venerdì 16 febbraio 2018

Żwiemel

L-artiklu tiegħi li deher f’dan il-ġurnal xi ftit ġimgħat ilu bl-isem “Żiemel” (27 ta’ Jannar 2018) kellu ftit reazzjonijiet mhux ħażin. Kien hemm min jew biex jiġbidli l-attenzjoni jew biex jiġbidli saqajja, staqsieni jekk hemmx qaddisin oħra minbarra San Ġorġ, San Martin u San Pawl li l-ikonografija tagħhom turihom rekbin iż-żiemel. B’din il-mistoqsija ġieni l-ħsieb li naqsam magħkom xi tagħrif dwar xi qaddisin li ġieli narawhom impittrin jew skulturati fuq iż-żiemel. Xi wħud minn dawn il-qaddisin għad li nafu dwarhom ma aħniex imdorrijin narawhom fuq dahar iż-żiemel.

Il-Madonna ta’ Milizie u San Duminku
Il-Madonna ta' Milizie
Fil-gżira ġara tagħna, Sqallija, sewwasew fir-raħal ta’ Scicli nsibu d-devozzjoni lejn dik li tissejjaħ Madonna delle Milizie. Ix-xbieha ta’ din il-Madonna tidher riekba fuq dahar ta’ żiemel, b’xabla f’idejha u taħt iż-żiemel jidhru t-Torok. Din il-qima bdiet fl-1091 meta t-Torok, bil-għan li jmiddu saqajhom fl-Ewropa, attakkaw lil Sqallija mix-xatt ta’ Donnalucata qrib Scicli. It-tradizzjoni tgħid li l-poplu ta’ Scicli talab bil-qalb l-interċessjoni tal-Madonna u din dehret liebsa ta’ gwerriera riekba żiemel. Hija ssieltet mat-Torok f’post jismu Contrada Milizie u keċċiethom lura lejn il-baħar. B’hekk Sqallija nħelset minn attakk tat-Torok. Din l-istorja nsibuha fi ktieb tal-memorji li jissejjaħ Codici Siciliani iżda ma jgħidx li l-Madonna dehret fuq żiemel iżda fuq sħaba. Hi x’inhi, illum il-Madonna ta’ Milizie dejjem tidher fuq dahar iż-żiemel u forsi din hija d-devozzjoni Marjana waħdanija li naraw il-Madonna fuq żiemel. Ta’ kull sena fl-aħħar Sibt ta’ Mejju ssir il-festa ta’ din il-Madonna ġewwa Scicli.

San Duminku ta' Augusta
Fi Sqallija wkoll insibu storja li tixbah ħafna lil din li għadna kif irrakkuntajna imma minflok il-Madonna l-protagonist huwa San Duminku ta’ Gużman. Ġewwa Augusta, fil-provinċja ta’ Siracusa jingħad li deher San Duminku fuq żiemel jiġġieled mat-torok li kienu qed jattakkaw lil Sqallija fl-24 ta’ Mejju tas-sena 1594. Tajjeb ngħidu li fl-24 ta’ Mejju tkun iffesteġġjata l-festa tat-translazzjoni ta’ San Duminku u tajjeb ngħidu wkoll li Augusta għandha lil dan il-qaddis bħala patrun. Kien f’jum il-festa ta’ dan il-qaddis li t-Torok attakkaw l-inħawi ta’ Siracusa u San Duminku deher fuq żiemel ikeċċi lit-Torok mill-ġżira. Sal-lum għadha ssir il-festa ta’ dan il-qaddis kull 24 ta’ Mejju.

San Teodoru u San Vitor
Dawn huma żewġ qaddisin li faċli nitfixkluhom jew bejniethom jew inkella ma’ San Ġorġ għaliex it-tnejn li huma spiss jidhru fuq żiemel qed joqtlu dragun. Dan ma jfissirx li dejjem narawhom fuq żiemel, ġieli naraw xbihat tagħhom bla bhima.

Toedoru ta’ Amasea kien suldat Ruman Nisrani li ftit li xejn nafu dwaru. Huwa ħa l-martirju fis-sena 306. Amasea, il-belt ta’ dan Teodoru llum tinsab fit-Turkija. Bħal bosta martri oħra ta’ dik l-epoka, insibu xi kitbiet dwar il-martijrju tiegħu imma tagħrif konkret huwa skars għal kollox. San Teodoru huwa meqjum aktar mill-Knisja Ortodossa milli minn dik Rumana. Il-festa tiegħu tkun iċċelebrata nhar is-17 ta’ Frar. Xbieha ta’ dan il-qaddis tidher fuq kolonna għolja li nsibu fi pjazza San Mark ġewwa Venezja. Dan jidher wieqaf fuq id-dragun u bosta minn dawk li jżuru Venezja jaħsbu li huwa San Ġorġ.

Munita li turi lil San Vitor ta' Marsilja
San Vitor jingħad li kien suldat Ruman ġewwa Marsilja fi Franza. Huwa caħad il-qima lill-allat foloz u ħaddan il-fidi Nisranija. Ħa l-martirju fis-sena 290 jew qrib din is-sena għaliex ma riedx jaħraq inċens quddiem l-alla Ruman Ġuno. L-Imperatur ordna li Vitor jingħata l-martirju billi jgħaddulu minn fuqu ġebla kbira imma din il-ġebla nqasmet meta messet ma’ Vitor għalhekk ħarġet l-ordni biex tinqata’ ras dan is-suldat. Ftit snin wara mewtu, ġewwa Marsilja nfetaħ monasteru li ssejjaħ għal dan il-qaddis. Dan il-monasteru nbena qrib il-qabar bil-fdalijiet ta’ dan il-qaddis u għalhekk issejjaħ għalih. Sal-lum wieħed għadu jista’ jżur l-abazija ta’ San Vitor ġewwa Marsilja. Mal-ħajt ta’ barra wieħed jista’ jara xbieha ta’ dan il-qaddis fuq iż-żiemel jissielet mad-dragun. Il-festa ta’ dan il-qaddis martri ssir fil-21 ta’ Lulju.

Hawn rajna żewġ qaddisin fuq iż-żiemel li joqtlu d-dragun. Ix-xbieha taż-żiemel turi li dawn kienu suldati. Fil-fatt anke fiż-żewġ każi li semmejna aktar il fuq, meta l-Madonna u San Duminku dehru fuq dahar iż-żiemel, dehru hekk għax kienu sejrin għall-ġlied. Id-dragun huwa xbieha tal-oppressjoni jew l-oppressur tal-fidi Nisranija. Tajjeb ngħidu li San Vitor huwa l-qaddis patrun ta’ Tallinn, il-belt kapitlai tal-Estonja. Kurjuża l-biċċa kif minn Marsilja spiċċa Tallinn, povru żiemel min jaf kif ħelbu!!!


Dawn huma biss erba’ qaddisin li x-xbieha tagħhom ġieli narawha fuq iż-żiemel. Hemm oħrajn li forsi qatt ma smajna bihom. Il quddiem naraw jekk ngħidux xi ħaġa dwarhom ukoll

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 17 ta' Frar 2018



Nessun commento:

Posta un commento