Bħalissa f’pajjiżna għaddej l-eżerċizzju li jissejjaħ “ċensiment”. Lill-abitanti ta’ kull dar Maltija ser isirulhom għadd ta’ mistoqsijiet. Bid-differenza ta’ ċensimenti oħrajn, din id-darba wieħed jista’ jwieġeb il-mistoqsijiet online u b’hekk ma joqgħodx jistenna lil dik il-persuna taċ-ċensiment tiġi d-dar u fl-istess waqt jitnaqqas l-inkonvenjent kif ukoll l-ispejjeż.
Fis-sens l-aktar ċar u komuni, ċensiment jindika li tinkiseb informazzjoni dwar in-numru ta’ abitanti u dwar karatteristiċi differenti tal-popolazzjoni bħal, pereżempju, in-numru ta’ nies għal kull familja jew dwar assi jew ġid ieħor li għandhom kull wieħed minnhom. Din is-sena ċ-ċensiment ta’ Malta fost oħrajn qed jistaqsi wkoll dwar l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna u f’liema reliġjon jappartjeni.
Frak ta’
storja
It-terminu
“ċensiment” ġej mil-Latin censere u jfisser li tevalwa. L-ewwel
informazzjoni dwar stħarriġ tal-popolazzjoni tmur lura għal madwar is-sena 3800
qabel Kristu meta s-Sumeri wettqu investigazzjonijiet kbar biex ikunu jafu
sewwa n-numru ta’ rġiel u l-ġid li kienu jippossedu. L-informazzjoni miksuba
kienet utli b’mod speċjali f’każ ta’ gwerra jew ġuħ. Nafu dwar ċensimenti
mwettqa miċ-ċiviltajiet tal-Mesopotamja, mill-Eġizzjani, kif ukoll mill-Griegi,
iċ-Ċiniżi u l-poplu Lhudi.
Minkejja li
l-Bibbja ma hijiex ktieb ta’ storja, xorta waħda titfa’ dawl fuq il-ħajja ta’
dawk li għexu eluf ta’ snin ilu. Insibu li Mosè kien għamel ċensiment. Sewwasew
fil-bidu tal-Ktieb tan-Numri nsibu hekk: “Għoddu l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael
skont il-familji u d-djar ta’ missirijietkom, u għoddu l-irġiel kollha, wieħed
wieħed, b’isimhom, minn għoxrin sena ’l fuq, ’il dawk kollha fost Iżrael tajbin
għall-gwerra. Tgħodduhom qatgħa qatgħa, int u Aron.” [Num:1: 2-3] Ċensimenti
oħra li nsibu fit-Testment il-Qadim huma dawk imwettqa waqt li l-Lhud kienu jinsabu
fuq il-pjanuri ta’ Mowab: “Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Elgħażar, bin Aron
il-qassis, u qalilhom: “Għoddu l-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael minn għoxrin
sena 'l fuq skont id-djar ta’ missirijiethom; għoddu lil dawk kollha tajbin
għall-gwerra f'Iżrael.” [Num:26: 1-2]. Is-Sultan David ukoll għamel ċensiment
li nsibuh imniżżel kemm fit-tieni ktieb ta’ Samwel kif ukoll fl-ewwel ktieb
tal-Kronaki: “U s-sultan qal lil Ġowab u 'l-kmandanti tal-eżerċtu li kienu
miegħu: <Morru duru mat-tribujiet kollha ta’ Iżrael, minn Dan sa Birsaba, u
għoddu l-poplu, biex jien inkun naf l-għadd tal-poplu.>” [2Sam:24:2]
L-istess għamel Salamun bin is-Sultan David: “U Salamun għadd l-irġiel kollha
barranin li kien hemm jgħixu f’Iżrael, skont iċ-ċensiment li kien għamel
missieru David, u sab li kienu mija u tlieta u ħamsin elf u sitt mitt wieħed.” [2Kron:2:16]
Żmien
ir-Rumani
F’Ruma tal-qedem,
iċ-ċensimenti kienu jsiru sa mill-aħħar tas-sitt seklu qabel Kristu u minbarra
l-għarfien tal-kobor tal-popolazzjoni taħt l-Imperu kienu jservu wkoll biex
jevalwaw il-klassi soċjali li jappartjenu għaliha n-nies, ir-rwol
fl-organizzazzjoni militari jew politika u ovvjament l-ammont ta’ taxxi li
kellhom jinġabru.
Hawn ser nerġgħu
nsemmu l-Bibbja. L-Evanġelju jsemmu li Marija li kienet għarusa ta’ Ġużeppi
l-Mastrudaxxa, marret Betlem biex tinkiteb hemm minħabba ċ-ċensiment: “F'dik
il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan
kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd
mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. Ġużeppi wkoll mar
mill-Galilija, mill-belt ta' Nazaret, u tala' l-Lhudija, fil-belt ta' David
jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u l-familja ta' David - biex jinkiteb
flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.” [Lq:2: 1- 5]
Dan kien wieħed
biss miċ-ċensimenti li saru mill-Imperu Ruman. Iċ-ċensiment kien sar prattika
regolari ta’ kull għadd ta’ snin.
Żmienna
Ejjew inħallu żmien ir-Rumani u naraw ftit
żminijietna. L-akbar ċensiment li qatt sar fid-dinja kien dak li seħħ fiċ-Ċina
fis-sena 1982. Dan kien it-tielet ċensiment li kien sar fuq skala daqstant
kbira f’dak il-pajjiż imma kien ukoll l-aktar wieħed organizzat sewwa. Ngħidu
biss li kien hemm aktar minn sitt miljun persuna tiġbor l-informazzjoni. Wara
dan saru oħrajn fis-snin 2000 u fl-2010.
Il-Ġnus Magħquda
tħeġġeġ li kull nazzjon għandu jwettaq eżerċizzju ta’ ċensiment darba kull
għaxar snin. Pajjiżna bejn wieħed u ieħor jimxi ma’ din il-prassi. Pajjiżna ilu
snin twal jagħmel ċensimenti. Nafu li fl-1240 kien sar wieħed għax Abate
Giliberto jsemmi li f’Malta u Għawdex kien hawn madwar elf u mitt familja. Fi
żmien li l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kien imexxi lil pajjiżna, saru
għadd ta’ ċensimenti. Il-mekkaniżmu ta’ ċensiment modern beda jitħaddem
f’pajjiżna fl-1842. Dik is-sena kien sar ċensiment li ħareġ iċ-ċifra ta’ 114,499
ruħ li jgħixu Malta u Għawdex. Minn dik is-sena baqgħu jsiru regolari bejn
wieħed u ieħor kull għaxar snin ħlief fis-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija.
L-aħħar ċensiment li sar f’pajjiżna kien fl-2011 li kien ta n-numru ta’ 417,432
persuna li jgħixu fil-gzżejjer Maltin
Illum erġajna
wasalna għal dan l-eżerċizzju. Nistennew u naraw kemm tibdil sar minn għaxar
snin ilu ’l hawn.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Ottubru 2021
Nessun commento:
Posta un commento