sabato 6 novembre 2021

Fix-xahar tal-erwieħ


Novembru huwa x-xahar li l-Knisja Kattolika tiddedikah lill-erwieħ, lil dawk li mietu qabilna. L-ewwel jum tax-xahar ikun iddedikat lill-qaddisin kollha, u biex wieħed ikun qaddis irid ikun temm il-vjaġġ tiegħu fuq din l-art, u t-tieni jum ikun marbut mal-mejtin, mal-erwieħ li għalqu għajnejhom darba għal dejjem. Biss ix-xahar kollu huwa marbut ma’ dawk li ġew imsejħa mill-Mulej u għalhekk iċ-ċimiterji jkunu aktar frekwentati. 

Biża’

Il-biża’ mill-mewt u milll-mejtin hija universali b’hekk insibuha f’ħafna mill-kulturi u fin-nies madwar id-dinja. Xi wħud jemmnu li l-mejjet għandu l-abbiltà li jintervjeni fil-ħajja tal-ħajjin biex jirranġa jew ipatti għad-dnubiet imwettqa meta kien ħaj jew biex tgħinu jeħles mill-Purgatorju billi jitolbu għalih. Il-Knisja ppruvat tħeġġeġ dan id-drawwa billi waqqfet ġurnata speċifika biex tagħmel dan, sewwasew fit-2 ta’ Novembru, l-hekk imsejjaħ Għid tal-Imwiet.

Il-lewn assoċjat mal-mewt minn dejjem kien l-iswed. Dan il-kulur huwa l-oppost tal-abjad li jfisser dawl li jġib il-ferħ. Il-Konċilju Vatikan II li sar fis-snin sittin tas-seklu li għadda, ħeġġeġ li fil-liturġija tal-funerali jibda jintuża l-lewn vjola li wkoll ifisser sogħba, niket u penitenza. Fil-fatt il-vjola huwa l-lewn liturġiku li jintuża fl-Avvent u fir-Randan, żmien li ma mhuwiex ta’ ferħ.

Imma għaliex din il-biża’ tal-bniedem mill-mewt?

Il-fatt li ħaġa ma tkun taf xejn dwarha normalment tbeżżgħek. Tifel jew tifla fl-ewwel jum tal-iskola ħafna drabi jibku għax ikunu ser jinfirdu minn dawk li jgħixu magħhom u jħossuhom żguri fil-kumpanija tagħhom. Fl-iskola ma jkunux jafu x’ser isibu, ma’ min ser jiltaqgħu, kif ser tkun il-ġurnata u għalhekk jinbet il-biża’. L-istess il-mewt. Ħafna drabi dak li jkun mhux jibża’ mill-mejjet imma jibża’ mill-fatt li hu wkoll xi darba jrid ikun bħal dik il-persuna li tkun ħelset minn dan il-wied ta’ dmugħ. Tassew ironija din li nsejħu l-ħajja wied ta’ dmugħ imbagħad ħadd ma jixtieq jitlaq minnu minkejja li ngħidu li huwa wied ta’ dmugħ!

Funerali

Ladarba qed insemmu dan ix-xahar u l-erwieħ, tajjeb insemmu xi ħaġa dwar il-funerali minkejja li dawn ma jsirux biss f’Novembru imma maul is-sena kollha. Tajjeb inżommu f’rasna li funeral huwa biss tislima xierqa li min “ġabar l-għodda” u mar jistrieħ. Allura dan ma għandux ikun spettaklu imma ritwal reliġjuż. Ġieli min ikun qed jorganizza funeral ta’ xi ħadd għażiż għalih, bix-xewqa li jagħti l-aqwa tislima aħħarija lil dak li jkun, jinsa dan u għalhekk nispiċċaw b’funerali li aktar tista’ ssejħilhom spettaklu milli tislima ta’ waqt ta’ niket.

Ġieli jkun hemm funerali li fihom fuq iz-zuntier tal-knisja tindaqq xi diska jew innu li l-mejjet jew mejta kienu jħobbu. Imma dak li hemm fit-tebut ser jisma’ d-diska? Nisperaw li jkun diġà qed jisma’ l-kori tal-anġli! Rajna aktar minn hekk u ma nixtieqx nikkummenta għax ma rridx li xi ħadd jieħu fastidu bil-kitba tiegħi.

Drawwa li kienet inqatgħet għal kollox kienet il-ġarr tat-tebut bil-karru miġbud miż-żwiemel. Għal bosta snin dawn il-karrijiet inqatgħu għal kollox imma minn xi snin ilu reġgħu ngħataw permess jintużaw. Imma llum, fis-sena 2021, kemm hu prattiku li tuża ż-żwiemel għal funeral? Ladarba hemm il-karozzi x’sens fiha li terġa’ taqla l-karru tal-mejtin miġbud miż-żiemel u tużah? Jekk dak li jkun jifhem li funeral huwa att liturġiku, żgur li ma jgħaddix minn moħħu l-ħsieb tal-karru funebri miġbud miż-żwiemel.

Ironija

Ippermettuli nsejjaħ ironija drawwa li nsibu f’pajjiżna. Biex ngħid id-dritt ma nafx hux pajjiżna biss, imma ejjew ngħidu li hija drawwa Maltija. Minkejja l-biża’ kollha mill-mewt u mill-mejtin, għad li ma nieħdux gost nitkellmu fuq suġġett bħal dan li jista’ jkun ukoll makabru, fix-xahar ta’ Novembru nsibu ħelu msejjaħ “Għadam tal-mejtin!” Naħseb ilkoll nafu għal liema ħelu qed nirreferi, dawk il-pasti qishom figolli, forma ta’ għadam miksijin b’ġelu abjad. Ikolli ngħid li għad li l-mewt tbeżża’, dan il-ħelu jħobbuh il-maġġoranza tal-Maltin.

Ironija oħra li nara hija meta xi individwi waqt li jmorru jżuru l-oqbra tal-għeżież tagħhom, jinsew li jkunu qegħdin f’post sagru, post fuq kollox komuni li fih ma tkunx waħdek. Għalhekk jistona diskors b’vuċi għolja jew għajat. Meta tmur iċ-ċimiterju baxxi s-sound!

Illum fettilli nikteb xi ħaġa li żgur li ma hijiex sabiħa jew ferriħija, imma hija realtà li lkoll kemm aħna, irridu jew ma rridux, illum jew għada rridu ngħaddu minnha. Huwa għalhekk li Novembru jfakkarna fl-erwieħ għax xi darba aħna wkoll irridu nsibu rwieħna hemm, ma’ qrabatna, ħbiebna u oħrajn li temmew il-mixja tagħhom fuq din l-art qabilna.

Fr Reno Muscat

Dan  l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Novembru 2021



Nessun commento:

Posta un commento