Visualizzazione post con etichetta belt. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta belt. Mostra tutti i post

venerdì 12 ottobre 2018

Il-Barrakka ta’ Isfel


Meta nsemmu l-barrakka u l-Belt Valletta bla ma rridu aktarx li f’moħħna nimmaġinaw dak il-ġnien sabiħ li hemm iħares fuq il-port il-Kbir donnu gallarija li d-daħla tiegħu tinsab ftit bogħod mill- berġa ta’ Kastilja u ninsew li f’din l-istess belt għandna  ġnien ieħor li jissejjaħ barrakka minkejja li ma huwiex kbir jew ċentrali daqs dak li jissejjaħ Barrakka ta’ fuq.

Jekk tkun għaddej minn fejn id-daħla tal-Barrakka ta’ Isfel bla ma tkun taf li hemm dan il-ġnien għandek mnejn tibqa’ għaddej bla ma titħajjar tidħol għax  biex ngħidu d-dritt id-daħla hija xi ftit jew wisq moħbija mit-triq jekk tkun tiela’ min-naħa ta’ Dar il-Mediterran. Jekk tkun nieżel minn fejn is-sur ta’ Santa Barbara iktar wieħed jista’ jinduna bil-kanċell li jdaħħlek f’dan il-ġnien.

Skiet u dell
Ħaġa li tolqtok hekk kif tidħol f’dan il-ġnien huwa s-skiet li fih kif ukoll il-ħafna dell li wieħed isib minħabba l-għadd ta’ siġar għoljin li fiha l-Barrakka. Dan il-post jista’ jkun ideali għal waqfa ta’ mistrieħ għad-dell u l-kwiet anke fix-xhur jaħarqu tas-sajf. Wieħed isib għadd ta’ bankijiet fejn jista’ jpoġġi bilqegħda u jgawdi veduta mill-isbaħ tad-daħla tal-Port il-Kbir u tas-swar tal-Kottonera. Il-passaġġi tal-ġnien huma msebbħa bi xtieli u fjuri li flimkien mas-skiet u d-dell jagħmlu oasi ta’ paċi, daqxejn ta’ ġenna tal-art!

Monumenti
Alexander Ball
Bla ma trid meta tkun fil-barrakka ta’ isfel tilmaħ bini fuq stil Grieg. Dan il-bini li jiddomina lil dan il-post huwa monument f’ġieħ Sir Alexander John Ball. Quddiem dan il-monument, bejn wieħed u ieħor fin-nofs tal-ġnien, hemm funtana tonda li tkompli ssebbaħ u tati l-ħajja lil dan il-ġnien, imma xejn ma huwa aktar imponenti mill-mafkar ta’ Ball. Għalfejn?

Alexander Ball huwa figura importanti fl-istorja ta’ Malta u għalhekk kien jixraq li jinbnielu mafkar biex nibqgħu niftakru fih. Huwa twieled fl-1757 ġewwa Ebworth Park, Sheepscombe, Gloucestershire. Daħal man-Navy fejn mexa ħafna ’l quddiem u laħaq anke kmandant u aktar tard kaptan. Xogħlu laqqgħu ma’ Lord Nelson u b’hekk dawn iż-żewġ  persuni kbar fl-istorja saru wkoll ħbieb. Huwa żar Malta l-ewwel darba fit-12 ta’ Ottubru 1798 meta l-Franżiċi kienu ilhom Malta madwar ħames xhur. Mill-ewwel il-Maltin raw fih persuna li tista’ tkun ta’ għajnuna kbira lejn pajjiżna. Jingħad li dan Ball irċieva ittra mingġand Ċensu Borg, Brared, fejn kien mitlub li l-gżejjer Maltin jgħaddu f’idejn il-Kuruna Brittanika bħala tmexxija wara li jitkeċċew il-Franċiżi. Hemm min jgħid li bosta Maltin kienu qed jibżgħu li jerġgħu jiġu lura lejn Malta il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Fid-9 ta’ Frar 1799, waqt l-imblokk tal-Franċiżi, huwa nħatar Kummissarju Ċivili ta’ Malta, kariga li dam jokkupa għal sentejn sakemm Malta għaddiet f’idejn l-Ingliżi. Ball miet f’Malta sewwsew fil-Palazz ta’ San Anton nhar il-25 ta’ Ottubru 1809. Huwa ndifen fil-Forti Sant Iermu fil-Belt Valletta. Sena wara mewtu inbena dan il-momument neoklassiku fil-Barrakka ta’ Isfel bħala xhieda tal-imħabba li l-poplu Malti kellu lejn dan il-bniedem kbir. Illum ftit huma dawk li jafu min kien dan Alexander Ball u wisq inqas jafu li għandu monument f’dan il-ġnien.

Minn fuq is-swar
Il-monument ta' Ball
Meta tkun f’dan il-ġnien minbarra dak li hemm fih, tkun tista’ tgawdi wkoll dehriet mill-isbaħ. Minn fuq is-swar li jservu bħala l-ħajt tal-ġnien tista’ tara veduta mill-isbaħ tal-port il-kbir, tas-swar tat-tliet ibliet, Il-Birgu, Bormla u l-Isla, il-gardjola, il-forti Sant Anġlu kif ukoll l-attività marittima li l-Port il-Kbir huwa mimli biha. Il-pixkerija li llum ma għadiex taqdi x-xogħol li kienet tagħmel għal bosta snin. Vapuri tal-kummerċ, vapuri li jġorru eluf ta’ turisti li jżuru Malta għal ġurnata, dgħajjes ta’ Maltin dilettanti tal-baħar u laneċ bit-turisti jiddominaw ix-xena meraviljuża li wieħed jara min dan il-ġnien.  Id-daħla tal-Port il-Kbir, il-pont li llum reġa’ qiegħed jgħaqqad il-break water u l-monument tal-qanpiena li tfakkar l-assedji ta’ Malta. Dan huwa wkoll monument ieħor li minkejja li ma jinstabx fil-Barrakka ta’ Isfel, xorta waħda jidher sewwa minnha. Il-qanpiena li fih dan il-monument tiżen 10 tunnellati. Il-monument kien inawgurat mir-Reġina Eliżabetta II fid-29 ta’ Mejju 1992 f’għeluq il-ħamsin sena mill-għoti tal-George Cross lill-gżejjer Maltin. Iżda l-ħsieb wara dan il-monument ma huwiex li jfakkar biss il-vittmi tat-tieni gwerra iżda anke lil dawk tal- Assedju l-Kbir tal-1565. Propju dan il-post, kemm fl-Assedju l-Kbir kif ukoll matul il-gwerra, kien wieħed strateġiku għax jgħasses id-daħla tal-Port il-kbir, l-aktar port importanti tal-pajjiż.

Ċkejken veru l-ġnien tal-Barrakka ta’ Isfel imma jirrakkonta parti mill-istorja ta’ pajjiżna. Ta’ min iżuru meta jkun il-Belt u jkollu ftit ħin!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Ottubru 2018





venerdì 21 aprile 2017

Uċuħ

Il-wiċċ huwa dik il-parti tal-ġisem li jinkludi s-sensi kollha kif ukoll huwa dik il-parti li turi l-emmozzjonijiet tal-bniedem. Fil-wiċċ għandna l-għajnejn biex naraw, il-widnejn biex nisimgħu, l-imnieħer li nxommu bih u fih il-ħalq li ġewwa fih hemm l-ilsien li jtiegħem. Il-wiċċ fih ukoll is-sens tal-mess, jekk xi ħaġa tmiss ma’ wiċċek dlonk tinduna għax tħossha. Il-wiċċ fih is-sensi kollha. Il-wiċċ juri l-emozzjoni ta’ dak li jkun. Jekk jifraħ il-wiċċ donnu jixgħel iżda jekk dak li jkun jibda jħossu mdejjaq, il-wiċċ malajr juri. Mela nistgħu ngħidu li l-wicc huwa l-mera tar-ruħ għax dak li nkunu qed inħossu fina dlonk ixandru wiċċna.

Gestalt
Fil-psikoloġija niltaqgħu mal-kelma Gestalt. Din hija kelma Ġermaniża li tfisser bejn wieħed u ieħor ‘Forma’. Din id-dixxiplina tipprova tanalizza kif minn tant bnedmin, wieħed jasal biex jidentifika bniedem ieħor bla problemi ta’ xejn. Aħna l-Ewropej għandna l-idea żbaljata li l-popli Ażjatiċi, l-aktar iċ-Ċiniżi, huma kollha wiċċ wieħed. Din hija idea żbaljata u jekk wieħed jifhem it-teorija tal-Gestalt malajr ineħħi din l-idea minn moħħu. Il-wiċċ huwa kollezzjoni ta’ forom: widnejn, għajnejn, imnieħer, geddum, ħalq u nsomma l-kumplament. Kull parti tal-wiċċ hija differenti minn ta’ ħaddieħor. Il-partijiet kollha flimkien jiffurmaw il-wiċċ tal-persuna unika li tiddistingwi bniedem minn ieħor. Dan huwa l-ewwel għarfien bażiku tal-bniedem. Tarbija tagħraf lil ommha bla ebda diffikultà. Dan huwa effett tal-Gestalt, tarbija tidra lil ommha għaliex tagħraf il-forom tal-wiċċ ta’ dik li titmagħha, tlibbisha, tfissida u turiha l-imħabba.  Dan huwa l-ewwel attrazzjoni bejn it-tarbija u l-ġenitur skont it-teorija tal-Gestalt, teorija li għandha x’ taqsam mal-għarfien tal-wiċċ.

Żewġt uċuħ
Il-bieb li kienu jużaw il-Gakbini
fil-kunvent ta' Pariġi
Jekk bniedem tgħid li għandu żewġt uċuħ ma huwiex xi kumpliment anzi huwa insult għax din il-frażi tfisser li bniedem huwa faċċol, gakbin, mhux ta’ min jafdah. Iżda hawn oġġetti fejn huwa importanċi li jkollhom żewġt uċuħ: munita b’ wiċċ wieħed ma hijiex tajba iżda falza, għalhekk fil-każ tal-muniti dawn dejjem għandhom ikollhom żewġt uċuħ imma l-bniedem għandu dejjem jiftakar li hu mhux munita għalhekk ma għandu qatt jimxi b’ żewġt uċuħ.

Użajt il-kelma ‘Gakbin’ iżda forsi ftit jafu minn fejn oriġinat. Il-Gakbini ma huma xejn għajr membri ta’ għaqda politika li twaqqfet fil-belt ta’ Pariġi fl-1789. Dawn kienu jiltaqgħu fil-kunvent tal-patrijiet Dumnikani ġewwa Triq Saint Honore. Il-kunvent kien iġib l-isem ta’ San Gakbu u għalhekk kienu jissejħu Gakbini għax ta’ San Gakbu. Il-membri ta’ din l-għaqda kienu kontra l-monarkija u favur ir-repubblika. Il-ħidma ta’ dan il-moviment wittiet it-triq għar-revoluzzjoni Franċiża. B’ hekk għal dawk li kienu favur il-monarkija raw fil-Gakbini nies ta’ żewġt uċuħ u sal-lum bqajna nużaw din il-kelma b’ mod dispreġjattiv.

Wiċċ ta’ belt
Dan l-aħħar erġajt żort il-belt ta’ Napli. Daqs għaxar snin ilu kont ngħix f’ dik il-belt u min jaf kemm-il darba semmejtha fl-artikli tiegħi f’ dan il-ġurnal għaliex kont irbatt qalbi magħha. Din id-darba ma mortx Napli waħdi biex inżur xi ħbieb tiegħi iżda kont ma’ grupp li bosta minnhom qatt ma kienu żaru din il-belt famuża iżda b’ bosta wċuħ! Għalfejn qed ngħid li Napli hija belt b’ bosta wċuħ? Iva Napli trid taraha mhux minn wiċċ wieħed iżda minn bosta angoli.

Megellina, il-parti High Class ta' Napli
Bosta minna l-Maltin meta jżuru Napli jmorru Via San Gregorio Armeno, it-triq magħrufa mad-dinja kollha għall-presepji. Biex ngħid id-dritt, ikun dnub jekk iżżur Napli u ma tmurx f’ din it-triq. Tkun qisek turist li ġejt Malta u ma dħaltx il-Belt!

Mal-grupp li kont, ġejna alloġġjati fiċ-ċentru. Konna għadna kif ħallejna Bologna u sħabi ħassew ix-xokk kulturali. Bologna kollox f’ postu, kollox organizzat, toroq wiesgħin, poplu xi ftit imnieħru mxammar. Napli hemm il-gegwiġija, storbju, toroq dojoq u graffitti ma’ kullimkien, ma’ kull ħajt, ma’ kull bieb. X’ differenza!

Darba waranofsinhar mort mixja ma’ żewġ membri mill-grupp li konna. Ħadthom ħdejn il-baħar, Mergellina. X’ differenza miċ-ċentru! Hawn kullimkien lukandi ta’ ħames stilel. Toroq indaf u wiesgħin, kulħadd jippassiġġa bil-kwiet. Karozzi xejn għax din il-parti hija magħluqa għall-karozzi biex tintuża min-nies biss. Dan huwa l-wiċċ l-ieħor ta’ Napli. Min ma jiċċaqlaqx mit-triq tal-presepji jew miċ-ċentru tal-belt ma jista’ qatt jgħid li jaf Napli sewwa għax ikun ra wiċċ wieħed tal-belt u ma jkunx ra l-parti biex ngħid hekk high class.

Għidtilkom li qabel Napli konna Bologna. Min iżur din il-belt jaħseb li hemm kollox sew! Nassigurakom li anke din il-belt għandha wiċċ ieħor li huwa differetni minn dak taċ-ċentru. Jien għext hemmhekk ukoll u kont immur f’ parroċċa fejn tara graffitti mal-ħajt, tisma’ bi kriminalità u hemm minn kollox. Bil-fors għax kull belt fiha aktar minn wiċċ wieħed.

Il-wiċċ! Kemm hemm xi tgħid dwaru! Mhux biss dak il-wiċċ li għandha fil-parti ta’ quddiem ta’ rasna iżda diversi tipi ta’ wċuħ.


Fr Reno  Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 22 ta' April 2017


giovedì 17 gennaio 2013

Monument lill-arti


Ħsibijiet fuq it-taraġ tat-Teatru Rjal


Fi żmien il-vaganzi tal-Milied ċempilli wieħed żagħżugħ u stedinni biex niltaqgħu ftit, nagħmlu żewġ passi, nieħdu kafè u ngħidu kelmtejn. Ftehma biex l-għada niltaqgħu l-Belt f’ xi l-10 ta’ filgħodu. Ikolli nammetti li għalija niltaqgħu l-Belt Valletta jew f’ xi post ieħor ma kienx jagħmilli differenza, imma wara li iltqajna apprezzajt kemm kien ħsieb tajjeb li niltaqgħu hemmhekk.

Fis-sajf li għadda kont dħalt darbtejn sal-Belt, imma fi żmien il-Milied kont ilni ma nidħol snin twal. Forsi l-ħsieb ta’ folol ta’ nies jixtru u jduru minn ħanut għall-ieħor dejjem kien jaqtagħli qalbi, imma nsomma għal din is-sena kont sejjer nagħmel eċċezzjoni. U dħalt il-Belt u ħassejtni qisni turist. Ħassejtni donni qiegħed inżur xi belt ġdida, belt li fiha qatt ma kont mort qabel, belt li minkejja li żortha mijiet ta’ drabi, ħassejtha timmeraviljani daqs li kieku kont qiegħed niskopriha, niskopri teżor li sibt bla ma kont qiegħed infittex.

Tlajt it-taraġ tat-Teatru Rjal. Inqerr magħkom: kont xettiku għall-aħħar dwar dan il-proġett, imma x’ ħin sibt ruħi hemmhekk ħassejt il-kuxjenza tniggiżżni. Minn moħħi għadda elf ħsieb. Kemm hi kerha l-gwerra, qerda biss iġġib. Ara x’ ħallew il-bombi Ġermaniżi; borġ ġebel, ħallew selħa fil-Belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi, ħallew toqba, ħallew vojt, ħallew il-mewt minflok il-glorja u l-maestrija li kien igawdi dan it-teatru. Bil-waqa’ ta’ dan il-bini, id-dilettanti tal-opra sfaw iltiema, sfaw vittmi, sfaw telliefa, tilfu xi ħaġa għażiża għalihom. Għal bosta u bosta snin konna bqajna bi ftit knaten fuq xulxin biex ifakkruna fil-kruha tal-gwerra. Knaten li kienu jixhdu dak li kienu jirrakkuntawlna n-nanniet u forsi l-ġenituri tagħna, ġrajjiet li aħna ma niftakrux. Knaten li baqgħu hemm biex juruna kemm hi kerha l-gwerra!

Imma inutli noqgħodu nibku. Kollu ta’ xejn noqgħodu naħsbu fuq dak li tlifna u ma nagħmlu xejn. Dan jgħodd għal kull sitwazzjoni tal-ħajja. Jekk noqgħodu b’ idejna fil-but kollox kif inhu jibqa’. Jekk noqgħodu naħsbu bla ma nieħdu azzjoni xejn ma jinbidel. Jeħtieġ li tittieħed deċizzjoni illum jew għada. U deċizzjoni kultant ma tkunx faċli. Deċizzjoni tista’ tintgħoġob ma’ xi wħud u tista’ ma tintlaqax minn oħrajn.

Fil-każ tat-teatru l-imwaqqa’ hekk ġara. Ittieħdet deċizzjoni. Kont għadni fuq it-taraġ tat-teatru meta ġewni dawn il-ħsibijiet. Teatru tal-ħadid, bla saqaf, imma li ma jmissx mal-fdal tal-bini tat-teatru l-imwaqqa’. Ħassejt li l-istruttura l-ġdida trid tisfida lill-gwerra, trid twassal messaġġ lil dawk li jaħsbu li bil-gwerra tista’ taħkem fejn trid, tikkmanda lil min trid. L-istruttura trid turi biċ-ċar li l-arti ma tispiċċax bil-gwerra, anzi fejn il-gwerra tiżra l-qerda l-arti tnibbet il-ħajja. L-arti, it-teatru, huma parti mir-ruħ tal-ġens u r-ruħ ma tmut qatt. Il-bombi li niżlu f’ dan il-post waqqgħu l-bini, ħallew ħerba, imma ma qatlux ir-ruħ. Veru każ fejn mix-xewk ħareġ il-ward.
Renzo Piano
Ħassejtni kważi nistħi minni nnifsi meta ftakart li kont xettiku dwar dan il-proġett. Issa li qiegħed fih nista’ nara l-għaqda tal-antik mal-modern. Għalija iktar minn teatru l-istruttura tal-perit Renzo Piano hija monument għall-arti. Iva l-gwerra kissret il-ġebel imma ma ġabitx fix-xejn lir-ruħ, il-qalb, ix-xewqat u l-imħabba kulturali ta’ dan il-poplu.

Ħassejtni kuntent li kont ninsab f’ post li għada pitgħada għandu jkun imniżżel mal-lista ta’ xogħolijiet magħarufa li wettaq il-perit ta’ fama internazzjonali. Fraħt meta bdejt nimmaġina li għad nara isem Malta, isem il-Belt Valletta ma’ ismijiet ta’ bliet kbar oħrajn bħal Pariġi, Londra, Milan, Genova, Turin, Napli, Ateni, Berna,  Berlin,  Amsterdam, Rotterdam, Oslo, Houston, Dallas, Atalanta, New York, Tokyo u għadd ta’ bliet oħra li lkoll għandhom xi xogħol ta’ dan l-arkitett modern.

Inżilt lura mit-taraġ li kont tlajt. Minkejja li minix belti, ħassejtni kburi bil-Belt Kapitali ta’ pajjiżi. Dort fuq dak li kont dħalt il-Belt biex niltaqa’ miegħu u fissirtlu dan kollu fi ftit kliem. Għidltu biss: “Dan mhux teatru, dan monument li juri li l-arti lanqas il-gwerra ma tirbħilha!”

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon 17 ta' Jannar 2013