Visualizzazione post con etichetta rumani. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta rumani. Mostra tutti i post

venerdì 18 novembre 2022

Sinċerità


Jiena żgur li kulħadd jaf xi tfisser il-kelma “Sinċerità” jew li tkun sinċier fil-ħajja. Madanakollu kultant donnu aktar ma tkun sinċier fid-din ja aktar tinduna bin-nuqqas ta’ sinċerità li teżisti madwarek. Is-sinċerità hija l-karatteristika ta’ min jgħid id-dritt, ta’ min hu leali, ta’ min hu ġenwin, ta’ min hu onest u llum ngħidu wkoll li s-sinċerità hija karatteristika ta’ dak li huwa skjett jiġifieri ma joqgħodx idur mal-lewża u l-abjad jgħidlu abjar u l-iswed jgħidlu iswed minkejja li jista’ jidher ikrah ma’ bosta nies, għax is-sinċerità hekk titlob. Min hu sinċier jippreferi jbati billi jgħid jew iwettaq is-sewwa  milli jgawdi għax jgħawweġ u jħawwad. Ma ninsewx li l-kuntrarju ta’ sinċerità hija falsità u kultant nistgħu nsejħulha wkoll ipokrezija.

Oriġini tal-kelma

Il-kelma “Sinċerità” u kliem derivat minnha bħal sinċier jew sinċiera ġejjin minn żewġ kelmiet Latini: Sine Cera. Dawn iż-żewġ kelmiet ifissru “mingħajr xema’.” Nistħajjilkom tistaqsuni x’għandhom x’jaqsmu dawn il-kliem mas-sinċerità. Ngħidilkom għax hemm storja ħelwa. Mela fi żmien ir-Rumani kien hemm dawk li jaħdmu l-bombli tal-fuħħar. Xi wħud kienu jiksu l-qiegħ tal-bomblu bix-xema’ biex dan jekk ikun xi ftit imxaqqaq jew mhux maħdum kif suppost ma jqattarx l-ilma jew l-inbid li jitpoġġa fih. Biss wara ftit żmien din il-lega ta’ xema’ kienet tispiċċa u għalhekk il-bomblu kien ikollu jintrema għax jibda jqattar u ma jkun jiswa għal xejn. Għalhekk dawk il-fuħħarin tal-affari tagħhom li l-bombli tagħhom ma kienx ikun fihom xema’ minn ġewwa kienu jnaqqxu l-kliem “Sine Cera” fuq il-prodott tagħhom. Minn hawn ħarġet il-kelma “Sinċier” – dak li qed tara tieħu bla ebda brikkunati ta’ xejn!

Fil-ħajja

Martin Luther King darba qal: “Biex tagħmel l-għedewwa ma hemmx bżonn tiddikkjara gwerra, biżżejjed tgħid dak li tabilħaqq taħseb.” Kemm hi frażi li fiha x’taħseb! Meta tkun sinċier ma tistax tigdeb, ma tistax tqarraq u għalhekk għandu mnejn ikun hawn min joffendi ruħu bil-kliem li tkun għidt. Il-verità u l-onestà għandhom prezz għoli u xejn inqas is-sinċerità. Wara kollox dawn it-tliet nomi huma qrib xulxin ħafna fit-tifsira tagħhom.

Biss kemm fadal sinċerità fid-dinja? Forsi lanqas aħna stess ma nintebħu bin-nuqqas tagħha. Ħa nġib  eżempju żgħar. Jekk nixtri żarbun, flok jew xi ħaġa oħra li suppost hi tad-ditta imma nixtriha bi kwart tal-prezz li suppost tiswa jekk tkun oriġinali, dak li qed iħħajjarni nixtrieha mhux sinċier għax jaf li dik hija xi ħaġa falza imma lanqas jien ma nkun qed nimxi bis-sinċerità. Nilbes dak l-oġġett taparsi tad-ditta imma fil-fond ta’ qalbi naf li hu falz. Anke jekk kulħadd jaħseb li dak l-oġġett huwa oriġinali, xorta waħda jiena nkun naf li dak falz u nista’ nidħaq b’kulħadd imma bija nifsi ma nista’ nidħaq qatt. Ma naħsibx li nkun qed nesegera jekk ngħid li jekk nagħmel hekk inkun qed nonqos mis-sinċerità lejja nnifsi.



Bejn tnejn min-nies

Fil-ħbiberija s-sinċerità hija fundamentali. Ma jistax ikollok ħbieb li ma jkunux sinċieri għax f’dak il-każ ma jkunu ħbieb xejn. L-istess ngħidu għall-kollegi tax-xogħol. Ix-xogħol jiġi tajjeb meta fi grupp ta’ ħaddiema jkun hemm is-sinċerità. Sfortunatament spiss nisimgħu stejjer ta’ ħaddiema fejn xi ħadd, forsi biex jingħoġob mas-sinjur, ma jkunx sinċier u jipprova joskura lil xi ħadd mill-kollegi tiegħu. U xi ngħidu għaż-żwieġ? Biex żwieġ jirnexxi jrid ikun mibni fuq l-imħabba u s-sinċerità. Jonqos wieħed minn dawn l-elementi u jisfaxxa ż-żwieġ.  Mela nistgħu ngħidu li s-sinċerità ġġib l-għaqda filwaqt li l-falsità tbejjet il-firda – dejjem u kullimkien.

Biss attenti

Is-sinċerità hija tajba imma wieħed kultant jista’ jużaha b’mod ħażin. Li tkun sinċier huwa virtù u li tkun giddieb hu difett, imma meta din is-sinċerità tintuża biex tweġġa’ jew tkisser lil ħaddieħor tista’ tagħmel ħsara daqs il-gideb. Nagħmlu mod li jien ngħid kemm jien tajjeb, kemm nifhem, kemm naf u nkun quddiem bniedem li bilkemm jaf jikteb u jaqra ismu, minkejja li jien inkun qed ngħid id-dritt, inkun sinċier fi kliemi, lil dak li qed jisma’ nkun qed inkissru. Ġibt eżempju fuqi stess ħalli ma nsemmi lil ħadd u lil xejn biss taħsbux li verament jien tajjeb, nifhem u naf! Ġibt eżempju biss fuqi, issa tgħidux li jien mhux sinċier!

Kemm hi ħaġa sabiħa u tajba kieku kull bniedem ikun sinċier, ikun bħal dak il-bomblu ta’ żmien ir-Rumani li kif tarah tieħdu, bla ebda brikkunati bla ebda qerq. Imma jkollna nammettu li fid-dinja jeżistu l-ideali ta’ ħajja imma ħajja ideali ma teżistix.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Novembru 2022




sabato 12 marzo 2022

It-tislib

 

L-ewwel parti

Issa li bdejna l-jiem tar-Randan bi ħsiebni li nikteb xi artiklu relatati ma’ dan iż-żmien. Bħalma jaf kull min isegwi l-artikli tiegħi, jien ma niktibx artiklu reliġjużi imma nikteb artikli ta’ tagħrif ġenerali dwar diversi suġġetti u meta dawn ikunu relatati mal-fidi, dejjem ikunu ta’ tagħrif li jista’ jinteressa wkoll lil min ma jħaddanx il-fidi Nisranija. Wara kollox x’hemm isbaħ milli tkun taf anke drawwiet jew informazzjoni dwar xi ħaġa jew entità anke jekk ma tkunx tappartjeni għaliha? L-għerf b’hekk jinbena billi dak li jkun jaqra dwar kollox.  Illum sejjer nibda nwasslilkom xi tagħrif dwar it-tislib.

Ir-Rumani u l-Lhud

Kultant tqum kontoversja jekk lil Kristu qatluhx il-Lhud jew inkella kienux ir-Rumani li temmewlu ħajtu. Mhux faċli li tasal għal tweġiba għaliex wara kollox iż-żewġ naħat kellhom sehem fil-kundanna u fl-esekuzzjoni tas-sentenza li kienet mogħtija lil Ġesù.

Tajjeb li ngħidu mill-ewwel li d-drawwa li tingħata s-sentenza tat-tislib lill-ikkundannati kienet drawwa Rumana. Il-Lhud ma kellhomx din id-drawwa imma s-sentenza tal-mewt Lhudija kienet ġeneralment tkun bit-tħaġġir. Biex nieħdu eżempju, tajjeb insemmu l-mewt ta’ San Stiefnu li kien ikkundanant għall-mewt mil-Lhud minħabba t-twemmin tiegħu. Dan kien ġie mħaġġar sakemm miet. Xi drabi l-Lhud, sabiex l-għajb tal-ħati kien jidher aktar, wara li kienu jħaġġru lill-ikkundannat u dan imut, kienu jdendluh ma’ lasta jew salib. Biss dan ma jfissirx li kienu jsallbu lill-ħati.

Għall-kuntrarju, id-drawwa tat-tislib kienet tinsab mifruxa fl-Imperu Ruman. Dawn kienu wirtu din id-drawwa makabra minn ġnus eqdem minnhom bħalma kienu l-Eġizzjani, il-Persjani, il-Feniċi, il-Kartaġiniżi u l-Griegi li kollha kellhom din id-drawwa. Meta l-Palestina ġiet maħkuma mir-Rumani din il- kastig beda jkun esegwit f’dan il-post ukoll. Dan kien ikun il-kastig tal-agħar nies u tal-ħallelin, biss din is-sentenza ma kienet tista’ qatt tingħata lil xi ċittadin Ruman.

Kif għidtilkom, mhux il-ħsieb tiegħi li f’dan l-artiklu nidħol fid-dettall dwar il-kundanna u l-mewt ta’ Kristu għaliex dan wieħed jista’ jsibu fl-Evanġelji, imma hawn sejrin naraw kif aktarx kienu l-aħħar sigħat ta’ Kristu biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar x’qed ngħidu.

Forma

Il-forma tas-salib li fuqu miet Kristu kien għal kollox differenti mis-slaleb li naraw fil-knejjes tagħna. L-ebda skultura jew interzjar u wisq inqas lostru ma kien fih is-salib ta’ Kristu jew is-slaleb l-oħra li kienu jmutu fuqhom l-ikkundannati l-oħra. Nafu li kienu jintużaw erba’ forom ta’ slaleb. Kien hemm slaleb b’zokk wieħed wieqaf, kien hemm ukoll slaleb b’żewġt izkuk marbutin f’forma ta’ X. Kien hemm slaleb forma tal-ittra T u kien hemm dawk li bħalhom naraw fil-knejjes.

L-ewel forma ta’ salib, jekk wieħed jista’ jsejjaħlu salib, kien jitwaħħal tajjeb mal-art u wara l-ikkundannat kien jiġi mdendel miegħu billi jew jintrabat jew jissammar. It-tieni sura ta’ salib aħna nsejħulu salib ta’ Sant’ Andrija għax fuq wieħed hekk miet dan l-Appostlu. It-tielet salib kien jikkonsistu f’zokk orizzontali mwaħħal fuq ieħor vertikali u l-aħħar forma kien bħat-tielet wieħed bid-differenza li z-zokk orizzontali ma kienx ikun fuq nett taz-zokk l-ieħor imma f’għoli ta’ madwar żewġ terzi taz-zokk il-wieqaf. Dan it-tip ta’ salib ġieli kien jitwaħħal rasu l-isfel, bħalma kien dak li fuqu miet San Pietru. Tajjeb ngħidu li ġieli rajna xi pitturi li juru lil Kristu msallab fuq salib forma ta’ Y, iżda din hija biss immaġinazzjoni tal-artisti.

Il-proċess tal-kundanna

Il-bidu tat-tmiem tal-ikkundannat għat-tislib kien isir fil-bitħa tal-palazz tal-gvernatur Ruman. Hawn il-ħati kien jintrabat ma’ kolonna u jkun iflaġġellat mis-suldati. Dan kien isir b’vireg tar-ram jew b’ċineg tal-ġilda li magħhom kien ikollhom marbut għadam jew ċomb. Xi drabi l-ikkundannta kien imut hawn. Dawk li kienu jibqgħu ħajjin kienu jġorru s-salib tagħhom stess. Dawn kienu jġorru l-parti l-minduda biss u mhux is-salib kollu. Il-post fejn kien issir it-tislib kien ikun dejjem barra l-belt. Dwar Kristu nafu li dan ġarr is-salib tiegħu jew il-parti l-minduda tas-salib, sal-għolja tal-kalvarju. Dan il-post kien qrib il-palazz ta’ Pilatu. Illum dan il-post jinsab ġewwa l-belt ta’ Ġerusalemm, imma nafu fiċ-ċert li fi żmien Kristu dan kien barra s-swar tal-belt għaliex għal-Lhud il-ġisem ta’ mejjet huwa xi ħaġa mniġġsa u għalhekk kien ħaġa mhux permessa fil-belt.

Fuq biċċa għuda kienu jiktbu l-kundanna ta’ dak li jkun u din kienet titwaħħal mas-salib. Din il-ħaġa saret ukoll lil Kristu. Din kienet miktuba bi tliet lingwi; bil-Lhudi, l-ilsien nazzjonali tal-post, bil-Grieg li dak iż-żmien kien meqjus bħala lsien internazzjnonali, biex ngħidu hekk bħall-Ingliż tal-lum u bil-latin li kien l-ilsien mhux biss tal-ħakkiema imma wkoll l-ilsien tal-qorti.

Illum nieqfu hawn, biss il-ġimgħa d-dieħla nkomplu b’aktar tagħrif marbut mal-kundanna tat-tislib.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Marzu 2022



giovedì 16 dicembre 2021

INBID SĦUN

 

Minkejja li pajjiżna ma huwiex xi wieħed minn dawk li t-temperatura fih tinżel taħt iz-zero u tkun kesħa xxoqq il-għadam, xorta waħda xitwa Maltija taf tkun xi ftit jew wisq kiefra. Il-Maltin ta’ dari kienu jilqgħu għal dawk il-ftit jiem li tabilħaqq tkun kesħa qalila billi jlestu ikliet aktar sħan. Xarba popolari mal-Maltin fil-jien kesħin kienet l-imbuljuta, qastan mgħolli bil-kokotina u xi ingredjetni oħra li kultant kienu jkunu sigrieti biex l-imbuljuta ta’ dak li jkun ikollha togħma unika. Illum li s-safar sar parti minn ħajjitna u permezz tal-internet sirna parti minn dinja li iktar tista’ tissejjaħ raħal milli pjaneta, bdejna nadottaw drawwiet li qabel jew ftit li xejn konna nafu bihom jew li ma konna nafu xejn dwarhom. Fost dawn id-drawwiet, fi żmien il-kesħa, li aktarx nassoċċjawha ma’ żmien il-Milied, bdejna nixorbu l-inbid sħun, jew kif inhu aktar magħruf, il-Mulled wine.

Fi Praga

Is-suq tal-Milied fi Praga
Ngħid għalija l-ewwel darba li smajt bil-mulled wine kien ġewwa l-belt Kapitali tar-Repubblika Ċeka – Praga. Kont żort din il-belt xi ftit ġimgħat qabel il-Milied u fil-pjazza ewlenija ta’ din il-belt kien hemm armat suq tal-Milied, suq li għadu jintrama kull sena, għajr f’dawn is-snin tal-pandemija. Hemmhekk niftakar bdejt inxomm riħa tfuħ li ma kontx naf x’inhi. Hija ħaġa normali li meta tkun f’pajjiż barrani tiltaqa’ ma’ ikel u xorb li qatt ma tkun doqtu jew smajt bih. Bdejt nara n-nies jixtru tazzi bix-xorb u għalhekk tħajjar nixtri tazza minnu jien ukoll. Dak iż-żmien l-internet kien għadu bogħod wisq minn ħajti u mill-ħajja ta’ dawk kollha tampari jew akbar minni.  Qiegħed insemmi ż-żmien li t-tielet millenju kien għad jonqsu ftit biex jibda u għalhekk biex tfittex fuq xi pajjiż li tkun ser iżżur kien ikollok tikkuntenta bl-enċiklopedija u bil-katalgi li kienu joħorġu l-agenziji tal-ivjaġġar. Dawn minkejja li kienu jagħtuk ħjiel, xorta kien ikun limitat it-tagħrif li jwasslu. Allura ngħid għalija qatt ma kont smajt bil-mulled wine. Doqtu u ngħid id-dritt għoġobni mill-ewwel u qabel ħallejt dak is-suq tal-Milied erġajt ħadt tazza oħra minnu. Tassew kien inaqqas il-kesħa! Is-silġ ta’ taħt riġlejja bdejt nistħajlu tajjar artab – għax għandi l-impressjoni li l-inbid sħun jitla’ għar-ras aktar malajr milli meta jkun kiesaħ. Fis-snin ta’ wara, mort fejn mort, u żort liema suq tal-Milied żort, dejjem sibt minn dan l-inbid sħun u dejjem doqtu!

Storja

L-inbid imsaħħan għandu wkoll l-istorja tiegħu. L-inbid imsaħħan u miżjud il-ħwawar kien jintuża f'Ruma matul it-tieni seklu. Ir-Rumani vvjaġġaw madwar l-Ewropa, rebħu u ħakmu ħafna minnha u fejn ma ħakkmux kienu jinnegozjaw mal-poplu ta’ dak il-pajjiż. Il-leġjuni tas-suldai ħadu magħhom l-inbid u t-tkabbir tad-dwieli sax-xtut tax-xmajjar Rhine u Danubju u sal-fruntiera Skoċċiża. Ħadu wkoll ir-riċetti tagħhom fosthom tal-inbid imsaħħan fil-jiem kesħin. Bosta mijiet ta’ snin wara, sewwasew fl-1390 fl-Ingilterra kien ippubblikat ktieb tar-riċetti bl-isem: “The Forme of Cury” u fih kien hemm imniżżla ir-riċetta tal-mulled wine. Dan il-ktieb jgħidlek biex mal-inbid iżżid il-kannella, il-ġinġer, nocemoskata, bżar, imsiemer tal-qronfol u għadd ta’ ħwarar oħra. L-inbid għandu jkun aħmar u minbarra dawn l-ingredjenti jiżdied ukoll iz-zokkor. Is-sabiħa hi li dan il-ktieb ma jagħtix kwantitajiet allura kulħadd kien jitfa’ hu skont il-gosti tiegħu. Skont ktieb tar-riċetti ieħor li ħareġ fl-Ingilterra fl-1961 bl-isem: “Mrs Beeton's Book of Household Management” insibu miktub li mhux faċli wieħed jagħti eżatt il-porzjonijiet tal-ingredjenti għax kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu. Illum insibu verżjonijiet anke mhux alkoħoliċi ta’ mulled wine.

Varjazzjonijiet

L-inbid imsaħħan insibuh f’bosta pajjiżi u minbarra r-riċetta jinbidel ukoll l-isem. Il-Glühwein huwa popolari fil-Ġermanja, l-Awstrija u fir-reġjun Franċiż tal-Alsazja. Fis-swieq tal-Milied li jintramaw fl-Alsazja wieħed isib jixtri biss minn dan l-inbid bħala xorb alkoħoliku. L-ebda xorb alkoħoliku ieħor ma jidħol f’dawn is-swieq. F’pajjiżi nordiċi, bħall-Finlandja, l-Estonja, id-Danimarka u l-Isvezja jisserva dak li jissejjaħ  gløgg jew glögi filwaqt li fil-Balkani nsibu l-kuhano vino. Interessanti li fl-Italja jissejjaħ vin brulé, isem bil-Franċiż li jfisser inbid maħruq filwaqt li fi Franza jsejħulu vin chaud: inbid sħun. Nistgħu nibqgħu nsemmu, imma l-għan tagħna mhux l-isem imma l-prodott. Sa issa semmejt biss pajjiżi Ewropej, biss dan ix-xorb huwa wkoll popolari fl-Amerika Latina.

Ingredjenti

L-ingredjent prinċipali f’din ix-xarba huwa l-inbid. Wieħed jista’ juża kemm inbid abjad kif ukoll aħmar, imma l-aħmar huwa preferut. Bħala ħwawar ma jistgħux jonqsu l-kannella, li tagħti togħma partikolari lil kull riċetta li tidħol fiha u l-imsiemer tal-qronfol. Imbagħad kulħadd jista’ jżid il-ħwawar preferuti tiegħu bħal ħlewwa jew star aniseed. Flieli tal-laring u xi ftit meraq tiegħu jkomplu jtejbuh filwaqt li hawn min iżidu flieli tal-lumi wkoll, gosti! Hu x’inhu illum l-inbid imsaħħan sab ukoll postu f’pajjiżna u kull ma jmur dejjem qed isir popoalri l-aktar fil-jiem li resqin, il-jiem tal-festi tal-Milied.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Diċembru 2021

venerdì 29 ottobre 2021

Ċensiment

Bħalissa f’pajjiżna għaddej l-eżerċizzju li jissejjaħ “ċensiment”. Lill-abitanti ta’ kull dar Maltija ser isirulhom għadd ta’ mistoqsijiet. Bid-differenza ta’ ċensimenti oħrajn, din id-darba wieħed jista’ jwieġeb il-mistoqsijiet online u b’hekk ma joqgħodx jistenna lil dik il-persuna taċ-ċensiment tiġi d-dar u fl-istess waqt jitnaqqas l-inkonvenjent kif ukoll l-ispejjeż.

Fis-sens l-aktar ċar u komuni, ċensiment jindika li tinkiseb informazzjoni dwar in-numru ta’ abitanti u dwar karatteristiċi differenti tal-popolazzjoni bħal, pereżempju, in-numru ta’ nies għal kull familja jew dwar assi jew ġid ieħor li għandhom kull wieħed minnhom. Din is-sena ċ-ċensiment ta’ Malta fost oħrajn qed jistaqsi wkoll dwar l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna u f’liema reliġjon jappartjeni.


Frak ta’ storja

It-terminu “ċensiment” ġej mil-Latin censere u jfisser li tevalwa. L-ewwel informazzjoni dwar stħarriġ tal-popolazzjoni tmur lura għal madwar is-sena 3800 qabel Kristu meta s-Sumeri wettqu investigazzjonijiet kbar biex ikunu jafu sewwa n-numru ta’ rġiel u l-ġid li kienu jippossedu. L-informazzjoni miksuba kienet utli b’mod speċjali f’każ ta’ gwerra jew ġuħ. Nafu dwar ċensimenti mwettqa miċ-ċiviltajiet tal-Mesopotamja, mill-Eġizzjani, kif ukoll mill-Griegi, iċ-Ċiniżi u l-poplu Lhudi.

Minkejja li l-Bibbja ma hijiex ktieb ta’ storja, xorta waħda titfa’ dawl fuq il-ħajja ta’ dawk li għexu eluf ta’ snin ilu. Insibu li Mosè kien għamel ċensiment. Sewwasew fil-bidu tal-Ktieb tan-Numri nsibu hekk: “Għoddu l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael skont il-familji u d-djar ta’ missirijietkom, u għoddu l-irġiel kollha, wieħed wieħed, b’isimhom, minn għoxrin sena ’l fuq, ’il dawk kollha fost Iżrael tajbin għall-gwerra. Tgħodduhom qatgħa qatgħa, int u Aron.” [Num:1: 2-3] Ċensimenti oħra li nsibu fit-Testment il-Qadim huma dawk imwettqa waqt li l-Lhud kienu jinsabu fuq il-pjanuri ta’ Mowab: “Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Elgħażar, bin Aron il-qassis, u qalilhom: “Għoddu l-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael minn għoxrin sena 'l fuq skont id-djar ta’ missirijiethom; għoddu lil dawk kollha tajbin għall-gwerra f'Iżrael.” [Num:26: 1-2]. Is-Sultan David ukoll għamel ċensiment li nsibuh imniżżel kemm fit-tieni ktieb ta’ Samwel kif ukoll fl-ewwel ktieb tal-Kronaki: “U s-sultan qal lil Ġowab u 'l-kmandanti tal-eżerċtu li kienu miegħu: <Morru duru mat-tribujiet kollha ta’ Iżrael, minn Dan sa Birsaba, u għoddu l-poplu, biex jien inkun naf l-għadd tal-poplu.>” [2Sam:24:2] L-istess għamel Salamun bin is-Sultan David: “U Salamun għadd l-irġiel kollha barranin li kien hemm jgħixu f’Iżrael, skont iċ-ċensiment li kien għamel missieru David, u sab li kienu mija u tlieta u ħamsin elf u sitt mitt wieħed.” [2Kron:2:16]

Żmien ir-Rumani

F’Ruma tal-qedem, iċ-ċensimenti kienu jsiru sa mill-aħħar tas-sitt seklu qabel Kristu u minbarra l-għarfien tal-kobor tal-popolazzjoni taħt l-Imperu kienu jservu wkoll biex jevalwaw il-klassi soċjali li jappartjenu għaliha n-nies, ir-rwol fl-organizzazzjoni militari jew politika u ovvjament l-ammont ta’ taxxi li kellhom jinġabru.

Hawn ser nerġgħu nsemmu l-Bibbja. L-Evanġelju jsemmu li Marija li kienet għarusa ta’ Ġużeppi l-Mastrudaxxa, marret Betlem biex tinkiteb hemm minħabba ċ-ċensiment: “F'dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta' Nazaret, u tala' l-Lhudija, fil-belt ta' David jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u l-familja ta' David - biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.” [Lq:2: 1- 5]

Dan kien wieħed biss miċ-ċensimenti li saru mill-Imperu Ruman. Iċ-ċensiment kien sar prattika regolari ta’ kull għadd ta’ snin.

Żmienna

Ejjew  inħallu żmien ir-Rumani u naraw ftit żminijietna. L-akbar ċensiment li qatt sar fid-dinja kien dak li seħħ fiċ-Ċina fis-sena 1982. Dan kien it-tielet ċensiment li kien sar fuq skala daqstant kbira f’dak il-pajjiż imma kien ukoll l-aktar wieħed organizzat sewwa. Ngħidu biss li kien hemm aktar minn sitt miljun persuna tiġbor l-informazzjoni. Wara dan saru oħrajn fis-snin 2000 u fl-2010.

Il-Ġnus Magħquda tħeġġeġ li kull nazzjon għandu jwettaq eżerċizzju ta’ ċensiment darba kull għaxar snin. Pajjiżna bejn wieħed u ieħor jimxi ma’ din il-prassi. Pajjiżna ilu snin twal jagħmel ċensimenti. Nafu li fl-1240 kien sar wieħed għax Abate Giliberto jsemmi li f’Malta u Għawdex kien hawn madwar elf u mitt familja. Fi żmien li l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kien imexxi lil pajjiżna, saru għadd ta’ ċensimenti. Il-mekkaniżmu ta’ ċensiment modern beda jitħaddem f’pajjiżna fl-1842. Dik is-sena kien sar ċensiment li ħareġ iċ-ċifra ta’ 114,499 ruħ li jgħixu Malta u Għawdex. Minn dik is-sena baqgħu jsiru regolari bejn wieħed u ieħor kull għaxar snin ħlief fis-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija. L-aħħar ċensiment li sar f’pajjiżna kien fl-2011 li kien ta n-numru ta’ 417,432 persuna li jgħixu fil-gzżejjer Maltin

Illum erġajna wasalna għal dan l-eżerċizzju. Nistennew u naraw kemm tibdil sar minn għaxar snin ilu ’l hawn.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Ottubru 2021