Aħna l-Maltin
għandna dan il-proverbju li nafu sewwa xi jfisser. Dan l-aħħar kelli esperjenza
li fakkritna f’ dan il-proverbju. Nixtieq naqsam magħkom din l-esperjenza, imma
ħalli nibda mill-Ġenesi tal-istorja!
Naqra ktieb
Madwar tlettax-il
sena ilu kien hemm patri li tani ktieb u ħajjarni naqrah. Dan il-ktieb kien
jismu “Beyond Aids” u jitratta
l-istorja ta’ żagħżugħ li nqabad fix-xibka tad-droga u kien infettat bil-marda
tal-Aids. Dan il-ktieb huwa djarju ta’ dan iż-żagħżugh Taljan li kien jismu
Nicola. Huwa sar jaf b’ għaqda li tieħu ħsieb nies bħalu u tgħinhom joħorġu
minn dan il-vizzju. L-għaqda li qed insemmi ġġib l-isem ta’ Comunità Cenacolo. Meta qrajt il-ktieb
nibtet fija x-xewqa li naqilbu għall-Malti u mort inkellem lil Patri Pawl
Cremona, dak li kien tani l-ktieb, u wrejtu bix-xewqa tiegħi. Għoġbitu l-idea u
ħeġġiġni nwettaq dan il-ħsieb tiegħi. Ktibt lill-Comunità Cenacolo u tlabthom il-permess. Sakemm wasal il-permess
bdejt naqleb il-ktieb għall-Malti u sakemm waslitli ittra bil-permess
għall-pubblikazzjoni tal-ktieb bil-Malti kien diġà lest.
Għadda ftit żmein
mhux ħażin sakemm il-ktieb kien ippubbblikat. Kienet kumbinazzjoni. Kont qed inżur
Medjugorje għall-ewwel darba u mort fid-dar li l-Comunità Cenacolo għandha hemmhekk. Rajt il-ktieb bit-Taljan, bl-Ingliż
u b’ ħafna ilsna oħrajn. Ftakart fix-xogħol li kelli merfugħ fil-kompjuter u
tkellimt. Dlonk sibt persuna li kienet lesta tippubblikah u tqassmu b’ xejn.
Il-ktieb bil-Malti jġib l-isem “Lil hinnn mill-AIDS” – illum ma nafx jekk
fadalx xi kopji tiegħu.
Comunità Cenacolo
Kollox beda
fl-Italja, fil-Piemonte, sewwasew ġewwa Saluzzo, provinċja ta’ Cuneo. Nhar
is-16 ta’ Lulju, 1983, Sor Elvira Petrozzi tat bidu għal din l-inizjattiva li
llum kibret u nxterdet ħafna anke barra l-Italja. Żerriegħa żgħira li nżergħet
iżda llum kibret u xxebilket. Illum insibu li din l-inizjattiva tinsab fi 18-il
pajjiż u għandha 61 dar li joffru kenn għal eluf ta’ żgħażagħ li bosta minnhom
għandhom passat xejn sabiħ, passat ta’ dipendenza minn sustanzi li jistgħu
jwasslu għall-mewt. Dawn id-djar jagħtu terapija sempliċi, xejn pilloli, xejn
mediċini imma ladarba wieħed jidħol fil-komunità jrid jaqta’ d-droga minn dak
il-ħin. Bosta mir-residenti jgħdilulek li kienet diffiċli imma rreżistew u llum
reġgħu qegħdin jgħixu ħajja li fiha skop, ħajja li jiswa li tgħixha mhux bħal
dik ta’ meta kienu skjavi tad-drogi. Hemm xewqa li tinfetaħ dar ta’ din il-komunità
hawn Malta wkoll. Min jaf?
Il-komunità ma
tridx biss li dawk l-aħwa jaqtgħu l-vizzji, imma trid ukoll li dawn iħossuhom
importanti fid-dinja, li kapaċi jagħmlu xi ħaġa, li qegħdin jgħixu u mhux biss
jeżistu. Il-komunità ssir familja kbira fejn dak li jkun iħossu milqugħ u
maħbub. Sor Elvira li tat bidu għal dawn id-djar tinsisti li l-fejqan u t-triq
lura lejn il-ħajja ssir permess tat-talb. Fil-fatt it-talb huwa element
importanti fil-ħajja ta’ dawn id-djar.
F’ dawn is-snin
li ilhom miftuħin dawn id-djar twaqqfu komunità ta’ sorijiet, eks membri ta’ xi
dar Cenacolo u għadd ta’ ġuvintur li reġgħu sabu l-ħajja grazzi għal din
l-inizjattiva, saru saċerdoti.
Erġajt żort Medjugorje
Din is-sena kelli
l-opportunità nerġa’ nżur Medjugorje ġewwa l-Bożnija-Ħerzegovina. Erġajt żort
id-dar kbira tal-Comunità Cenacolo li tilqa’ fiha madwar mitt żagħżugħ.
Sewwasew f’ dan ir-raħal hemm żewġt idjar, waħda tal-ġuvintur u oħra
tax-xebbiet, imma l-akbar waħda hija dik maskili.
Ir-rappreżentazjoni Credo |
Dan huwa eżempju
wieħed kif kultant mix-xewk joħroġ il-ward. Nemmen li s-suċċess biex ix-xewk
jinqered u minfloku titla’ xitla li twarrad hija l-perseveranza, ir-rieda tajba
u fuq kollox li lil min ikun qalb ix-xewk, wieħed jurih li jekk irid jista’
jwarrad hu ukoll.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento