venerdì 9 febbraio 2018

Porto Salvo

Għandu mnejn li dan l-isem ma tantx huwa familjari magħna l-Maltin, biss dan ma jfissirx li ma għandux rabta ma’ pajjiżna. Il-knisja fil-Belt Valletta li kulħadd isejħilha ta’ San Duminku hija ddedikata lill-Madonna tal-Portu Salvu u San Duminku. Ġewwa l-Isla mbagħad insibu knisja oħra iddedikata lill-Madonna taħt dan it-titlu, imma hawn ukoll, din hija aktar magħrufa bħala San Filippu.

Oriġini
Id-devozzjoni lejn il-Maodnna tal-Porto Salvo nsibuha f’bosta bliet qrib il-baħar jew aħjar qrib xi port. Għalhekk f’Malta iż-żewġ knejjes li jġibu dan l-isem insibuhom fil-konfini tal-port il-Kbir. Dan it-tilu ngħata lill-Madonna mill-baħrin li kienu jbaħħru fuq xwieni tal-injam, neqsin minn kull tagħmir sofostikat li nsibu f’idejn il-baħħara tal-lum. It-tama waħdanija ta’ dawn il-baħrin għalhekk dejjem kienet f’Marija. Din id-devozzjoni daħlet sewwa u nsibuha mifruxa nistgħu ngħidu max-xatt tal-Mediterran kollu, mill-Portugall sal-Italja.

Belt ġdida – knisja ġdida
Il-knisja ta' Porto Salvo u San Duminku fil-Belt
Meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann li kienu jmexxu pajjiżna, iddeċidew li jibnu belt ġdida, ħasbu wkoll biex jagħtu bċejjeċ ta’ art biex fuqhom jinbnew il-knejjes. Fl-1569 xi patrijiet Dumnikani mill-kunvent tal-Birgu waqqfu dar f’din il-belt ġdida. Tawha l-isem tal-Madonna tal-Portu Salvu. Mad-dar kellhom daqsxejn ta’ kappella li kienet frekwentata ħafna mill-baħħara, forsi minħabba d-devozzjoni tagħhom lejn il-Madonna taħt dan it-titlu. Għalhekk il-patrijiet ħasbu li jkabbru kemm darhom kif ukoll il-knisja. Huma talbu post fejn ikunu jistgħu jibnu kunvent u knisja li tixraq għal din il-belt. L-art li fuqha dawn il-patrijiet bdew jibnu l-knisja tagħhom ingħatat mill-Gran Mastru Pietro del Monte. Intgħażel l-arkitett Malti Ġlormu Cassar biex jippjanta l-knisja. L-ewwel ġebla tal-knisja tbierket u poġġiet f’postha nhar id-19 ta’ April tas-sena 1571. Ftit xhur wara, sewwasew fit-2 ta’ Lulju tal-istess sena il-Papa Piju V, papa li għen bil-kbir għall-bini tal-Belt Valletta, ħareġ bolla li biha waqqaf lil din il-knisja bħala parroċċa.

Xi ftit inkwiet ukoll
It-twaqqif ta’ din il-parroċċa ġdida ma kienx kollu ward u zahar. Il-Kappillan ta’ Ħal Qormi, Dun Marjanu Briffa, xejn ma ħa gost li parti kbira mill-parroċċa tiegħu kienet sejra titneħħa minn taħt idejh. Ma ninsewx li sa dak iż-żmien l-Għolja Xibberras kienet tagħmel mal-parroċċa ta’ San Ġorġ. Ma ninsewx lanqas li ftit snin qabel dan li qed insemmu, il-kappillan ta’ din il-parroċċa, Dun Gianello Cilia, kien maqtul mit-Torok waqt li kien qed jassisti lis-suldati Maltin ġewwa l-Forti Sant Iermu waqt l-Assedju l-Kbir. Ħasra li eroj u martri bħal dan huwa minsi għal kollox!
Minkejja l-oppożizzjoni ta’ Dun Marjanu, il-parroċċa l-ġdida twaqqfet u baqgħet hemm. Tajjeb ngħidu li din kienet l-ewwel parroċċa u l-unika f’Malta, immexxija mill-patrijiet u baqgħet hekk għal aktar minn mitt sena. (It-tieni parroċċa afdata f’idejn ir-reliġjużi kienet dik ta’ San Pawl il-Baħar fl-1905)

Inkwiet ieħor kien jirrigwarda l-bini ta’ din il-knisja. Minħabba ħsara li kkawża terrimot din il-knisja kellha tingħalaq, tinħatt u tinbena mill-ġdid. Il-knisja infetħet mill-ġdid fl-1815. Fl-1816 din il-knisja ġiet mogħtija t-titlu ta’ bażilika minuri, l-ewwel knisja f’Malta li ngħatat dan it-titlu.

Arti
Żgur li malli wieħed iżur din il-knisja jinduna bis-sbuħija artistika tagħha. Jekk wieħed imur iżurha u jdur dawra fiha jkun jista’ jammira bosta opri ta’ artisti kbar bħalma huwa Pietru Pawl Caruana, Giuseppe Calì, Ramiro Calì, Ġużeppi Hyzler u oħrajn. Biss l-arti li fiha din il-bażilika ma hijiex biss pittura, fiha naraw opri artistiċi ta’ skultura fil-ġebla, bronz kif ukoll bosta xogħol fil-fidda. Jekk wieħed iżur il-knisja fil-jiem tal-festa li ssir lil San Duminku fil-bidu ta’ Awwissu, dan ikun jista’ japprezza bosta opri oħrajn li matul is-sena ma jkunux armati fil-knisja.
L-Isqof Portelli

Ma jistax jonqos li wieħed isemmi l-istatwa titulari ta’ San Duminku. Din l-istatwa tal-injam hemm min jgħid li bdiet tinħadem minn Melchiore Gafà imma ma laħaqx lestiha minħabba l-mewt għal għarrieda ta’ dan l-artist Malti. Din l-istatwa tissemma għall-ewwel darba fl-atti tal-kunvent tal-patrijiet Dumnikani tal-Belt fl-1687. Wieħed jintebaħ mill-ewwel li din il-bażilika hija miksija bl-irħam. Jingħad li l-ewwel parti ta’ dan l-irħam sar minn l-Isqof Awiljarju ta’ Malta, Mons Anġlu Portelli wara li kien rebaħ somma ta’ flus f’lotterija.

Tajjeb insemmu wkoll is-sett qniepen li bihom hija mogħnija din il-knisja. Dan is-sett huwa maħdum mid-ditta Taylor tal-Ingilterra u sar fis-sena 1949. Wieħed jiskanta bil-ġmiel ta’ leħen dan is-sett, l-aktar mit-toroq ta’ qrib il-knisja.

Illum tajna ħarsa ħafifa lejn waħda mill-knejjes sbieħ li bihom hija mimlija l-belt kapitali ta’ pajjiżna, il-Belt Valletta, il-Belt Kapitali Ewropeja tal-Kultura għal din is-sena. Hemm bosta oħrajn li bil-mod il-mod nippruvaw ngħidu xi ħaġa dwarhom ukoll.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Frar 2018




Nessun commento:

Posta un commento