giovedì 17 gennaio 2013

Monument lill-arti


Ħsibijiet fuq it-taraġ tat-Teatru Rjal


Fi żmien il-vaganzi tal-Milied ċempilli wieħed żagħżugħ u stedinni biex niltaqgħu ftit, nagħmlu żewġ passi, nieħdu kafè u ngħidu kelmtejn. Ftehma biex l-għada niltaqgħu l-Belt f’ xi l-10 ta’ filgħodu. Ikolli nammetti li għalija niltaqgħu l-Belt Valletta jew f’ xi post ieħor ma kienx jagħmilli differenza, imma wara li iltqajna apprezzajt kemm kien ħsieb tajjeb li niltaqgħu hemmhekk.

Fis-sajf li għadda kont dħalt darbtejn sal-Belt, imma fi żmien il-Milied kont ilni ma nidħol snin twal. Forsi l-ħsieb ta’ folol ta’ nies jixtru u jduru minn ħanut għall-ieħor dejjem kien jaqtagħli qalbi, imma nsomma għal din is-sena kont sejjer nagħmel eċċezzjoni. U dħalt il-Belt u ħassejtni qisni turist. Ħassejtni donni qiegħed inżur xi belt ġdida, belt li fiha qatt ma kont mort qabel, belt li minkejja li żortha mijiet ta’ drabi, ħassejtha timmeraviljani daqs li kieku kont qiegħed niskopriha, niskopri teżor li sibt bla ma kont qiegħed infittex.

Tlajt it-taraġ tat-Teatru Rjal. Inqerr magħkom: kont xettiku għall-aħħar dwar dan il-proġett, imma x’ ħin sibt ruħi hemmhekk ħassejt il-kuxjenza tniggiżżni. Minn moħħi għadda elf ħsieb. Kemm hi kerha l-gwerra, qerda biss iġġib. Ara x’ ħallew il-bombi Ġermaniżi; borġ ġebel, ħallew selħa fil-Belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi, ħallew toqba, ħallew vojt, ħallew il-mewt minflok il-glorja u l-maestrija li kien igawdi dan it-teatru. Bil-waqa’ ta’ dan il-bini, id-dilettanti tal-opra sfaw iltiema, sfaw vittmi, sfaw telliefa, tilfu xi ħaġa għażiża għalihom. Għal bosta u bosta snin konna bqajna bi ftit knaten fuq xulxin biex ifakkruna fil-kruha tal-gwerra. Knaten li kienu jixhdu dak li kienu jirrakkuntawlna n-nanniet u forsi l-ġenituri tagħna, ġrajjiet li aħna ma niftakrux. Knaten li baqgħu hemm biex juruna kemm hi kerha l-gwerra!

Imma inutli noqgħodu nibku. Kollu ta’ xejn noqgħodu naħsbu fuq dak li tlifna u ma nagħmlu xejn. Dan jgħodd għal kull sitwazzjoni tal-ħajja. Jekk noqgħodu b’ idejna fil-but kollox kif inhu jibqa’. Jekk noqgħodu naħsbu bla ma nieħdu azzjoni xejn ma jinbidel. Jeħtieġ li tittieħed deċizzjoni illum jew għada. U deċizzjoni kultant ma tkunx faċli. Deċizzjoni tista’ tintgħoġob ma’ xi wħud u tista’ ma tintlaqax minn oħrajn.

Fil-każ tat-teatru l-imwaqqa’ hekk ġara. Ittieħdet deċizzjoni. Kont għadni fuq it-taraġ tat-teatru meta ġewni dawn il-ħsibijiet. Teatru tal-ħadid, bla saqaf, imma li ma jmissx mal-fdal tal-bini tat-teatru l-imwaqqa’. Ħassejt li l-istruttura l-ġdida trid tisfida lill-gwerra, trid twassal messaġġ lil dawk li jaħsbu li bil-gwerra tista’ taħkem fejn trid, tikkmanda lil min trid. L-istruttura trid turi biċ-ċar li l-arti ma tispiċċax bil-gwerra, anzi fejn il-gwerra tiżra l-qerda l-arti tnibbet il-ħajja. L-arti, it-teatru, huma parti mir-ruħ tal-ġens u r-ruħ ma tmut qatt. Il-bombi li niżlu f’ dan il-post waqqgħu l-bini, ħallew ħerba, imma ma qatlux ir-ruħ. Veru każ fejn mix-xewk ħareġ il-ward.
Renzo Piano
Ħassejtni kważi nistħi minni nnifsi meta ftakart li kont xettiku dwar dan il-proġett. Issa li qiegħed fih nista’ nara l-għaqda tal-antik mal-modern. Għalija iktar minn teatru l-istruttura tal-perit Renzo Piano hija monument għall-arti. Iva l-gwerra kissret il-ġebel imma ma ġabitx fix-xejn lir-ruħ, il-qalb, ix-xewqat u l-imħabba kulturali ta’ dan il-poplu.

Ħassejtni kuntent li kont ninsab f’ post li għada pitgħada għandu jkun imniżżel mal-lista ta’ xogħolijiet magħarufa li wettaq il-perit ta’ fama internazzjonali. Fraħt meta bdejt nimmaġina li għad nara isem Malta, isem il-Belt Valletta ma’ ismijiet ta’ bliet kbar oħrajn bħal Pariġi, Londra, Milan, Genova, Turin, Napli, Ateni, Berna,  Berlin,  Amsterdam, Rotterdam, Oslo, Houston, Dallas, Atalanta, New York, Tokyo u għadd ta’ bliet oħra li lkoll għandhom xi xogħol ta’ dan l-arkitett modern.

Inżilt lura mit-taraġ li kont tlajt. Minkejja li minix belti, ħassejtni kburi bil-Belt Kapitali ta’ pajjiżi. Dort fuq dak li kont dħalt il-Belt biex niltaqa’ miegħu u fissirtlu dan kollu fi ftit kliem. Għidltu biss: “Dan mhux teatru, dan monument li juri li l-arti lanqas il-gwerra ma tirbħilha!”

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon 17 ta' Jannar 2013


Nessun commento:

Posta un commento