Visualizzazione post con etichetta nadur. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta nadur. Mostra tutti i post

venerdì 15 maggio 2020

Il-maskra

Maskra

L-imxija tal-Covid 19 biddlet id-dinja jew aħjar qalbet id-dinja ta’ taħt fuq, Fost il-ħafna tibdiliet li kellna nagħmlu f’dawn il-ġimgħat hija fejn jidħol l-użu tal-maskra. Sa ftit xhur ilu l-maskra kienu jilbsuha xi turisti aktarx Ċiniżi li jżuru l-Ewropa, u mhux kollha, xi waħdiet minnhom biss. Kienu jużawha l-ħaddiema li jaħdmu fit-trab biex jifrankaw xi ftit minn dak it-trab li jidħol fi mniffsejhom u l-istess bħat-turisti Ċiniżi, mhux kulħadd kien jużaha. Illum l-użu tal-maskra sar obbligu u qegħdin narawha kull fejn inħarsu.

Maskri jew maskli
Fuq il-mezzi tal-media soċjali qamet kemm-il darba l-kwistjoni ta’ x’għandna ngħidu u kif għandna niktbu l-kelma li tirreferi għal dik l-għata tal-imniffsejn u l-ħalq. Min jikteb u jgħid maskra u min isejħilha maskla.

Maskli 
Il-kelma maskra ġejja mit-Taljan <mashera> li ġejja minn kelma Pre-Indoewropea <masca> li tfisser nugrufun jew fatat iswed. Il-maskra ma tħallix lil dak li jkun jingħaraf bħalma ma jintgħarafx min jiksi wiċċu bin-nugrufun u jsir qisu fatat iswed. Mela la din il-kelma għandha l-anteneti tagħha bl-R il-kelma preċiża hija maskra u mhux maskla. Sfortunatament smajnieha eluf ta’ drabu imtennija b’mod żbaljat kif ukoll rajnieha miktuba wkoll ħażin. Issa ma rridux ninsew il-konsonanti likwidi, L, M, N, R u GĦ, li għandhom ħabta jixxiebħu bejniethom jew ma’ xi vokali oħra. Imma din mhux lezzjoni tal-Malti!

Maskli
Allura xi wħud jistgħu jistaqsu x’inhi maskla? Maskla hija frotta tal-baħar, dik li bl-Ingliż tissejjaħ <mussle>. Ma naħsibx li xi ħadd jitħajjar joħroġ b’xi maskla tal-baħar ma’ mnieħru! Aħjar jitfa’ maskra! Maskla hija wkoll kelma li fl-antik kienet użata fl-arti piroteknika. Qabel ma bdew isiru l-murtali li jinħarqu mill-kanen li jkunu mħawla fil-ħamrija jew marbutin sewwa f’kaxxi tal-injam, fil-festi Maltin kienu jinħarqu l-maskli. Dawn kienu jkunu bħal bott li dari kienu jieħdu t-te fih, qisu mug tal-enemel. Imma l-maskli kienu jkunu taċ-ċomb, ħadid jew ram. Fihom kien jitqiegħed il-porvli u magħhom titpoġġa biċċa miċċa li tibqa’ dieħla minn toqba li kien ikun fiha l-maskla. Dawn kienu jitpoġġew mal-ġenb tat-triq u jinħarqu waqt il-purċissjoni tal-qaddis jew qaddisa. Hawn l-istess ma naħsibx li hawn min se jitħajjar joħroġ b’xi maskla tal-metall ma’ wiċċu. L-ewwel ħaġa dawn huma tqal mhux ħażin u t-tieni ħaġa llum ma ssibhomx jekk mhux f’xi mużew tal-antikità.

Naħseb issa għamilniha ċara d-differenza bejn maskra u maskla. Issa hawn min qed jgħid li dawn huma varjanti u huma tajbin it-tnejn. Kulħadd jaħseb b’moħħu u jagħmel il-konklużjoni hu.

Tipi ta’ maskri
Maskra
Ara ma taħsbux li hawn sejjer ngħidilkom x’tipi ta’ maskri għandkom tilbsu meta tmorru tixtru. Xejn minn dan. Sejjer biss ngħidilkom kemm tipi ta’ maskri nistgħu insibu fil-ħajja madwarna.Fil-gwerra kienu komuni l-maskri tal-gas minħabba l-biża’ ta’ xi attakk mill-għadu b’gassijiet velenużi. Tip ta’ maskra oħra hija dik li nużaw fil-baħar biex naraw il-qiegħ, dik li llum saret tissejjaħ <goggles>. Din fi ċkuniti kont nisma’ min isejħilha maskra tal-għaddasa jew maskra tal-baħar. Bħal bosta kliem Malti ieħor, intilfet u qed nużaw biss il-kelma Ngliża.

Hemm sitwazzjoni fil-logħba tal-biljard li tissejjaħ maskra. Din tissejjaħ maskra wkoll, bl-R mhux bl-L.

Maskra
Żgur li l-aktar maskri pjaċevoli huma dawk tal-karnival. Dawn ivarjaw minn tal-kartun, tal-plastik, tal-lasktu u jistgħu jkunu wkoll taċ-ċeramika. Skont ma tħallas tieħu. Bosta ballijiet famużi li jsiru fil-karnival madwar id-dinja jkollhom esebizzjoni ta’ maskri mill-ifjen. Qed jiġi f’moħħi bħalissa l-karnival ta’ Venzja fejn kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jilbsu maskri mill-aktar lussużi li min jaf kemm jiswew flus. La semmejt il-karnival ma nistax inħalli barra dak tan-Nadur fejn hawn bi mħatra min ikollu l-aktar maskra oriġinali biex ma jintgħarafx minn dawk li jafuh.

Persuna
Forsi ftit jafu li l-kelma <persuna> wkoll ġejja minn kelma li tfisser maskra. Il-kelma Latina <persona> aktarx ġejja mill-kelma Etruska li kienet tfisser il-maskra li tintuża fit-teatru. Fil-qedem l-attur kien jagħmel il-parti teatrali tiegħu b’maskra kbira quddiemu u għalhekk meta jibdel il-maskra kien ukoll jibdel il-parti tal-personaġġ li kien ikun qed jinterpreta. Illum il-kelma persuna, li nużaw anke fil-Malti ħadet it-tifsira li ħadet; riferenza għal bniedem bla ma tindika il-ġeneru hux raġel jew mara.

Maksra tista’ jkollha wkoll sens metaforiku, meta bniedem juri wiċċ b’ieħor jingħad li jkun libes il-maskra u meta bniedem bħal dan jinkixiflu xi għemil li jkun wettaq malajr tisma’ lil min jgħid li waqgħetlu l-maskra. Metafora oħra li nużaw hija li l-ipokrita jilbes maskra skont il-waqt u skont il-ħtieġa. Kollha nafu xi jfissru dawn il-metafori għax huma komuni fit-taħdidiet tagħna.

Illum dorna dawra mal-maskri li l-pandemija tal-Covid 19 qed iġġibna wiċċ imb wiċċ magħhom, anzi qed twaħħalhomna ma’ wiċċna u mhux biss, rajna wkoll il-maskli!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Mejju 2020





sabato 28 luglio 2018

Bażilika


Illum, 29 ta’ Lulju 2018, huwa jum li se jibqa’ miktub b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Mosta għaliex il-knisja parrokkjali ta’ dan ir-raħal sejra tingħata t-titlu ta’ Bażilika. Bosta qegħdin jistaqsu xi tfisser Bażilika.

L-erba’ Bażiliċi prinċipali jinstabu Ruma. Dawn huma San Ġwann Lateran, omm il-knejjes kollha tad-dinja u katidral ta’ Ruma, San Pietru fil-Vatikan fejn hemm it-tmexxija tal-Knisja Universali, Santa Maria Maggiore u San Paolo fuori la Mura. Il-Bażiliċi l-oħrajn jissejħu Bażiliċi Minuri għax huma affiljati, speċi ta’ ulied xi waħda minn dawn il-Bażiliċi prinċipali.

F’Malta u Għawdex għandna numru ta’ knejjes li jġibu dan it-titlu. L-ewwel Bażilika li saret f’pajjiżna kienet dik tal-Portu Salvu u San Dumiknu ġewwa l-Belt Valletta. Din il-knisja tgħolliet għad-dinjità ta' Bażilika Minuri fil-25 ta' Mejju 1816, aktar minn mitejn sena ilu! Fl-1895 il-knisja tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta wkoll ingħatalha dan it-titlu. Fl-1921 il-knisja tal-Isla li kienet Kolleġġjata sa mill-1786 tgħolliet għad-dinjità ta’ Bażilika. Il-knisja ta’ Santa Liena f’Birkirkara li kienet kolleġġjata sa mill-1630, saret Bażilika fl-1950.  Il-knisja parrokkjali tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema hija Bażilika u ħadd ma jsejħilha b’ dan it-titlu. L-istess l-għar tal-Madonna fil-knisja tad-Dumnikani tar-Rabat kif ukoll il-knisja tad-Duluri f’Ħaż Żebbuġ. Dawn huma Bażiliċi wkoll imma ftit li xejn jiġu rriferuti bit-titli li għandhom.

Ġewwa d-Djoċesi Għawdxija nsibu numru ta’ Bażiliċi. Dawn huma: San Ġorġ tar-Rabat imwaqqfa Bażilika fl-1958, Il-knisja tal-Bambina fix-Xaghra, dik ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur u l-knisja tal-Viżitazzjoni fl-Għarb ilkoll saru Bażiliċi fl-1967. Ġewwa l-Għarb ukoll insibu l-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu. Ma' dawn inżidu wkoll il-kappella tal-Madonna tal-Patroċinju li nsibu fir-raħal tal-Għasri li hija wkoll Bażilika. 

Xi tfisser Bażilika
Xi jfisser li knisja tkun Bażilika? Huma titli ta’ rispett lejn lok reliġjuż li jkun jixraqlu ċerta stima minħabba l-popolarità tiegħu. Kieku jkollna nikkomparaw il-knejjes mal-bnedmin inkunu nistgħu ngħidu li jeżistu titli differenti lill-persuni differenti. Lit-tabib insejħulu Dott, lin-nutar ngħajtulu Manifk, lill-avukat nindirizzawh b’Sinjur, lill-bennejn ngħidulu Mgħallem, imma lkoll huma bnedmin li twieldu bla ħwejjeġ u lkoll sejrin jintemmu fl-istess post, iżda minħabba n-natura tax-xogħol li jagħmlu nagħtuhom titli differenti.

L-għan tal-Knisja (bil-K kbira) Universali huwa x-xandir tal-kelma ta’ Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Dan isir permezz tas-sagramenti. Issa sagrament jista’ jsir fil-Vatikan, f’Bażilika, fi knisja Arċipretali, fi knisja ċkejkna jew f’kappella mitlufa f’nofs ir-raba’, xorta waħda huwa l-istess sagrament. Is-sustanza tas-sagrament ma tinbidilx skont il-post li fih jiġi amministrat. Il-post huwa aċċidentali u jista’ jinbidel, imma s-sustanza ma tinbidel qatt u għalhekk jekk wieħed jirċievi sagrament f’Bażilika huwa l-istess daqs li kieku jirċievih f’ kappella ċkejkna qalb l-għelieqi.

Allura b’dan l-argument ikun hawn min jistaqsi: għalfejn jingħataw dawn it-titli? Ma rridux ninsew li ċerti knejjes għandhom storja kbira, oħrajn fihom xi devozzjoni partikolari u għalhekk iżuruhom bosta nies. Bħala rikonoxximent jistgħu jingħataw titlu bħal ta’ Bażilika, li jingħata mill-Papa.

Il-Knisja tal-Mosta għandha storja twila u l-qagħda ġeografika tagħha tiġbed lejha bosta nies, l-aktar turisti. Kienet il-knisja li serviet lid-dinjitarji li fl-1913 ġew Malta għall-Kungress Ewkaristiku. Hija l-knisja li fit-tieni gwerra dinjija daqet l-azzar tal-għadu iżda baqgħet wieqfa u soda. Hija knisja li fiha ċerta devozzjoni u għalhekk sejra tingħata din id-dinjità. Taħsbux li t-triq hija faċli jew qasira, le le, hija twila aktar milli wieħed jaħseb.

Ħa ngħidilkom kurżità dwar din il-Bażilika ġdida! Fil-pjanti oriġinali tar-Rotunda, wieħed mill-kwadri fuq artal laterali huwa ta' San Ġorġ Martri. U mhux bil-fors ladarba l-perit tagħha kien iġib ismu, Giorgio Grognet de Vassé!

Jekk hemm min jaħseb li l-għoti tat-titlu ta’ Bażilika hija xi ħaġa li ma għadiex tingħata ikun sejjer żball. Xi knejjes ta’ ċerta importanza jiġu iddikkjarati Bażiliċi tista’ tgħid mill-bidu tal-eżistenza tagħhom. Dawk kollha li xi darba marru Lourdes jafu li hemmhekk hemm il-Bażilika ta’ San Piju X, knisja taħt l-art mibnija bil-konkos li ma fiha l-ebda opri artistiċi, imma minħabba l-importanza tagħha ingħatat it-titlu ta’ Bażilika.

Mil-lum fid-djoċesi tagħna ser ikollna Bażilika ġdida mal-għadd li diġà jeżistu. Jalla ma tkunx tal-aħħar!

Fr Reno Muscat





mercoledì 12 giugno 2013

Ħarsa lejn l-ambjent tal-għaqdiet u każini fit-tieni nofs tas-seklu XIX.

Meta nqallbu l-kotba tal-istorja ta’ pajjiżna dejjem insibu li b’xi mod jew ieħor Ħal Qormi kien protagonist. Dan minħabba l-għadd ta’ nies li minn dejjem kienu jgħixu fih kif ukoll minħabba li jinsab qrib il-port, iċ-ċentru tal-kummerċ u l-attività, u b’hekk bilfors minn dejjem kellu ċerta importanza.

L-aħbarijiet kienu jaslu għand il-poplu mill-ħwienet tax-xorb
Il-bniedem maħluq biex jissolċjalizza ruħu, biex jagħmel kuntatt ma’ bnedmin oħra. Illum aħbar tasal għandna permezz tat-teknoloġija moderna, imma mhux hekk kienet l-istorja madwar mija u ħamsin sena ilu. Aħbar kienet tasal bil-fomm. Dawk li jafu jaqraw kienu ftit u l-ġurnali ta’ dak iż-żmien kienu jaslu biss f’idejn xi avukat, xi nutar, it-tabib u s-saċerdoti. Il-kumplament tal-poplu kien analfabeta. Imma l-poplu xorta jistaqsi xi jkun qed jiġri madwaru u lil hinn minnu. Jaf jaqra jew le xorta l-bniedem irid ikun jaf x’ qed tgħid in-nies, kemm qrib kif ukoll bogħod. L-aħbarijiet kienu jaslu għand il-poplu mill-ħwienet tax-xorb, li ta’min jgħid li r-raħal tagħna ma kienx nieqes minnhom! Lejn nofs is-seklu XIX bdew jinħolqu l-każini. Id-differenza bejn il-każin u l-ħanut tax-xorb kienet li l-każin kien immexxi minn kumitat u għandu għan partikolari, filwaqt li l-ħanut tax-xorb kien il-mezz ta’ għixien għal sidu.

Sabiex nifhmu ftit kif kienet is-sitwazzjoni ta’ dawn il-każini sejrin niftħu żewġ kotba antiki li fihom insibu ħjiel ta’ kif kienet il-ħajja Maltija dak iż-żmien. Il-kotba li qiegħed nirreferi għalihom huma tal-magħruf Pietru Pawl Castagna:  Malta bil-gżejjer tagħha u li għadda min għaliha, stampat fl-1865 u L-Istorja ta’ Malta bil-gżejjer tagħha tas-sena 1890.
P.P. Castagna
Castagna, iben Antonio u Carmela nee’ Gonzi twieled ġewwa Bormla nhar is-16 ta’ Ġunju 1827, Wara l-istudji primarji mar jistudja fil-Liceo tal-Belt Valletta.  Beda jaħdem mal-Gvern bħala għalliem tal-iskola elementari, laħaq surmast u wara direttur tal-edukazzjoni elementari. Castagna baqa’ msemmi bħala edukatur, storiku u folkloristiku li kiteb l-ewwel Storja ta’ Malta bil-Malti. Huwa għen il-letteratura Maltija billi kiteb ħafna rapreżentazzjonijiet bil-Malti għal fuq il- palk. Kif diġa għidna, Pietru Pawl Castagna ħareġ l-ewwel edizzjoni tal-istorja ta’ Malta fl-1865 f’żewġ volumi bl-isem ta’ Malta bil Ghzejer Tahha u li Ghadda min Ghaliha.(L-isem miktub skont il-grammatika ta’ dak iż-żmien u skont kif insibuh fil-qoxra). It-tieni edizzjoni stampaha fl-istamperija C. Busuttil ta’ 133, Strada Forni, Valletta bejn is-snin 1888-1890, din id-darba b’isem ieħor, Lis Storja ta Malta bil Gzejer Tahha. Miet nhar it-13 ta’ April 1907.

Intant fl-ewwel ktieb tiegħu, f’paġna 97, b’Malti li jxaqqlek aktar lejn it-Taljan, Castagna jagħtina lista ta’ każini li kienu jistabu f’Malta u Għawdex. Ser inġibu kelma b’ kelma dak li nsibu f’ dan il-ktieb, biss ser naqilbuh b’ Malti tal-lum. Dan huwa dak li naqraw:

F’ Ottubru tas-sena 1821, ċertu Giovanni Taffien, f’ bottegin Strada Vescovo, fetaħ l-ewwel każin tan-negozjanti.
Fl-1823 kien istitwit it-tieni: Każin San Giorgio.
Fl-1824 sar it-tielet każin mill-inġliżi, imsemmi Club.
Fl-1848 il-kbarat tal-Belt istitwew ir-raba’ każin li semmewh Il Circolo Maltese.
Fl-1849 intrama każin ieħor bit-titlu tar-Rendevous.
Fl-1850 sar il-Casino Maltese.
Wara dawna, saret L’Unione, każin iffurmat mis-soċi taċ-Circolo u tal-Casino Maltese.
Fl-1851 is-sinjuri ta’ Bormla armaw każin ieħor għalihom, li ssemma il Casino Cospicuano.
Fl-1852 l-Isolani (tal-Isla) għamlu Il Casino Sengleano.
Wara dan fl-Isla sar ieħor li ssemma Il Casino Marittimo.
Fl-1854 sar il-każin fiż-Żejtun.
Ma’ din il-ħabta sar ukoll każin fl-Imdina, ieħor fin-Naxxar u ieħor fir-Rabat ta’ Għawdex.
Fl-1857 sar it-tmien każin fil-Belt, L’Indipendente.
Fl-1858 fil-Birgu saru żewġ każini oħra.
Fl-1861 fil-Belt intrama każin ieħor, Casino San Giovanni.
Fl-1862 sar ir-Reading Institution fl-Isla.
U issa fl-aħħar (tmien snin wara dan) iffurmaw ruħhom iż-żewġ każini fil-Belt: San Paolo u L’Unione.



Banda Unione Luqa 1880

Wieħed dlonk jinnota li Ħal Qormi ma jidhirx fil-lista ta’ dawn l-ewwel każini.  Fil-ktieb tal-istess kittieb tas-sena 1890 nistgħu ninnutaw żviluppi kbar fejn jidħlu l-każini. Issa bdew ikunu mwaqqfin soċjetajiet filarmoniċi, jew aħjar bdew jinħolqu l-baned. F’paġni 247- 249 Castagna jikteb lista ta’ għaqdiet mużikali li kienu jeżistu. Huwa jagħti wkoll l-ismijiet tad-diretturi tal-istess baned. Għal darba oħra sejrin inġibu din il-lista b’ Malti li jinftiehem:
Il-Baned Maltin
La Società Filarmonica Nazionale:

Valletta                   1  Royal Malta Artillary – Dir. Eman Bartoli.
                               2  Royal Malta Militia – Dir. Fil. Galea.
                               3  Prince of Wales Band – Dir. Alf.P. Hare.
                               4  La Vallette – Dir. Cav. V. Carabott.

Floriana                   5  Vilhena Band –Dir. Gius. Borg.

Senglea                   6  La Vincitrice – Dir. Gius Portelli.
                               7  La Croce di Malta – Dir. Bern. Costa.

Cospicua                8  San Giorgio – Dir. Carmelo Abela.

Vittoriosa                9  Duke of Edimburgh – Dir. Gaet. Grech.
                               10 La Vittoriosa – Dir. Gius Micallef.

Sliema                     11 I Cavalieri di Malta – Dir. Ferd Camilleri.

Notabile                  12 L’Isle Adam – Dir. Carm Camilleri.
                               13 Conte Ruggiero – Dir. Fran Xuereb.

Luqa                       14 Sant’ Andrea – Dir. Salv. Spiteri.
                               15 L’Unione – Dir. Gaet. Grech.

Żabbar                    16 Santa Maria – Dir. Gius. Micallef
                               17 San Michele – Dir. C. Abela Scolaro.

Żejtun                      18 Beland – Dir. Ang. Mifsud.
                                19 Santa Caterina – Dir. P. Caruana Dingli.              

Żebbuġ                    20 San Filippo – Dir. Gioac. Galea.
                               21 Rohan – Dir. Lor. Gatt.

Birkirkara               22 La Stella – Dir. Gavino Camilleri.
                               23 L’Alleanza – Dir. Costant Fenech.

Qormi                     24 Pinto – Dir. Ant. Agius.
                               25 San Giorgio – Dir. Gius. Portelli.

Żurrieq                    26 Il Cavaliere – Dir. Carm. Zamit (miktub hekk minn Castagna)

Ħamrun                   27 San Giuseppe –Dir. Carm. Doneo.
                               28 San Gaetano – Dir. Edwardo Farina.

Naxxar                   29 La Pace – Dir. Gav. Camilleri.

Siġġiewi                 30 La Nicolina – Dir. Ruggiero Carabott.

Tarxien                  31 San Giuseppe – Dir. P. Caruana Dingli.

Mosta                   32 Nicolò Isouard – Dir. Eman. Camilleri.

Kirkop                  33 L’Unione – Dir. Ignazio Catania.

Victoria                 34 Il Leone – Dir. Cav. V. Carabott.
                              35 La Stella – Dir. Ant. Agius.

Nadur                   36 Calypso – Dir. Fran. Decesare.

Kazin Leone, Rabat Għawdex
Castagna wara din il-lista jikteb li f’ xi postijiet  imsemmija id-diretturi kienu inbidlu. Minn din il-lista wkoll nistgħu nindunaw li xi wħud mill-għaqdiet tal-Banda li kienu jeżistu fi żmien Castagna għadhom magħna sal-lum, oħrajn spiċċaw għal kollox u oħrajn inbidlilhom isimhom imma għadhom jeżistu. La qegħdin insemmu l-ismijiet tal-baned nixtieq naqsam magħkom dak li qaluli żewġ anzjani mill-Birgu waqt waħda mill-ħafna diskursati li kellna. Qaluli li l-ismijiet tal-għaqdiet jirriflettu wkoll it-tendenza politika tal-belt jew raħal. Il-Mizzjani, jew aħjar is-segwaċi tal-Partit Nazzjonalista kienu jiffavorixxu l-Italja u għalhekk isem ta’ għadqa bl-ilsien Taljan kien juri li l-maġġoranza fil-belt jew raħal kienu Nazzjonalisti. Aktar tard l-iStricklandjani kienu jappoġġjaw lill-Ingilterra u għalhekk jekk isem ta’ għaqda kien bl-Ingliz kien ifisser li l-maġġoranza kienet tappoġġja lill-partit Kostituzzjonali. Ma rridux naħsbu bil-mentalità politika tal-lum. Jekk xejn l-ewwel differenza hija li dak iż-żmien Malta kienet kolonja u mhux stat sovran.  F’dak iż-żmien, jiġifieri lejn tmiem is-seklu dsatax konna nsibu l-Partit Riformista taħt it-tmexija ta’ Sigismondo Savona u l-Partit Anti-Riformista mmexxi minn Fortunato Mizzi, liema partit aktar tard beda jissejjaħ Partito Nazionale, illum il-Partit Nazzjonalista. Nikkwota dak li qal Remiġ Sacco fil-ktieb tiegħu L-Elezzjonijiet Ġenerali, (K.K.M. 1986, p.52) <<S’issa kellna numru ta’ assoċjazzjonijiet, għaqdiet, eċċetral li forsi kont tista’ ssejħilhom partiti politiċi, iżda ħafna kienu jsibuhom jew jattribwulhom l-isem tal-mexxej, bħal ngħidu aħna Panzavecchjani, Mizzjani, Savonjani eċċ. [...] Għalhekk kien hemm ir-Riformisti, Anti-Riformisti, estremi jew moderati, il-firda fost il-Maltinbejn Imperjalisti u pro-Taljani bdiet iżżid id-doża minn hawn ’il quddiem , u dawn l-elementi baqgħu jiddominaw ix-xena politika Maltija sa qabel l-aħħar gwerra dinjija>>. Intant inħallu fil-ġenb il-politika u l-partiti. Naraw li fil-Belt Valletta l-każini li għadna nsibu llum, minbarra l-Każin Malti, kienu jisimhom Filarmonica  Nazionale La Vallette u La Vincitrice. Din tal-aħħar biddlet isimha fi Prince of Wales Own u aktar tard f’ King’s Own. B’ Hekk naraw il-qasma politika fil-Belt Valletta. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-Birgu. Hawn il-Banda La Vincitrice saret id-Duke of York u meta l-Beltin ċedew l-isem ta’ Prince of Wales wirtuh huma. Il-banda l-oħra tal-Birgu kienet iġġib l-isem ta’ Duke of Edinbugh. Dan juri li l-Birgu kien favur il-Gran Brittanja. Mhux l-istess l-Isla. Hawn il-maġġoranza kienet Nazzjonalista u l-istess ħaġa Bormla. Xjuħ Bormliżi jsostnu li aktar milli Nazzjonalisti, l-antenati tagħhom kienu Grossisti, jiġifieri jsegwu lil Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala l-Gross. Imma dan li qed insemmu issa huwa aktar tard minn żmien it-twaqqif tal-ewwel każini.


Kazin tal-Banda fil-Birgu
Ta’ interess partikolari għalina huwa l-isem tal-banda San Giorgio li Castagna jsemmi f’ Ħal Qormi. Meta wieħed jiftakar li l-ktieb li qegħdin nieħdu t-tagħrif minnu kien maħruġ fl-1890 jista’ jiġi f’ diffikultà x’ ħin jiftakar li l-Banda San Ġorġ Martri iġġib is-sena 1893 bħala s-sena tat-twaqqif tagħha. Nieħdu kelma b’ kelma dak li nsibu fis-Sit elettroniku tal-Banda San Ġorġ Martri sabiex nifhmu dan il-punt:
<< Fl-eqqel tal-kwistjoni politiko-religjuza dwar il-legati taż-żwieġ, Mons S. Chircop, nhar it-8 ta’Ottubru (1893) kien għamel meeting ġewwa Ħal Qormi. Il-banda Pinto ma appoġjatx dan il-meeting anzi xi partitarji tagħha issuttaw u ppruvaw itellfu lil dan il-kelliem. Dan wassal għal diżgwid fi ħdan is-soċjetà Pinto, diżgwid li wassal sabiex numru ta’ bandisti fosthom Nikola Montebello u Ġorġ Zarb (eks president u surmast tal-banda Pinto) jħallu l-każin Pinto u jingħaqdu maċ-Circolo San Giorgio, każin li kien diġa stabbilit u li aktarx hu l-istess każin li twaqqaf fl-1872. Fiċ-Circolo San Giorgio dawn il-bandisti waqqfu banda ġdida bl-isem ta’ Società Filarmonika San Giorgio. Din il-banda l-gdida tat l-ewwel programm tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 1894. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmastrijiet Guzeppi Portelli u Giorgio Zarb.>>

Dan ifisser sewwa għaliex l-ebda każin Qormi ma kien imsemmi fil-ktieb ta’ Castagna tas-sena 1865 u jissemmew tnejn f’ dak tal-1890. Biex inkomplu niċċaraw id-diskors tagħna ngħidu li xi anzjani Qormin li llum ma għadhomx magħna kienu jsemmu l-fatt tal-firdiet bejn il-baned Qriema kien jidher anke mil-laqmijiet tal-baned. Il-każin San Giorgio kien magħruf bħala “Taz-zokk”. Dan il-każin li kellu s-sede tiegħu fi pjazza San Franġisk, kien magħruf ukoll bħala tal-orkestra.  Il-Banda Pinto kellha l-laqam “Tal-Qalba”, laqam li għadu mal-istess banda. Jingħad li kienu jgħidu li ta’San Giorgio huma zokk imma ta’ Pinto huma l-qalba taz-zokk. Meta ġiet iffurrmata uffiċċjalment l-Għaqda tal-Mużika San Ġorġ Martri ġiet imlaqqma bħala “Tal-werqa” sabiex ikun mifhum li l-werqa ħarġet miz-zokk. Forsi dak iż-zmien il-laqmijiet kienu jingħataw b’ disprezz, forsi xi wħud kienu jridu jgħidu li kieku ma kienx hemm iz-zokk ma kienitx tinbet il-werqa u li z-zokk għandu l-qalba li jgħijjixha! Illum storja oħra, illum il-laqam tal-banda aktarx jagħti identità.
Ejjew inkomplu naraw x’ kiteb Castagna dwar dawn l-ewwel każini f’ Malta.
Mastru Indri Borg 
L-ewwel banda nazzjonali saret f’ Ħaż Żebbuġ mit-tant imsemmi Vallettan Mastru Indrì Borg fl-1860. Dan kien il-bidu ta’ kemm baned saru u li għad isiru. Sitt xhur wara, l-istess Indrì ifforma t-tieni banda fir-Rabat tal-Imdina, u l-Band Master Galea (is-Surmast li semmejna) rama it-tielet f’Ħaż Żebbuġ ukoll.
Fiż-Żejtun, li sa mis-sena 1837 kienet teżisti orkestra, diretta mid-dilettant Sign. Grazio Diacono, dana ifforma r-raba’ banda (1862) u hekk issa f’raħal u issa f’ieħor, l-abitanti tal-kampanja tagħna ħadu żvilupp liema bħalu.

L-ibliet damu ftit ma qabdu din ir-rikreazjoni, infatti bilkemm fl-1874 saret l-ewwel banda li ssemmiet “La Stella”. Il-promutur u d-direttur tagħha kien il-ġuvni Giuseppe Borg, bin l-imsemmi Surmast Indrì. Sena wara il-professur tal-vjolin Sign. Luigi Carabott ifforma l-banda l-oħra li ssemmiet “La Vallette”
Castagna jtemm il-parti tal-ktieb tiegħu dwar il-każini tal-banda billi jagħtina x’ nifhmu li l-flus kienu dejjem problema sabiex tmexxi għaqda mużikali. Mingħajr ma jsemmi l-problema finanzjarja l-awtur jgħid li : Daż-żmien, il-gvern jikkonċedi tnejn u ħamsin tombla lil dawn il-baned biex bi flushom ipattu l-ispejjes li jkollhom.

Illum, aħna li twelidna lejlet it-tielet millenju bilkemm nimmaġinaw kif kien pajjiżna daqs mija u ħamsin sena ilu jew ftit aktar. Nimmaġinaw li dak li għandha kien minn dejjem, imma kull ma għandna kien xi darba maħluq, bħalma kienu maħluqin l-għaqdiet u l-soċjetajiet u l-każini tal-banda. Grazzi għal kitbiet ta’ storiċi bħal Castagna nistgħu nibnu l-istorja ta’ pajjiżna, tar-raħal tagħna, tal-għaqdiet tagħna u fl-aħħar mill-aħħar l-istorja tagħna stess.

Fr. Reno Muscat OP

Kitba fil-programm tal-Festa San Ġorġ Qormi - Kumitat Festi Esterni 2013