Minkejja li llum
il-ġurnata, il-ferrovija ma għadniex insibuha f’Malta, ilkoll kemm aħna nafu x’inhi
u nemmen li ħafna minna rikbu fuq xi waħda minnhom xi darba f’ħajjithom,
ovvjament meta kienu barra minn pajjiżna. Niftakar li l-ewwel ferrovija li
rkibt f’ħajti kienet minn Gonova fl-Italja sa Marsilja fi Franza. Vjaġġ ta’
tmien sigħat. Illum dan il-vjaġġ jista’ jsir f’nofs dak il-ħin kollu għax
it-tekonolġija tjiebet.
Il-ferrovija hija
wieħed mill-aktar mezzi ta’ trasport użat f’pajjiżi kbar. Sa inqas minn seklu
ilu, anke Malta kellha dan is-servizz, li llum ta’ min jerġa’ jaħseb
bis-serjetà biex jerġa’ jibda joffri alternattiva għall-karozza privata.
Ftit storja
Il-kunċett
tal-ferrovija ma twelidx bir-rivoluzzjoni industrijali. Fis-sekli ta’ qabel, anzi
nistgħu ngħidu sa mill-era Rumana, fil-minjieri kienu jintużaw mezzi primittivi
simili għall-ferroviji: kienu karrijiet qosra magħmula minn karrijiet iżgħar
marbutin bil-katina, mingħajr binarji jew bi gwidi tal-injam. Dawn kienu jkunu
miġbuda minn annimali jew kultant minn skjavi u ħaddiema.
Mal-bidu
tar-rivoluzzjoni industrijali, bejn it-tmintax u d-dsatax-il seklu, it-teknoloġiji
bdiet tagħtina l-ġenerazzjoni tal-enerġija. Il-magni tal-istim li jmexxu lilhom
infushom, li ħoloq Nicolas Cugnot għall-ħabta tas-sena 1769 urew li kien
possibbli li tiġi ġġenerata l-enerġija meħtieġa għall-moviment ta’ vettura b’mod
awtonomu, jiġifieri vettura tkun tista’ tipproduċi biżżejjed enerġija biex
tmexxi lilha nnifisha mingħajr ħtieġa li jkun hemm bhejjem, skjavi jew ħaddiema
jiġbduha.
It-teknoloġija
baqgħet miexja ’l quddiem u s-servizz tal-ferrovija gawda bis-sħih. Illum
spiċċaw il-magni tal-ferroviji li jaħdmu bil-faħam, minkejja li għad fadal fejn
il-ferroviji jaħdmu bid-diesel. L-enerġija elettrika wasslet biex illum għandna
ferroviji li jaslu sa veloċità ta’ tliet mija u ħamsin kilometru fis-siegħa.
Il-vapur
tal-art
Għal xi snin
pajjiżna wkoll kellu l-ferrovija tiegħu. Missirijietna, jew aħjar il-bużnanniet
tagħna, kienu jsejħulha “il-vapur tal-art.”
L-ewwel ħsibijiet għall-kostruzzjoni ta’ linja ferrovjarja li tgħaqqad
il-Belt Valletta mal-kapitali antika tal-gżira, l-Imdina, jmorru lura sas-sena 1870. Dan il-proġett kien
jagħmilha possibbli li l-vjaġġ bejn iż-żewġt ibliet jitnaqqas mit-tliet sigħat
li wieħed jieħu jekk ikollu jimxiha għal madwar nofs siegħa. Is-servizz
tal-vapur tal-art f’pajjiżna beda nhar it-28 ta’ Frar tas-sena 1883. Meta tqis
iċ-ċokon ta’ pajjiżna tara li ma domniex wisq wara l-Istati Uniti biex kellna
dan is-servizz.
Is-servizz
ferrovjarju f’Malta ra t-tmiem tiegħu nhar il-31 ta’ Marzu, 1931.
Tal-bieraħ u
ta’ għada
Minkejja li
l-ferrovija ntemmen minn pajjiżna disgħin sena ilu, għadna nistgħu naraw xi
tifkiriet tagħha. L-istazzjonijet għadhom weqfin minkejja li biddlu l-rwol
tagħhom. Insibu wkoll kotba kif ukoll mużew li jesebixxi bosta ħwejjeġ marbutin
mal-ferrovija f’Malta.
Illum disgħin
sena wara hawn min jiġih f’moħħu li jerġa’ jara t-tren f’Malta? Personalment
nemmen li din tista’ tkun soluzzjoni għat-traffiku eseġerat li sar għandna
f’Malta. Qed tissemma’ l-metrò –
jalla jsir xi ħaġa! Jekk ikollna servizz ta’ ferrovija metropolitana, li taħdem
b’mod effiċjenti, li jekk dak li jkun jista’ jserraħ rasu li ser jasal
fejn għadnu jasal fil-ħin u bla dewmien
żejjed, tista’ tkun soluzzjoni. Ikollna nammettu li s-servizz tal-karozzi
tal-linja f’Malta tilef kull kredilbilità; la taf fi x’ħin ser tirkeb u inqas u
inqas meta ser tasal fid-destinazzjoni tiegħek. Nemmen li ferrovija f’Malta
tista’ tkun ta’ ġid.
Kemm ikun komdu
kieku mill-Belt Valletta nasal il-Mellieħa f’madwar għoxrin minuta!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Novembru 2021
Nessun commento:
Posta un commento