venerdì 23 febbraio 2018

Sib il-ħin

Sib il-ħin biex taħseb, sib il-ħin biex titlob, sib il-ħin biex tidħaq għax dan huwa l-għajn tal-qawwa, huwa l-akbar qawwa fid-dinja, huwa l-mużika tar-ruħ.

Sib ħin għal-logħob, sib il-ħin biex tħobb u biex tkun maħbub, sib il-ħin biex tagħti. Dan huwa s-sigriet ta’ żgħożija eterna, huwa privileġġ mogħti mingħand Alla. Il-jum huwa qasir wisq biex inkunu egoisti.

Sib ħin biex taqra, sib ħin li tkun ħabib, sib ħin biex taħdem. Dan huwa l-qawwa tal-għerf, dan huwa t-triq tal-hena, dan huwa l-prezz tas-suċċess.

Sib ħin biex tagħmel karità għax din hija ċ-ċavetta tal-ġenna.

Din il-kitba ta’ hawn fuq ma hijiex tiegħi imma hija ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta jew kif għadna nafuha Madre Tereża. Il-kitba instabet miktuba fuq ħajt f’dar li din il-qaddisa kienet waqqfet għaż-żgħażagħ ġewwa Kalkutta l-Indja.

Ħadd ma għandu ħin
Illum sirna ngħixu fi żmien fejn kulħadd huwa mgħaġġel, ħadd ma għandu ħin għal ħadd u għal xejn. Sa mill-ewwel ftit snin ta’ ħajjet il-bniedem il-ħin sar ħaġa skarsa ħafna. L-ommijiet illum jaħdmu barra mid-dar u għalhekk ftit li xejn fadlilhom ħin għal uliedhom. Post l-omm ħaditu n-nanna, imma ma ndumux wisq ma jkollna sitwazzjoni fejn in-nanniet kollha jkunu jaħdmu wkoll. Inħolqu ċ-ċentri li jieħdu ħsieb it-tfal għaliex din il-problema teżisti digà u żgur li se tkompli tikber.

Ħalli nagħmel paretensi li fl-aħħar mill-aħħar ukoll għandha x’taqsam mal-ħin.  Qabel il-mara kienet tiżżewweġ u aktarx iva milli le kienet tibqa’ d-dar. Mara tad-dar ma jfissirx li ma taħdimx, anzi! Illum mara li tibqa’ d-dar donnha ma għandiex karriera. Personalment naħseb li x-xogħol ta’ omm u ta’ mara tad-dar huwa l-aqwa karriera. Biss mill-banda l-oħra lanqas inlum lil dawk in-nisa li baqgħu jistudjaw forsi sa tletin sena biex ġabu xi Masters u mbagħad ikollhom jabbandunaw kollox, dawk is-snin ta’ studju, ta’ eżamijiet u ta’ tertieq il-qalb. Mhux lakemm taqta’ linja f’każi bħal dawn!

Ħtija ta’ dan in-nuqqas ta’ ħin qed jiġu affettwati wkoll l-anzjani. Qabel, l-ulied kienu jieħdu ħsieb il-ġenituri xjuħ. Illum ħadd ma fadallu ħin għal ħadd u għalhekk bdew jinfetħu d-djar tal-anzjani. Qabel kien jeżisiti l-isptar San Vinċenz bejn il-Marsa u Ħal Luqa għax-xjuħ li ma jkollhomx familja, dak li kien jissejjaħ l-Ingieret u wara Ħas-Serħ. Ma’ dan l-isptar kien hawn xi djar tas-sorijiet li kienu jżommu xi xjuħ fihom. Illum djar tal-anzjani nsibu mxerdin ma’ kullimkien. Bilfors, illum ħadd ma fadallu ħin għal xejn.

Li kitbet Santa Tereża
Il-vrus li bdejna bihom jagħmlu sens illum aktar minn meta nkitbu u għoxrin sena oħra jagħmlu sens aktar mil-lum għax kull ma jmur il-ħin aktar qed isirilna rarità. Imma ħin biex taħseb titlob u tidħaq tista’ ssibu anke waqt li tkun qed tagħmel xi ħaġa oħra. Tabilħaqq li kultant trid tieqaf biex taħseb imma mhux dejjem. L-istess għat talb, tista’ toffri l-ħidma li tkun qed tagħmel bħala talba. Rigward id-daħq mhux dejjem possibbli ssieħbu ma’ attività oħra, imma tajjeb li jinstab ftit ħin għad-daħq għax hawn dwejjaq biżżejjed fid-dinja u ftit daħq ma jagħmilx ħsara anzi skont Madre Tereża dan huwa l-mużika tar-ruħ.

Il-qaddisa tkompli tgħidlina nsibu ħin għal-logħob. Il-logħob ma huwiex ħala ta’ ħin imma huwa mogħdija ta’ żmien. Ħin għal delizju jew passatemp jgħin lill-bniedem jirrikera ruħu, jerġa’ jiġi maħluq – ri kreat! Li tħobb u li tkun maħbub ukoll huma ħwejjeġ importanti. Ma hemmx sitwazzjoni aqwa milli bniedem iħobb u jħossu maħbub. Il-bniedem maħluq biex iħobb u jkun maħbub. Hemm diversi tipi ta’ mħabba. Sfortunatament illum anke l-imħabba donnha nbiddlet u saret biss tirreferi għal imħabba karnali, imma l-imħabba mhux hekk biss. L-imħabba hija l-altruiżmu, jiġifieri l-kuntrarju tal-egoiżmu. Madre Terza tgħidilna li ma għandniex naħlu l-jum fl-egoiżmu. Issemmilna wkoll il-ħbiberija li timxi id f’id mal-imħabba.

Ix-xogħol jokkupalna parti kbira tal-jum. Aħna ngħidu li x-xogħol huwa salmura tal-ġisem, bħalma l-melħ tas-salmura kien jippreseva l-ikel hekk ix-xogħol iżomm lill-ġisem attiv. L-għass huwa l-għadu tal-ġisem. Il-qaddisa ta’ Kalkutta ssemmi wkoll il-qari, ħaġa li llum naqset ħafna. Qabel konna naqraw ħafna aktar mil-lum. Rumanz kien ikun fih mijiet ta’ paġni, illum jekk trid li ktieb jinqara tiktibx aktar minn mitt paġna. Għax ma fadlilniex ħin! Fl-aħħar hija tgħidilna nsibu ħin għall-karità. Nemmen li llum l-akbar karità hija li ssib ħin għal xi ħadd, li tagħti ftit attenzjoni li min għandu bżonnha. Din tista’ tkun l-akbar karità li nistgħu nagħmlu

Sibt ħin taqra dan li ktibt jien, sib ħin għalik ukoll!


Fr Reno Muscat




Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 24 ta' Frar 2018


Nessun commento:

Posta un commento