegħda tiġi mtellgħa lejn is-sema
fuq sħaba akku
mpanjata minn għadd ta’ anġli. Fuq tal-kwadru naraw lill-Missier Etern jistenna lil omm Ibnu. Fl-art naraw lill-appostli li donnhom qegħdin jagħtu l-aħħar tislima lil Marija.
Dan il-kwadru tpitter minn Girolamo Michelangelo Grigoletti, artist
neo-klassiku Taljan. Huwa meqjus bħala kapolavur ta’ dan l-artist. Fatt
interessanti li jkompli jgħolli l-preġju ta’ dan il-kwadru hu li dan huwa
l-akbar kwadru fid-dinja impitter fuq tila sħiħa. Fil-fatt dan il-kwadru huwa
għoli 13-il metru u nofs u wiesa’ 6.6 metri.
Hemm bosta aktar x’ wieħed jara ladarba jkun f’din il-knisja li hija wkoll
is-seda tal-Kardinal ta’ Budapest. Rajna ftit l-aktar ħwejjeġ importanti f’ din
il-bażilika ddedikata lil Marija mtellgħa s-sema.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa tas-Socjetà Filarmonika Santa Marija, il-Mosta, 2017
Nessun commento:
Posta un commento