giovedì 8 febbraio 2018

Sant’ Agata

Hekk kif jintemm ix-xahar ta’ Jannar bosta Maltin saru jfittxu li jitilgħu sa Catania fi Sqallija għall-festa ta’ Sant’ Agata, fejn issirlha festa mill-akbar. Imma kemm hemm minna li jafu xi ħaġa dwar din il-qaddisa u l-kult tagħha?

Il-qaddisa
Sant'Agata
Agata kienet xebba minn Sqallija, sewwasew minn San Giovanni Galermo, kwartier tal-belt ta’ Catania. Jingħad li għexet fl-ewwel nofs tat-tielet seklu u ħadet il-martirju waqt it-tmexxija tal-Prokonslu Quinziano fis-sena 251 meta kienet għaddejja l-persekuzzjoni tal-Imperatur Decju.
Jingħad li l-familja ta’ Agata kienet waħda għanja li ħaddnet il-fidi ta’ Kristu u baqgħet soda fiha anke quddiem it-theddida tal-mewt. Ix-xebba Agata, ta’ inqas minn għoxrin sena ħadet il-martirju billi nqatgħalha sidirha barra.

Sena wara l-martirju bdiet id-devozzjoni lejha u minħabba l-qima kbira li kellha, il-fdalijiet tagħha kienu meħudin Kostantinopli. Fis-17 ta’ Awwissu tas-sena 1126 il-fdalijiet tagħha reġgħu ttieħdu lura f’Catania, il-belt li ratha titwieled u tieħu l-martiju.

Rabtiet ma’ Malta
It-tradizzjoni tgħid li Agata kienet ġiet Malta biex taħrab mill-ħruxija tal-peresekuzzjoni. Fil-fatt hija waħda mill-qaddisin patruni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Xbieha tagħha nsibuha minquxa fil-ġebel fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-bieb ewlieni tal-belt l-antika ta’ Malta, l-Imdina. Hemmhekk din il-qaddisa tidher ma’ San Pawl u San Publiju, Isqof ta’ Malta, li huma wkoll patruni tagħna.
Il-kappella u d-daħal tal-katakombi ta' Sant' Agata fir-Rabat
Ġewwa l-iswar tal-Imdina insibu kappella ddedikata lil din il-qaddisa.  Fir-Rabat ta’ Malta insibu żewġ kappelli li għandhom lil din il-qddisa bħala titulari tagħhom; waħda fil-katakombi li jġibu l-isem tal-qaddisa u oħra sewwasew fuq dawn l-istess katakombi. Kappella oħra ta’ Sant Agata nsibuha fl-inħawi ta’ Bubaqra lejn iż-Żurrieq.
Forsi ftit huma dawk li jafu li t-torri li nsibu hekk kif inħallu l-bajja tal-Għadira u nibdew nersqu lejn il-Marfa, dak li kulħadd isejjaħli t-Torri l-Aħmar, ismu propja huwa t-Torri ta’ Sant’ Agata.
Billi l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl jinsab mal-kappella ta’ din il-qaddisa ġewwa r-Rabat, bosta jsejħulu bl-isem ta’ Sant’ Agata. Biex ngħidu d-dritt id-dar ċentrali (mother house) tas-Soċjetà Missjunaraja ta’ San Pawl li tmexxi dan il-kulleġġ jisimha Sant’ Agata wkoll.

Dawn huma xi wud mir-rabtiet li nsibu f’pajjiżna ma’ din il-qaddisa.

F’Catania
Catania fil-festa ta' Sant' Agata
Il-festi fil-gżira ta’ Sqallija jixbħu xi ftit jew wisq lil dawk tagħna, jew forsi jkun aħjar jekk ngħidu li l-festi tagħna għandhom l-għeruq tagħhom f’dawk Sqallin. Fil-bidu ta’ Frar Catania tilbes il-libsa festiva biex tfakkar lil din bintha. Dwal, nar, fratelli, purċissjonijiet, daqq u l-kumplament. Ma’ dan kollu jingħaqdu nies mhux biss minn kull parti ta’ Sqallija kif ukoll mill-Italja imma bosta turisti minn kull parti tad-dinja. Pajjiżna mhux eċċezzjoni anzi nistgħu ngħidu li jkun hemm numru kbir ta’ Maltin għax għalina hija faċli iżjed minn ħaddieħor biex naslu Catania.

Il-festi jisvolġu bejn it-3 u l-5 ta’ Frar. Fl-ewwel jum kemm l-awtoritajiet ċivili kif ukoll iċ-ċittadini u turisti jingħaqdu f’purċissjoni għall-għotja tax-xemgħat. Il-jum jintemm bi spettaklu pirotekniku mill-isbaħ. L-għada filgħodu ssir quddiesa u wara jinħareġ il-bust tal-qaddisa li jkun ilu sena msakkar. Dan jinġarr madwar il-belt kollha; purċissjoni li tibda filgħodu u tintemm tard ħafna filgħaxija. F’jum il-festa kulħadd jattendi għall-quddiesa li ssir fil-Katidral iddedikat lill-qaddisa. Din il-quddiesa titqaddes mill-Isqfijiet Sqallin kollha u magħhom jingħaqdu numru kbir ta’ saċerdoti, sqallin kif ukoll barranin. Wara terġa’ ssir purċissjoni oħra bl-istatwa ta’ Sant Agata, mhux twila daqs dik tal-jum ta’ qabel, imma lanqas nistgħu ngħidu li tkun qasira.

Festa oħra lil Sant’ Agata terġa’ ssir f’Awwissu biex jitfakkar meta reġgħu nġiebu lura l-fdalijiet tal-qaddisa minn Kostantinopli, imma din il-festa hija waħda żgħira ħdejn dik ta’ Frar.

Għajn ta’ għajnuna
Il-festa ta’ Sant’ Agata tiġġenera bosta kummerċ fil-belt ta’ Catania. Il-lukandi tista’ tgħid ikunu mimlijin kollha. In-numru kbir ta’ turisti jew pellegrini, għidilhom li trid, iridu jieklu u għalhekk mal-lukandi jgawdu wkoll il-ħwienet tal-ikel. Imorru tajjeb ukoll il-ħwienet tas-souvenirs, ix-xufiera tat-taxi, il-bejjiegħa tal-monti u min jaf min aktar. Insomma l-festa ta’ Sant’ Agata iġġib il-ġid għan-nies ta’ Catania. Dan il-perjodu huwa meqjuż bħala “Peak season” u anke l-prezzijiet tal-lukandi u tal-biljetti tal-ajru jkunu ogħla minn dawk ta’ ġimgħat oħra matul ix-xitwa.

Żjara Catania għal Sant’ Agata żgur tibqa’ tiftakarha għax hija festa mħallta b’kollox, fidi, kultura, arti u dak kollu li jagħmel festa. Ta’ min iżurha xi darba!


Fr Reno Muscat




Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  3 ta' Frar 2018

Nessun commento:

Posta un commento