Visualizzazione post con etichetta purcissjoni. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta purcissjoni. Mostra tutti i post

venerdì 6 marzo 2020

Beda r-Randan


Ta’ kull sena il-perjodu ta’ qabel il-festi tal-Għid il-Kbir ikun wieħed intensiv ħafna. Mhux qiegħed nirreferi għal-lat reliġjuż ta’ dan iż-żmien tas-sena iżda mil-lat organizzattiv ta’ ħafna ħidmiet u attivitajiet li jsiru fir-Randan ġewwa pajjiżna.

Tħejjijiet
F’pajjiżna llum il-ġurnata fil-Ġimgħa Mqaddsa sirna naraw bosta wirjiet marbutin mal-passjoni ta’ Kristu. Sa nofs seklu ilu dawn kienu rari imma llum sirt issibhom mifruxin ma’ Malta kollha. Bosta minn dawn il-wirjiet ikun fihom xogħol verament ta’ livell għoli. Wieħed iżur xi wirja minn dawn u jitlaq wara ftit minuti iżda l-preparamenti għaliha ikunu ilhom għaddejja bosta xhur. Dawn it-tħejjijiet ikunu jinvolvu bosta persuni u bosta snajja: mastrudaxxi, electricians, ħajjata, ħaddieda u min jaf kemm-il sengħa oħra tidħol bla ma forsi nintebħu meta nżuru dal-wirjiet. Dawn il-wirjiet jiġġeneraw ukoll xi ftit xogħol indirett bħal stampar ta’ posters jew libretti. Ħafna minn dawn il-wirjiet jibdew jiġu mħejjijin f’xi maħżen. Dawn l-imħażen huma tassew imħażen ta’ talenti għax meta wieħed jara l-prodott finali li ħafna drabi jkun frott il-ħidma volontarja, jara mhux xogħol ta’ dilettanti imma ta’ professjonisti fil-passatemp tagħhom. Huwa għalhekk xieraq li nżuru dawn il-wirjiet u ngħinu kif nistgħu.


Ħoss
Tħejjija oħra li tibda f’dawn il-jiem hija l-prattika tad-daqq tal-marċi funebri fil-każini tal-banda. Il-marċi funebri ma jindaqqux daqs kemm jindaqqu l-marċi hekk imsejħin volanti allura żmien ir-Randan huwa ż-żmien li jerġgħu jibdew jiġu pprattikati mill-bandisti. La qed insemmu l-baned ma nistgħux inħallu barra id-diversi kunċerti u programmi ta’ mużika sagra u mużika oħra adattata għal dawn iż-żminijiet li bdew isiru mis-soċjetajiet mużikali dawn l-aħħar ftit għexieren ta’ snin. Ħalli ngħid kollox. L-ewwel għidt li l-marċi funebri ftit li xejn jindaqqu għajr f’dawn il-jiem, biss hawn min jibda jdoqqhom mill-għada tal-Milied. Lil min hu dilettant ma tistax tlumu”

Xogħol
Kont qed nitkellem ma’ wieħed li xogħlu huwa ta’ dulċier. Dan qalli li f’dan iż-żmien jibdew jaħsbu għall-figolli u l-bajd tal-Għid. Kull staġun iġib xi naqra xogħol differenti miegħu. Hawn irrealizzjat li kull pajjiż għandu xi ħelu tipiku tal-Għid imma donnha l-bajda tal-Għid issibha kull fejn ikun iċċelebrat dan il-jum. Fi ċkuniti kienu popolari ħafna l-Karamelli tal-ħarrub iżda llum donnu ħadd ma għadu jfittixhom. Fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira mbagħad insibu l-qagħaq tal-Appostli iżda dawn ma jistgħux isiru kmieni bħall-figolli għax billi huma ħobż, iridu jkunu friski għax jekk ikunu xotti ma jkun fihom l-ebda gost. Qabel ħallejt lil dan id-dulċier bi tbissima qalli “Father intom tgħidu lin-nies biex isumu fir-Randan, u aħna nibdew naħsbu biex kif jispiċċa jpattu ta’ kemm ikunu ilhom imxennqin!” Osservazzjoni ħelwa għax kos, qabel ir-Randan nieklu ikla prinjolata u kif jispiċċa nduru għall-figolli! Tabilħaqq li bejn il-karnival u l-festa tal-Għid il-Kbir hemm il-jiem tas-sawm u astinenza, imma ma tantx hawn min jogħlob minħabba s-sawm.

Fil-knejjes
Fuq kollox dan iż-żmien huwa żmien liturġiku. Fil-ħajja ċivili u soċjali ma jinbidel xejn imma hija l-ħajja spiritwali li tgħix f’dan ż-żmien li tagħmel differenza minn żminijiet oħra matul is-sena. Għalhekk ma jistax jonqos li fil-knejjes bħalissa jkun hemm bosta preparamenti għaddejjin li forsi ftit huma dawk li jindunaw bihom. Fil-knejjes minn fejn toħroġ il-purċisjoni jibdew it-tħejijjiet għalihom. Ilbies ġdid, manutenzjoni ta’ ieħor qadim, tindif tal-aċċessorji li jintużaw fil-purċissjoni u mitt ħaġa oħra. F’bosta knejjes minn dawn hemm id-drawwa li tinħareġ vara kull ġimgħa. Forsi din hija l-aktar ħaġa li tagħti fil-għajn, biss ibqgħu fuq kliemi li dawn il-ġranet huma mimlijin xogħol għas-sagristan u dawk li jgħinuh. Aktar ma tersaq il-Ġimgħa Mqaddsa, aktar nibdew naraw dak li jkunu wettqu dawn it-talin minn wara l-kwinti. Bosta minn dak li naraw fl-aħħar ikun ilu lest jew imħejji ġimgħat sħaħ. Bir-raġun għaliex fuq kollox dawn il-jiem li qed insemmu huma festi tal-Knisja u għalhekk jixraq li jiġu ċċelebrati bl-akbar solennità.

Nagħtu sehemna
Dawk kollha li jorganizzaw xi wirja, dawk kollha li huma involuti f’xi għaqda tal-mużika kif ukoll ħafna minn dawk li jagħtu sehemhom fl-armar tal-knisja jagħmlu dan bħala delizju. Għalhekk tajjeb li napprezzaw l-isforzi kollha li jsiru minnhom. L-akbar apprezzament li nistgħu nagħtu huwa li nattendu għall-attivitajiet li jkunu organizzati minnhom, Il-wirjiet ikunu miftuħin għal madwar ġimgħa jew aktar, il-programmi mużikali jsiru aktarx f’ Ħadd il-Palm jew f’xi jum matul il-Ġimgħa Mqaddsa u ċ-ċelebrazzjonijniet liturġiċi jilħqu l-qofol tagħhom bejn Ħadd il-Palm u Ħadd il-Għid. Tajjeb li nsibu ħin nattendu għal dawn l-attivitajiet li wara kollox huma maħsubin għall-publiku kollu. Tassew li ma tistax tmur tara kull wirja, ma tistax tmur tisma’ kull kunċert mużikali li jsir imma tajjeb wieħed imur jara u jisma’ dak li jista’.  Dan huwa l-akbar sehem li nistgħu nagħtu aħna bħala pubbliku.

Jonqos ftit biex dak li qed jitħejja joħroġ għad-dawl! Ejjew napprezaw il-ħafna sforsi u sagrifiċċi li bosta dilettanti jagħmlu bħalissa biex joffrulna t-talenti tagħhom fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Fr Reno Muscat


giovedì 8 febbraio 2018

Sant’ Agata

Hekk kif jintemm ix-xahar ta’ Jannar bosta Maltin saru jfittxu li jitilgħu sa Catania fi Sqallija għall-festa ta’ Sant’ Agata, fejn issirlha festa mill-akbar. Imma kemm hemm minna li jafu xi ħaġa dwar din il-qaddisa u l-kult tagħha?

Il-qaddisa
Sant'Agata
Agata kienet xebba minn Sqallija, sewwasew minn San Giovanni Galermo, kwartier tal-belt ta’ Catania. Jingħad li għexet fl-ewwel nofs tat-tielet seklu u ħadet il-martirju waqt it-tmexxija tal-Prokonslu Quinziano fis-sena 251 meta kienet għaddejja l-persekuzzjoni tal-Imperatur Decju.
Jingħad li l-familja ta’ Agata kienet waħda għanja li ħaddnet il-fidi ta’ Kristu u baqgħet soda fiha anke quddiem it-theddida tal-mewt. Ix-xebba Agata, ta’ inqas minn għoxrin sena ħadet il-martirju billi nqatgħalha sidirha barra.

Sena wara l-martirju bdiet id-devozzjoni lejha u minħabba l-qima kbira li kellha, il-fdalijiet tagħha kienu meħudin Kostantinopli. Fis-17 ta’ Awwissu tas-sena 1126 il-fdalijiet tagħha reġgħu ttieħdu lura f’Catania, il-belt li ratha titwieled u tieħu l-martiju.

Rabtiet ma’ Malta
It-tradizzjoni tgħid li Agata kienet ġiet Malta biex taħrab mill-ħruxija tal-peresekuzzjoni. Fil-fatt hija waħda mill-qaddisin patruni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Xbieha tagħha nsibuha minquxa fil-ġebel fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-bieb ewlieni tal-belt l-antika ta’ Malta, l-Imdina. Hemmhekk din il-qaddisa tidher ma’ San Pawl u San Publiju, Isqof ta’ Malta, li huma wkoll patruni tagħna.
Il-kappella u d-daħal tal-katakombi ta' Sant' Agata fir-Rabat
Ġewwa l-iswar tal-Imdina insibu kappella ddedikata lil din il-qaddisa.  Fir-Rabat ta’ Malta insibu żewġ kappelli li għandhom lil din il-qddisa bħala titulari tagħhom; waħda fil-katakombi li jġibu l-isem tal-qaddisa u oħra sewwasew fuq dawn l-istess katakombi. Kappella oħra ta’ Sant Agata nsibuha fl-inħawi ta’ Bubaqra lejn iż-Żurrieq.
Forsi ftit huma dawk li jafu li t-torri li nsibu hekk kif inħallu l-bajja tal-Għadira u nibdew nersqu lejn il-Marfa, dak li kulħadd isejjaħli t-Torri l-Aħmar, ismu propja huwa t-Torri ta’ Sant’ Agata.
Billi l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl jinsab mal-kappella ta’ din il-qaddisa ġewwa r-Rabat, bosta jsejħulu bl-isem ta’ Sant’ Agata. Biex ngħidu d-dritt id-dar ċentrali (mother house) tas-Soċjetà Missjunaraja ta’ San Pawl li tmexxi dan il-kulleġġ jisimha Sant’ Agata wkoll.

Dawn huma xi wud mir-rabtiet li nsibu f’pajjiżna ma’ din il-qaddisa.

F’Catania
Catania fil-festa ta' Sant' Agata
Il-festi fil-gżira ta’ Sqallija jixbħu xi ftit jew wisq lil dawk tagħna, jew forsi jkun aħjar jekk ngħidu li l-festi tagħna għandhom l-għeruq tagħhom f’dawk Sqallin. Fil-bidu ta’ Frar Catania tilbes il-libsa festiva biex tfakkar lil din bintha. Dwal, nar, fratelli, purċissjonijiet, daqq u l-kumplament. Ma’ dan kollu jingħaqdu nies mhux biss minn kull parti ta’ Sqallija kif ukoll mill-Italja imma bosta turisti minn kull parti tad-dinja. Pajjiżna mhux eċċezzjoni anzi nistgħu ngħidu li jkun hemm numru kbir ta’ Maltin għax għalina hija faċli iżjed minn ħaddieħor biex naslu Catania.

Il-festi jisvolġu bejn it-3 u l-5 ta’ Frar. Fl-ewwel jum kemm l-awtoritajiet ċivili kif ukoll iċ-ċittadini u turisti jingħaqdu f’purċissjoni għall-għotja tax-xemgħat. Il-jum jintemm bi spettaklu pirotekniku mill-isbaħ. L-għada filgħodu ssir quddiesa u wara jinħareġ il-bust tal-qaddisa li jkun ilu sena msakkar. Dan jinġarr madwar il-belt kollha; purċissjoni li tibda filgħodu u tintemm tard ħafna filgħaxija. F’jum il-festa kulħadd jattendi għall-quddiesa li ssir fil-Katidral iddedikat lill-qaddisa. Din il-quddiesa titqaddes mill-Isqfijiet Sqallin kollha u magħhom jingħaqdu numru kbir ta’ saċerdoti, sqallin kif ukoll barranin. Wara terġa’ ssir purċissjoni oħra bl-istatwa ta’ Sant Agata, mhux twila daqs dik tal-jum ta’ qabel, imma lanqas nistgħu ngħidu li tkun qasira.

Festa oħra lil Sant’ Agata terġa’ ssir f’Awwissu biex jitfakkar meta reġgħu nġiebu lura l-fdalijiet tal-qaddisa minn Kostantinopli, imma din il-festa hija waħda żgħira ħdejn dik ta’ Frar.

Għajn ta’ għajnuna
Il-festa ta’ Sant’ Agata tiġġenera bosta kummerċ fil-belt ta’ Catania. Il-lukandi tista’ tgħid ikunu mimlijin kollha. In-numru kbir ta’ turisti jew pellegrini, għidilhom li trid, iridu jieklu u għalhekk mal-lukandi jgawdu wkoll il-ħwienet tal-ikel. Imorru tajjeb ukoll il-ħwienet tas-souvenirs, ix-xufiera tat-taxi, il-bejjiegħa tal-monti u min jaf min aktar. Insomma l-festa ta’ Sant’ Agata iġġib il-ġid għan-nies ta’ Catania. Dan il-perjodu huwa meqjuż bħala “Peak season” u anke l-prezzijiet tal-lukandi u tal-biljetti tal-ajru jkunu ogħla minn dawk ta’ ġimgħat oħra matul ix-xitwa.

Żjara Catania għal Sant’ Agata żgur tibqa’ tiftakarha għax hija festa mħallta b’kollox, fidi, kultura, arti u dak kollu li jagħmel festa. Ta’ min iżurha xi darba!


Fr Reno Muscat




Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  3 ta' Frar 2018

venerdì 7 aprile 2017

Purċissjonijiet, wirjiet u aktar

Ninsabu f’ wieħed mill-aktar perjodi tas-sena li fih ikun hawn attivitajiet imxerdin madwar Malta kollha. Il-Ġimgħa Mqaddsa f’ pajjiżna hija ġimgħa li nistgħu ngħidu hija vetrina ta’ kultura, artiġjanat, arti imħalltin mal-fidi.

Purċissjonijiet
Ir-Redentur tal-Isla
Nistgħu ngħidu li f’ kull parroċċa Maltija tkun iċċelebrata il-festa devozzjonali tad-Duluri, sewwasew il-Ġimgħa qabel tibda l-Ġimgħa Mqaddsa. Matul ir-randan hemm bosta knejjes li minnhom toħroġ xi purċissjoni devozzjonali oħra, bħal dik ta’ Kristu Redentur, l-Ecce Homo jew il-Kurċifiss. Dawn għandhom forma ta’ pellegrinaġġ penitenzjali u għalihom ikun hemm attendenza kbira.

Dawk il-parroċċi li minnhom toħroġ il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira huma numerużi wkoll. Madwar Malta u Għawdex insibu mijiet ta’ statwi proċessjonali li jiffurmaw parti minn xi purċissjoni. Dawn l-istatwi jirrakkuntaw l-istorja tal-passjoni ta’ Kristu iżda jistgħu wkoll jirrakkuntaw storja ta’ poplu li sa minn żmien twil ilu ried jikber fil-kultura. Iva xi wħud mill-istatwi li naraw fil-purċissjonijiet tagħna huma tassew antiki. Dan juri kemm il-ġens Malti minn dejjem kien kolt u dejjem xtaq  li jkolli xi ħaġa artisitka, imħallta mad-devozzjoni u l-fidi. Xi wħud minn dawn l-istatwi huma wkoll kapolavuri ta’ artisti kemm barranin kif ukoll Maltin. La semmejt postijiet u lanqas se nsemmi ismijiet għax il-lista hija tant twila, biss nistgħu ngħidu li dawn l-istatwi huma tabilħaqq patrimonju. Mhux possibbli li wieħed iżur il-purċissjonijiet kollha f’ sena waħda għaliex in-numru huwa kbir wisq. Għalhekk kienet idea tajba li xi parroċċi joħorġu l-purċissjoni tagħhom f’ Ħadd il-Palm.
L'immagine può contenere: 10 persone, persone in piedi, albero e spazio all'aperto
Il-purċissjoni tat-tfal

Idea sabiħa ħafna kienet ta’ dik il-parroċċa li qed torganizza l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bit-tfal. Hawn it-tfal qed jitrawmu u jsiru jħobbu din id-drawwa sabiħa. Hawn ser nagħmel eċċezzjoni u nsemmi l-post għaliex hija unika f’ pajjiżna u għalhekk mhux ser noħloq piki jew insemmi lil xi ħadd u ninsa lil ħaddieħor. Din issir fil-parroċċa ta’ San Ġorġ f’ Ħal Qormi is-Sibt bejn id-Duluri u Ħadd il-Palm.

Mad-daqq tal-glorja f’ Sibt il-Għid, in-niket jinbidel f’ ferħ, il-qniepen jerġgħu jsemmu leħinhom u mas-sebħ il-bnadar mal-arbli fuq il-bjut ma jibqgħux jittajru mezz asta iżda jtajjru bnadar sbieħ u kbar fuqhom, imtellgħin sa fuq nett tal-arblu. Jekk in-numru ta’ purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira huwa kbir, dak tal-purċissjoni tal-Irxoxt huwa akbar, għaliex hawn parroċċi li ma joħorġux purċissjoni l-Ġimgħa imma joħorġu waħda l-Ħadd.

Wirjiet
Wirja fid-Domus ta' Bormla
Illum wieħed jista’ jżur bosta wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn il-wirjiet ivarjaw minn minjaturi ta’ statwi, għal statwi ta’ daqs ta’ bniedem għal wirjiet ta’ mwejjed tal-appostli fejn xi prodotti tal-ikel jitpoġġew b’ sengħa u arti kbira tant li taħseb li qed tara xi pittura quddiemek u mhux ftit ross, melħ, smid jew xi ċereali oħra. Dan ix-xogħol jirrikkjedi bosta ħin u fuq kollox paċenzja. Ma tridx tkun taqbiżlek iċ-ċinga biex tagħmel wirja bħal dawn.

Il-livell artisitiku ta’ wħud mill-wirjiet, kemm dawk ta’ minjaturi, kemm dawk ta’ statwi kbar kif ukoll ta’ wirjiet bil-prodotti tal-ikel ħafna drabi jkun wieħed għoli ħafna. Bosta artisti Maltin ukoll għandhom xogħolhom f’ din il-linja. Minbarra l-istatwa wieħed jista’ wkoll jammira l-aċċessorji li jmorru magħha, fanali, raġġieri, lanez u x’ naf jien. Dawn ukoll huma mera tal-ħila tal-landier Malti li f’ tant ċokon ikun kapaċi joħroġ disinn tant sabiħ.

Mill-każin tal-banda
F’ dawn il-ġranet nisimgħu bosta marċi funerbi. Il-każini tal-banda joħorġu l-partituri ta’ dawk il-marċi b’ noti solenni u kiebja. X’ sengħa fihom dawn il-marċi, x’ arti, x’ kapaċità! L-istess nistgħu ngħidu għall-kompożituri ta’ dan il-ġeneru mużikali, bosta minnhom huma Maltin bħalna. Kemm għandna kapaċitajiet aħna l-Maltin u forsi tant aħna mdorrijin bihom li lanqas nagħtu kashom.

Il-banda bil-marċi funebri għandha postha fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira iżda dan mhux kollox. Isiru programmi ta’ marċi funebri fis-swali tal-każini jew f’ xi pjazza fil-belt jew raħal. U dawn ma jsirux biss minn dawk is-soċjetajiet li jieħdu sehem f’ xi purċissjoni, isiru anke minn oħrajn.

Peagents
Iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa huwa wieħed inpenjattiv ħafna għall-attur Malti. Huma bosta d-drammi tal-passjoni li jittellgħu u kbir huwa n-numru ta’ peagents li nistgħu naraw ’l hemm u ’l hawn. Minbarra l-istorja miktuba b’ attenzjoni kbira, li wara kollox hija dejjem l-istess storja, iżda b’ kapaċità tal-awtur, issir storja ġdida kull sena, naraw il-ħila tal-attur Malti. Dawn il-peagents jew drammi huma wkoll vetrina tax-xenografi Maltin. Dawn jibnu x-xena tal-palk u jdaħħluk f’ ambjent tassew li jixraq ma’ dak li tkun qed issegwi. L-atturi jkollhom ukoll ilbies meħjut b’ akbar attenzjoni u dettall. Tiskanta kemm attività bħal din tinvolvi xogħol ħin u nies.

Purċissjonijiet, wirjiet u aktar, iva bħalissa dħalna fi żmien fejn kull fejn tħares tara xi stedina għal xi attività marbuta ma’ dan iż-żmien tas-sena. Tajjeb li nattendu bi ħġarna biex l-ewwel ħaġa nidħlu fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien qaddis u t-tieni biex inkunu ta’ kuraġġ għal dawk li jorganizzawhom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 8 ta' April 2017




venerdì 17 marzo 2017

Ġimgħa Mqaddsa b’ differenza

Issa li r-Randan qtajna biċċa minnu sewwa, tajjeb inħarsu lejn it-tmiem tiegħu, jiġifieri il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.

Il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir huma festi tant mistennija minn dawk dilettanti tal-wirjiet, statwi, purċissjonijiet u dak kollu li dawn il-jiem għeżież iġibu magħhom. Id-drawwiet li aħna l-Maltin għandna għal dawn il-jiem huma bosta u jvarjaw minn drawwiet reliġjużi, kulturali kif ukoll fejn jidħol l-ikel. F’ pajjiżna verament ikun hawn x’ tara f’ dawk il-jiem u huma bosta dawk li jistennew dawn il-festi bil-ħerqa jew biex jesebixxu dak li jkunu għamlu matul is-sena jew biex jieħdu sehem f’ xi attività li ssir għadd ta’ postijiet f’ pajjiżna.

Mod ieħor
Illum il-ġurnata s-safar sar ħaġa faċli. Ilum ma għadux dak iż-żmien li biex issiefer trid torganizza xhur twal minn qabel. Illum, grazzi għat-teknoliġija kollox sar mgħaġġel. Dan l-iżvilupp għen ukoll fil-qasam li dwaru qegħdin nitkellmu llum. Ħafna Maltin qegħdin jgħaddu l-Ġimgħa Mqaddsa f’ xi pajjiż barrani fejn jaraw il-kultura ta’ dak il-pajjiż u jieħdu sehem fil-funzjonijiet li jsiru. Dawn it-talin ikunu jistgħu jgawdu vaganza waqt il-jiem li ma jkunux xogħol u fl-istess waqt jesperjenzaw dak li jiġri f’ dawn il-jiem barra mix-xtut ta’ artna. Ejjew naraw ftit fejn wieħed jista’ jmur jekk jiddeċiedi li jqatta’ l-Ġimgħa Mqaddsa b’ differenza.

Spanja
Malaga
Art li fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira għandha bosta drawwiet li jixbħu lil tagħna hija Spanja. Biex ngħidu d-dritt aktarx li huma d-drawwiet tagħna li jixbħu lil tagħhom għax xi wħud minnhom ġabuhom magħhom minn hemm jew il-Kavallieri ta’ San Ġwann jew il-baħrin Maltin li kienu jbaħħru lejn xi port Spanjol.
Ħafna minn dawk li jkunu Spanja f’ dawn il-jiem imorru ġewwa Malaga biex isegwu l-purċissjoni famuża li ssir hemmhekk. Xejn inqas famuża u mfittxija hija l-purċissjoni li ssir ġewwa l-belt ta’ Sevilja. Ġewwa Barċellona ssir purċissjoni sabiħa oħra li bosta jmorru għaliha. Fil-kapitali Madrid ukoll issir purċissjoni għalkemm ma hijiex popolari daqs it-tlieta l-oħra li semmejna qabel.

F’ dawn il-purċissjonijiet naraw bosta elementi differenti minn dawk li aħna mdorrijin bihom aħna l-Maltin u dan huwa li jagħmel żjara lilhom daqstant interessanti.

Italja Meridjonali
Lapio
Tiskanta kemm id-drawwiet mill-Italja ta’ fuq għal dik ta’ isfel ivarjaw. Fin-Nofsinhar ta’ dan il-pajjiż hemm bosta drawwiet għall-Ġimgħa Mqaddsa. Niftakar sewwa f’ raħal fuq il-muntanji, qrib Avellino, rajt għadd ta’ statwi tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-kappillan ta’ Lapio, għax hekk jismu l-post, qalli li fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira dawn l-istatwi jinħarġu fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja u hemm issir il-Via Sagra.

Fi Sqallija hemm bosta parroċċi li jorganizzaw il-purċissjoni bid-Duluri u bi Kristu mejjet, bħal Cefalu, Augusta u Agrigento. Hawnhekk wieħed jista’ jara drawwa li forsi ħadna mingħandhom aħna l-Maltin. F’ dawn il-purċissjonijiet jieħdu sehem il-baned idoqqu l-marċi. F’ xi wħud minn dawn il-postijiet f’ Ħadd il-Għid terġa’ toħroġ purċissjoni bid-Duluri u bi Kristu Rxoxt. Dawn joħorġu minn żewġ knejjes differenti u meta l-istatwa tal-Madonna tiltaqa’ ma’ dik ta’ Kristu Rxoxt jitneħħielha l-mant iswed minn fuqha biex in-niket jinbidel f’ ferħ. Sewwa jgħidu Taljani: paesi che vai usanze che trovi, kull fejn tmur issib id-drawwiet tal-post!

Din is-sena
Billi din is-sena qegħdin niċċelebraw il-mitt sena mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima, nassumi li jkun hawn min f’ dawn il-jiem jitħajjar iżur il-Portugall. Ladarba wieħed iżur Fatima tajjeb imur ukoll Braga fil-Ġimgħa l-Kbira. Hemmhekk issir waħda mill-aktar avvenimenti reliġjużi importanti fil-Portugall, purċissjoni li għaliha jattendu bosta nies b’ devozzjoni kbira.

L-aktar popolari
Magħna l-Maltin l-aktar post popolari f’ dawn il-ġranet jibqa’ Lourdes.  Hawnhekk ma hawnx id-drawwiet li naraw Malta jew Spanja jew Sqallija. Huwa propju dan li jagħmel dan il-post speċjali fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Hemmehkk tmur biex issib lilek innifsek, issib ftit ħin għalik innifsek bogħod mid-dinja mgħaġġla li aħna mdawrin biha.

Lourdes
Ġewwa Lourdes il-funzjonijiet reliġjużi isiru bl-akbar devozzjoni. Hawnhekk nies minn kull parti tad-dinja tingħaqad flimkien biex nhar il-Ġimgħa l-Kbira tieħu sehem fil-funzjoni tat-tlieta. Wara bosta minn dawk li jkunu f’ dan ir-raħal dakinahr, jagħmlu il-Via Crucis li hemm fil-qrib. Hija esperejnza unika li trid tgħixha biex tifhem sewwa x’ inhi.

Ħadd il-Għid ġewwa Lourdes huwa wkoll sepeċjali. Il-viġilja u l-quddiesa tal-jum fil-Bażilika ta’ San Piju X hija xi ħaġa fenominali. Hemmhekk tara l-universalità tal-Knisija. Hemmhekk ma tħossokx Malti, Franċiż, Taljan, Spanjol. Hemmhekk tħossok parti minn xirka li ma tafx bi fruntieri, ma tafx b’ pajjiżi , ilsna, kontinenti jew lewn tal-ġilda. Hemmhekk kulħadd isir l-istess. Hemmhekk wieħed verament jesperjenza l-misteru tal-Għid li nkunu qed niċċelebraw. Mhux ta’ b’ xejn li Lourdes huwa post daqstant imfittex fil-Ġimgħa Mqaddsa, u hemm min mar u jerġa’ jmur. Dan huwa post ideali għax issib Tours organizzati għal dawn il-jiem bla ma dak li jkun għandu għalfejn iħabbel rasu.

Dawn huma l-aktar postijiet popolari magħna l-Maltin fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira. Jekk għadek qed itella’ u tniżżel għandekx iżżur xi post minnhom ix-xahar id-dieħel, x’ qed taħsibha?


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 18 ta' Marzu 2017




sabato 19 marzo 2016

Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tat-tfal

It-tradizzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa ġewwa r-raħal ta’ Ħal Qormi huma kbar u jmorru lura bosta snin. Ma nafux sewwa meta bdiet tkun organizzata l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, iżda nafu fi żgur li fl-1764 diġà kien hemm numru ta’ vari fil-knisja ta’ San Ġorġ li bihom kienu jsiru xi forma ta’ purċissjonijiet matul ir-Randan. Dawn il-vari kienu jissejħu “il-Misteri” għaliex kienu juru xi misteri tal-Via Sagra.  Ħal Qormi kien ukoll ir-raħal li dejjem daħħal ideat ġodda fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, bħal meta fl-1908 introduċa l-ewwel vara f’ Malta li tirrappreżenta t-tradiment ta’ Ġuda. L-istess nistgħu ngħidu għaż-żidiet li saru fis-snin 60 meta rajna xi vari għal kollox ġodda f’ pajjiżna bħalma huma l-vara tal-aħħar ċena fl-1961, Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu fl-1961 ukoll u d-depożizzjoni mis-salib fl-1965. Dan kollu juri liema ħeġġa l-poplu Qormi għandu lejn dawn il-festi.


Madwar 80 sena ilu, Ninu Azzopardi kien qabbad lill-istatwarju Qormi bħalu, Karmenu Galea, imlaqqam Il-Qamru, biex jaħdimlu sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira bħal tal-parroċċa. Is-sett kien jinkludi l-istatwi ta’ Kristu fl-Ort, it-tradiment ta’ Ġuda, Il-Marbut, l-Ecce Homo, ir-Redentur, il-Veronika, il-Vara l-kbira, il-Munument u d-Duluri, sewwasew  bħad-disa’ vari tal-parroċċa. Fl-1936 Azzopardi beda jorganizza purċissjoni għat-tfal b’ dawn il-vari. Il-purċissjoni, li kienet issir nhar l-Erbgħa tat-Tniebri, lejlet Ħamis ix-Xirka, kienet toħroġ mid-dar ta’ Azzopardi stess, fi Triq Pinto u ddur madwar it-toroq tal-inħawi, hekk imsejjaħ fejn il-Vitorja. Meta miet Ninu l-purċissjoni beda jorganizzaha ibnu Karmenu. Il-purċissjoni, li kienet tissejjaħ bħala l-purċuissjoni “tal-Bonu”, tant kienet popolari mat-tfal Qormin li kienet tkun mistennija minn sena għal sena. Għal bosta tfal din kienet tkun l-ewwel esperjenza tagħhom f’ purċissjoni u bosta minnhom kienu jkomplu f’ dan id-delizzju anke meta jikbru, ovvjament mhux aktar fil-purċissjoni “tal-Bonu” imma f’ dik tal-parroċċa. Fl-1986 saret l-aħar darba din il-purċissjoni. Karmenu Azzopardi miet u miegħu mietet ukoll din id-drawwa li tant kienet popolari mhux biss mat-tfal Qriema imma anke mal-ġenituri tagħhom. Illum dawn il-vari ma għadhomx fil-familja Azzopardi u ħarġu wkoll mill-Belt Pinto.

Din is-sena l-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi xtaq li din id-drawwa terġa tibda u għalhekk iddeċieda li jorganizza purċissjoni bis-sehem tat-tfal. Ġie avviċinat l-artist Omar Camilleri biex jinħadem sett vari bħas-sett l-antik li kien jinstab fil-parroċċa bil-qies ta’ madwar 75 centimetru. Għal din is-sena l-artist lesta żewġ vari, ir-Redentur u d-Duluri. Għal dawn il-vari nħadmu wkoll il-bradelli tagħhom, b’ mod volontarju, minn Ġorġ Debono u ibnu Silvio. Ġie wkoll meħjut vestwarju ġdid għall-parteċipanti tfal, subien u bniet kif ukoll saru bosta simboli li jinġarru fil-purċissjoni. Dawn kollha saru mill-grupp tal-helpers tas-Sagrsitan tal-parroċċa.  Bejn suldati, personaġġi bibliċi, abbatini u dawk li jġorru l-vari, il-purċissjoni se jkun fiha madwar 130 tifel u tifla. B’ hekk drawwa antika sejra terġa’ tingħata l-ħajja mill-ġdid.


Din il-purċissjoni sejra ssir nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu, 2016. Tibda ħierġa mill-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ Ħal Qormi fil-5.15pm u tgħaddi minn Triq il-Kardinal Xiberras, iddur għal Triq il-Barrakki, Triq Santa Katarina, Pjazza San Franġisk għal Triq il-Kbira u tidħol lura l-knisja għall-ħabta tas-6.45pm.

Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Leħen is-Sewwa, 13 ta' Marzu 2016 u f' In-Nazzjon 14 ta' Marzu 2016













domenica 28 febbraio 2016

X’ sens tagħmel għalija l-Ġimgħa l-Kbira?

Hawn min jgħidlek li għalih iż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira huwa l-isbaħ żmien tas-sena.  Fil-knisja nibdew naraw attività aktar mis-soltu u kollox jibda juri li ġejjin jiem differenti mill-oħrajn. Il-baned jibdew jikkunċertaw il-marċi funebri u d-dilettanti tarahom iħejju minn kmieni biex jarmaw il-wirjiet tagħhom. Bosta għaqdiet teatrali jaħsbu biex itellgħu xi dramm bit-tema tal-passjoni. Ladarba jaslu dawn il-jiem donnha ssir bidla fir-rutina tal-ħajja tagħna. Min ma jkunx twieled jew għex f’ parroċċa li fiha d-devozzjoni u t-tradizzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira forsi ma jħossx dak li nħossu aħna.


It-tradizzjonijiet tagħna huma importanti għaliex ivarjawlna ħajjitna, imma ma nistgħux nibqgħu marbutin mat-tradizzjoni biss, ma nistgħux nibqgħu superfiċjali, ma nistgħux nehdew fir-reliġjożità u nħallu barra l-fidi. Huwa għalhekk li l-Knisja toffrilna ż-żmien tar-Randan sabiex nitħejjew tajjeb għal dawn il-jiem tant għeżież. Huma jiem għeżież għaliex marbutin magħhom hemm l-istorja tal-fidwa tagħna l-bnedmin. Ma nistgħux nieqfu fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira. Irridu bilfors ngħaddu għall-jum tal-Għid il-Kbir, ma nistgħux nibqgħu naħsbu fil-mewt u ninsew il-qawmien. Ma nistgħux niffokaw biss fuq jum wieħed, il-jum tal-Ġimgħa: irridu naħsbu fuq il-Misteru tal-Għid il-Kbir mill-bidu sal-aħħar. Kristu bata u miet, imma l-istorja ma waqfetx hemm. Li kieku waqfet hemm il-passjoni ta’ Kristu kienet tkun kundanna għall-mewt ordinarja, kundanna u eżekuzzjoni bħal ħafna oħrajn. Id-differenza bejn il-kundanna tal-mewt ta’ Ġesù u kundanni oħrajn hija f’ dak li seħħ wara l-mewt. Kieku Ġesù baqa’ fil-qabar, mejjet, x’ sens fiha li niċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira? Mhux kulħadd imut? Imma għax Kristu rebaħ il-mewt għadna niċċelebraw din ir-rebħa sal-lum. Biex tassew niċċelebraw dawn il-jiem kif jixraq tajjeb li nżommu f’ moħħna li:

  • Dak li niċċelebraw fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira ma huwiex tradizzjoni bla sens imma hija l-bażi tal-fidi tagħna. San Pawl jgħidilna li kieku Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom. [1Kor:15:14] Mela dan li qegħdin niċċelebraw huwa l-pern li fuqu ddur il-fidi Nisranija.

  • Jekk niċċelebra biss b’ mod estern x’ sens ikun fihom dawn iċ-ċelebrazzjonijiet? Iċ-ċelebrazzjoni esterna għandha skop li tgħini nikber fl-ispirtu. Jekk nibqa’ nħares, nara l-vari, nara l-wirjiet, nisma’ l-marċi funebi bla ma nirrifletti u naħseb sewwa li Alla magħmul Bniedem ħa l-passjoni mhux għal xi tort jew żball li għamel hu, iżda għad-dnubiet tiegħi l-ewwel wieħed inkun qed niċċelebra ix-xejn.

  • Jekk nifred il-jum tal-Ġimgħa mill-jum tal-Ħadd f’ dawn il-jiem inkun għadni ma fhimt xejn. Ġesù bata tassew, Ġesù miet tassew imma ma waqafx hemm, Ġesù qam ukoll mill-mewt. Dan il-fatt irrid nibda ngħixu kuljum. Imma kif? Id-dnub huwa l-mewt u l-maħfra tad-dnubiet hija l-Qawmien. Mela jien nista’ wkoll inqum mill-mewt tar-ruħ li sseħħ bid-dnub.

  • Il-passjoni ta’ Kristu hija l-akbar att ta’ ħniena. Ninsabu fil-Ġublew tal-Ħniena. Ġesù seta’ jeħles mill-mewt, seta kieku ried ma jbati xejn, seta ma jmutx. Iżda għażel li jgħaddi minn dak kollu li għadda biex ikun ta’ eżempju għalina, biex jurina l-kobor tal-ħniena tiegħu. Issa Kristu jridna nimitawh. Qalilna:   Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. [Lq:6:36] Naprofittaw ruħna min dan il-Ġublew tal-Ħniena u nippruvaw ninbidlu, insiru aktar ħanina.

  • Il-misteru tal-Ġimgħa mqaddsa għandha tkun opportunità għalina lkoll biex nieħdu deċiżjoni, nagħmlu pass kuraġġuż, pass li jdaħħalna aktar fil-font fl-intimità tagħna ma’ Alla. Ma nistgħux nibqgħu biss Insara tal-isem, irridu nifhmu bis-serjetà li dak li qegħdin niċċelebraw f’ dawn il-jiem għeżież huma s-sisien tal-fidi tagħna. Irridu nifhmu li t-tridu tal-Għid joħodna mill-mewt għall-ħajja, mill-Ġimgħa l-Kbira jgħaddina għall-Għid tal-Qawmien.


Jekk nifhmu dawn il-punti u nħaddmuhom, dak kollu li nagħmlu f’ dawn il-jiem; armar, wirjiet, peagents, marċi eċċetra, jagħmel sens. Jekk le ikun ifisser li nkunu qegħdin nitilfu ġid kbir.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher fil-fuljett Is-Sliem - Parroċċa San Filep Ħaż-Żebbuġ - Marzu 2016