Wara bosta xhur imsakkrin fi gżiritna minħabba l-pandemija li ħakmet
lid-dinja aktar minn għoxrin xahar ilu, issa bdejna nippruvaw nerġgħu lura
għan-normal – insomma il-kelma ġġib hekk “normal” għax għadna ’l bogħod ħafna
biex inkunu nistgħu ngħidu li għadda kollox u l-imxija tal-Covid 19 tkun ħaġa
tal-imgħoddi. Biex nippruvaw naqbdu r-rutina ta’ qabel erġajna bdejna nippjanaw
xi safra.
Farka storja
L-ewwel abitanti ta’ Istanbul imorru lura għat-tieni millenju qabel Kristu.
Dawn kienu joqgħodu fuq in-naħa Asjatika tal-belt. L-ewwel isem tagħha ġej mir-Re
Byzas li għall-ħabta ts-seklu sebgħa qabel Kristu kien waqqaf hemmhekk kolonja
bl-isem ta’ Biżanzju (Byzantium). Fis-sitt seklu qabel Kristu l-Persjani ħakmu
l-belt u wara Alessandru l-Kbir ħadha f’idejh fis-seklu erbgħa qabel Kristu. Għal
żewġ sekli sħaħ f’Biżanzju rrennja s-sliem. Fis-sena 193 wara Kristu l-Imperatur
Ruman Septimus Severu rebaħ il-belt u baqgħet taħt il-ħakma Rumana sas-seklu erbgħa
meta l-imperatur Kostantinu l-Kbir għamel Biżanzju l-kapitali tal-Imperu Ruman
kollu u taha ismu: Kostantinopli. Wara l-ħames seklu l-Imperu Ruman tal-Lvant
kien beda jissejjaħ Biżantin. Il-belt inbniet fuq seba’ għoljiet, sewwasew bħal
Ruma. L-Imperaturi Biżantini sebbħu u għanew lil din il-belt b’kull xorta ta’ teżori.
Kien hemm żmien ta’ sliem u żmien ta’ nkwiet. Fil-fatt fis-sena 532 din il-belt
ġiet meqruda imma nbniet mill-ġdid.
L-istorja ta’ din il-belt minn dak iż-żmien kienet waħda mqallba sewwa. Bejn
assedji mill-Għarab, ġlied u kruċjati tellfu bosta minn dak li darba kienet tippossedi
Kostantinopli. It-Torok Ottomani mmexxija mis-Sultan Mehmet II rebħu
Kostantinopli fl-1453. Il-belt ġiet imsemmija mill-ġdid, din id-darba Islambol
u saret il-belt kapitali tal-Imperu Ottoman. Bejn is-sekli 15 u s-16, is-Slaten
Ottomani bnew ħafna moskeji u bini pubbliku, u għal darb oħra l-popolazzjoni
tal-belt laħqet madwar nofs miljun ruħ. Sa
nofs l-1500, Istanbul kienet ċentru kulturali, politiku u kummerċjali ewlieni
tal-Imperu kollu. Il-ħakma Ottomana damet sal-Ewwel Gwerra Dinjija meta
Istanbul kienet okkupata mit-truppi tal-alleati. Wara snin ta' taqbid, twieldet
ir-Repubblika tat-Turkija fl-1923 u l-kapitali ma baqgħetx Istanbul imma Ankara.
Santa Sofija
Ma tistax titkellem dwar Istanbul u ma ssemmix l-aktar bini famuż li nsibu
f’din il-belt. Bosta minna nsejħulha Santa Sofija imma aktar magħrufha bħala Hagia
Sophia li wara kollox għandha l-istess tifsira – L-Għerf Qaddis. L-ewwel knisja
mibnija fil-post kienet magħrufa bħala Magna Eclesia – il-knisja l-kbira
u kienet mibnija mill-Imperatur Kostantinu. Mibnija mill-ġdid bejn is-snin 532
u 537 bħala l-katidral patrijarkali tal-kapitali imperjali ta’ Kostantinopli.
Din kienet l-akbar knisja Kristjana tal-Imperu Ruman tal-Lvant jew aħjar l-Imperu
Biżantin kif ukoll tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant. Fl-1453, wara l-waqgħa ta’
Kostantinopli f’idejn l-Imperu Ottoman, din il-knisja nbidlet f’moskea.
Fl-1935, taħt id-direzzjoni ta’ Mustafa Kemal Atatürk, ir-Repubblika sekulari
tat-Turkija bdiet tużaha bħala mużew. Fl-2020, taħt id-direzzjoni ta’ Recep
Tayyip Erdoğan, reġgħet infetħet bħala moskea.
X’tara
Wieħed jista’ jmur dawra b’lanċa max-xatt ta’ din il-belt. Filgħaxija dan
il-vjaġġ ikun isbaħ għax tidher il-belt mixgħulha. Wieħed jista’ jieħu dawra
fuq lanċa li fuqha jkollha l-ikel u l-ispettaklu. Hawn wieħed ikun jista’ jara
żfin Tork fosthom minn xi belly dancer. Wieħed jista’ jżur il-Grand Bazaar fejn
isib jixtri minn kollox. Attenti għax ladarba tidħol f’dan is-suq faċli ħafna
tintilef fih, mhux biss tintilef tixtri imma ma ssibx minn fejn tkun dħalt.
Wieħed jista’ wkoll iżur suq ieħor, is-suq tal-ħwawar. Hemm ukoll bosta moskeji
li wieħed jista’ jżur kif ukoll knejjes sbieħ li mhux ta’ min ma jittawwalx
naqra fihom.
Ma dan kollu hemm il-kċina Torka li hija tajba ħafna. Illum f’Istanbul
issib tiekol minn kollox imma dnub tkun hemmhekk u ma tiekolx ikel Tork.
Il-kebab huwa l-aktar ikel Tork magħruf magħna imma dan mhux biss. Hemm ikel
ieħor li tabilħaqq jinżillek għasel.
Naħseb issa ndunajtu għalfejn dan l-artiklu semmejtu Istanbul- belt f’dinja
differenti għax tabilħaqq hija hekk.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Novembru 2021
Nessun commento:
Posta un commento