sabato 28 luglio 2018

Bażilika


Illum, 29 ta’ Lulju 2018, huwa jum li se jibqa’ miktub b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Mosta għaliex il-knisja parrokkjali ta’ dan ir-raħal sejra tingħata t-titlu ta’ Bażilika. Bosta qegħdin jistaqsu xi tfisser Bażilika.

L-erba’ Bażiliċi prinċipali jinstabu Ruma. Dawn huma San Ġwann Lateran, omm il-knejjes kollha tad-dinja u katidral ta’ Ruma, San Pietru fil-Vatikan fejn hemm it-tmexxija tal-Knisja Universali, Santa Maria Maggiore u San Paolo fuori la Mura. Il-Bażiliċi l-oħrajn jissejħu Bażiliċi Minuri għax huma affiljati, speċi ta’ ulied xi waħda minn dawn il-Bażiliċi prinċipali.

F’Malta u Għawdex għandna numru ta’ knejjes li jġibu dan it-titlu. L-ewwel Bażilika li saret f’pajjiżna kienet dik tal-Portu Salvu u San Dumiknu ġewwa l-Belt Valletta. Din il-knisja tgħolliet għad-dinjità ta' Bażilika Minuri fil-25 ta' Mejju 1816, aktar minn mitejn sena ilu! Fl-1895 il-knisja tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta wkoll ingħatalha dan it-titlu. Fl-1921 il-knisja tal-Isla li kienet Kolleġġjata sa mill-1786 tgħolliet għad-dinjità ta’ Bażilika. Il-knisja ta’ Santa Liena f’Birkirkara li kienet kolleġġjata sa mill-1630, saret Bażilika fl-1950.  Il-knisja parrokkjali tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema hija Bażilika u ħadd ma jsejħilha b’ dan it-titlu. L-istess l-għar tal-Madonna fil-knisja tad-Dumnikani tar-Rabat kif ukoll il-knisja tad-Duluri f’Ħaż Żebbuġ. Dawn huma Bażiliċi wkoll imma ftit li xejn jiġu rriferuti bit-titli li għandhom.

Ġewwa d-Djoċesi Għawdxija nsibu numru ta’ Bażiliċi. Dawn huma: San Ġorġ tar-Rabat imwaqqfa Bażilika fl-1958, Il-knisja tal-Bambina fix-Xaghra, dik ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur u l-knisja tal-Viżitazzjoni fl-Għarb ilkoll saru Bażiliċi fl-1967. Ġewwa l-Għarb ukoll insibu l-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu. Ma' dawn inżidu wkoll il-kappella tal-Madonna tal-Patroċinju li nsibu fir-raħal tal-Għasri li hija wkoll Bażilika. 

Xi tfisser Bażilika
Xi jfisser li knisja tkun Bażilika? Huma titli ta’ rispett lejn lok reliġjuż li jkun jixraqlu ċerta stima minħabba l-popolarità tiegħu. Kieku jkollna nikkomparaw il-knejjes mal-bnedmin inkunu nistgħu ngħidu li jeżistu titli differenti lill-persuni differenti. Lit-tabib insejħulu Dott, lin-nutar ngħajtulu Manifk, lill-avukat nindirizzawh b’Sinjur, lill-bennejn ngħidulu Mgħallem, imma lkoll huma bnedmin li twieldu bla ħwejjeġ u lkoll sejrin jintemmu fl-istess post, iżda minħabba n-natura tax-xogħol li jagħmlu nagħtuhom titli differenti.

L-għan tal-Knisja (bil-K kbira) Universali huwa x-xandir tal-kelma ta’ Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Dan isir permezz tas-sagramenti. Issa sagrament jista’ jsir fil-Vatikan, f’Bażilika, fi knisja Arċipretali, fi knisja ċkejkna jew f’kappella mitlufa f’nofs ir-raba’, xorta waħda huwa l-istess sagrament. Is-sustanza tas-sagrament ma tinbidilx skont il-post li fih jiġi amministrat. Il-post huwa aċċidentali u jista’ jinbidel, imma s-sustanza ma tinbidel qatt u għalhekk jekk wieħed jirċievi sagrament f’Bażilika huwa l-istess daqs li kieku jirċievih f’ kappella ċkejkna qalb l-għelieqi.

Allura b’dan l-argument ikun hawn min jistaqsi: għalfejn jingħataw dawn it-titli? Ma rridux ninsew li ċerti knejjes għandhom storja kbira, oħrajn fihom xi devozzjoni partikolari u għalhekk iżuruhom bosta nies. Bħala rikonoxximent jistgħu jingħataw titlu bħal ta’ Bażilika, li jingħata mill-Papa.

Il-Knisja tal-Mosta għandha storja twila u l-qagħda ġeografika tagħha tiġbed lejha bosta nies, l-aktar turisti. Kienet il-knisja li serviet lid-dinjitarji li fl-1913 ġew Malta għall-Kungress Ewkaristiku. Hija l-knisja li fit-tieni gwerra dinjija daqet l-azzar tal-għadu iżda baqgħet wieqfa u soda. Hija knisja li fiha ċerta devozzjoni u għalhekk sejra tingħata din id-dinjità. Taħsbux li t-triq hija faċli jew qasira, le le, hija twila aktar milli wieħed jaħseb.

Ħa ngħidilkom kurżità dwar din il-Bażilika ġdida! Fil-pjanti oriġinali tar-Rotunda, wieħed mill-kwadri fuq artal laterali huwa ta' San Ġorġ Martri. U mhux bil-fors ladarba l-perit tagħha kien iġib ismu, Giorgio Grognet de Vassé!

Jekk hemm min jaħseb li l-għoti tat-titlu ta’ Bażilika hija xi ħaġa li ma għadiex tingħata ikun sejjer żball. Xi knejjes ta’ ċerta importanza jiġu iddikkjarati Bażiliċi tista’ tgħid mill-bidu tal-eżistenza tagħhom. Dawk kollha li xi darba marru Lourdes jafu li hemmhekk hemm il-Bażilika ta’ San Piju X, knisja taħt l-art mibnija bil-konkos li ma fiha l-ebda opri artistiċi, imma minħabba l-importanza tagħha ingħatat it-titlu ta’ Bażilika.

Mil-lum fid-djoċesi tagħna ser ikollna Bażilika ġdida mal-għadd li diġà jeżistu. Jalla ma tkunx tal-aħħar!

Fr Reno Muscat





Nessun commento:

Posta un commento