Fil-festa ta’ San Franġisk de
Sales
X’hemm isbaħ
milli tqum filgħodu, tmur fil-kċina, tagħmel tazza kafè, tixwi biċċa ħobż u
tiftaħ il-gazzetta jew tixgħel ir-radju
jew it-televiżjoni u waqt li taqra jew tisma’ l-aħbarijiet tigdem gidma ħobż
mixwija u tixrob belgħa kafè? Ngħid għalija dan huwa l-isbaħ mod kif nibda
l-ġurnata.
Tassew li
l-gazzetta filgħodu nixtruha mingħand tal-ħanut, u lil dan tasallu
mill-istamperija, imma kieku ma jkunux
il-ġurnalisti li jaħdmu biex iwasslulna dak li qiegħed jiġri fid-dinja,
il-gazzetti jibqgħu vojta, l-aħbarijiet fuq ir-radjijiet, televiżjoni jew
internet ma jkunu jistgħu jwasslu xejn.
San Franġisk ta' Sales |
Propju llum, 24
ta’ Jannar hija l-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales. Dan il-qaddis Franċiż li
għex bejn l-1567 u l-1622 huwa l-qaddis patrun tal-ġurnalisti u tal-awturi.
Huwa kiteb għadd ta’ kitbiet u kien jikteb fuljetti u jqassamhom bil-għan li
jikxef l-iżbalji tal-Kalvinisti. Kien ibbeatifikat mill-Papa Alessandru VII
fl-1661 u kanonizzat mill-istess Papa fl-1665. Fl-1923 il-Papa Piju XI
ipprokklamah bħala l-qaddis patrun tal-ġurnalisti, l-awturi u l-kittieba. Huwa
qaddis Kattoliku imma meqjum ukoll minn xi komunitajiet Protestanti.
Nerġgħu lura
għall-ġurnalisti propju fil-festa tal-qaddis patrun tagħhom. Illum aħbar
taslilna ftit sekondi wara li tkun seħħet u dan grazzi għat-tekonoloġija
moderna u grazzi għal dawk li jiktbu l-aħbar li tkun trid titwasslilna. Jeżistu
agenziji, kemm internazzjonali kif ukoll fuq skala nazzjonali, li x-xogħol
tagħhom huwa li jwasslu dak li jiġri fid-dinja jew fil-pajjiż. Dawn l-aġenziji
jibgħatu l-aħbar mill-iktar fiss possibli u jibqgħu jaġġornawha minn ħin
għall-ieħor. Il-ġurnalist jiktibha fi kliemu u jaġġornaha kull meta l-aġenziji
tal-aħbarijiet jibgħatu aġġornament. Il-ġurnalist jagħmel ħafna xogħol li wara
jkollu jinbidel sabiex l-aħbar tkun kemm jista’ jkun preċiża. Hemm ġurnalisti
li jkunu korrispondenti speċjali, ġurnalisti li jgħixu fil-post u hemm
ġurnalisti mibgħuta speċjali li jmorru fuq il-post meta sseħħ xi ħaġa li
jkollha valur ta’ aħbar.
Iva dan kollu
biex ikolli l-gazzetta fuq il-mejda filgħodu kmieni, dan kollu biex ħin niftaħ
ir-radju jew nixgħel it-televiżjoni jew l-internet inkun naf x’inhu jiġri
fid-dinja. Bosta drabi lanqas biss naħseb f’kemm nies taw sehemhom biex jien
inkun nista’ nkun naf dan kollu. Grazzi għeżież kollegi u San Franġisk ta’
Sales iħariskom.
Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon
24 ta' Jannar 2013
Nessun commento:
Posta un commento