Visualizzazione post con etichetta infiorata. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta infiorata. Mostra tutti i post

venerdì 7 luglio 2017

Arti tal-meravilja

L'immagine può contenere: spazio all'apertoFtit ġimgħat ilu f’ artiklu tiegħi ktibt dwar drawwiet li aħna l-Maltin addottajna mill-Italja. F’ dak l-artiklu (3 ta’ Ġunju 2017) kont semmejt l-infiorata li ssir ġewwa Genzano, dak it-tapit  ta’ fjuri li jsir għall-festa ta’ Coprus. Dan l-aħħar kont b’ xogħol l-Italja u l-aħħar jum kelli ngħaddih Ruma. Inzerta li kien iż-żmien li ssir din l-infiorata u għalhekk approfittajt ruħi u mort inżurha. Kienet esperjenza tant sabiħa li nixtieq naqsamha magħkom.

Bil-ħsieb ta’ dan l-artiklu f’ moħħi bdejt nistaqsi kif u x’ fatta. Mort l-uffiċċju tal-kunsill lokali tal-post u sibt kull għajnuna.

Għal min ma qarax l-artiklu tat-3 ta’ Ġunju, forsi dakinhar kien imħabbat bl-Elezzjoni Ġenerali, ngħidlu biss li din hija attività li ssir ġewwa Genzano di Roma fejn isir bħal tapit tal-petali tal-fjuri ta’ kull lewn li jiksi triq sħiħa. Dan isir ta’ kull sena għall-festa ta’ Corpus Christi.

Minn xhur qabel
Ix-xogħol għal din l-infiorata jieħu fit-tul. Il-Comune jagħżel it-tema għal dik is-sena. Din is-sena t-tema kienet “Talb għall-Paċi – djalogu bejn Reliġjonijiet u Kulturi”. F’ Jannar, bosta gruppi jippreżentaw disinn biex jiġi kkunsidrat mill-kunsill. Ma hemm l-ebda forma ta’ kompetizzjoni, għalhekk ma hemmx il-pika. Meta jingħażlu d-disinni kollha li jkunu sejrin jiffurmaw dan it-tapit imlewwen, jiġi kkalkulat l-ammont ta’ fjuri li jkun hemm bżonn, jaraw kemm kuluri differenti jkunu sejrin jintużaw u x’ tip ta’ fjuri jkunu jinħtieġu. Wara dan ix-xogħol jiġu ordnati l-fjuri kollha, miljuni ta’ fjuri. Din is-sena l-fjuri kollha waslu mill-belt ta’ Napli.

L'immagine può contenere: spazio all'apertoL-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Genzano di Roma għandu aċċess għall-mini li hemm taħt l-art tul ir-raħal kollu. Dawn kienu jintużaw fil-medjuevu biex f’ każ ta’ xi attakk mill-għadu dak li jkun kien ikun jista’ jaħrab. Matul it-tieni gwerra dinjija dawn intużaw bħala kenn mill-attakki tal-għadu. Illum parti minnhom tintuża biex jinżammu l-petali tal-fjuri tal-infiorata.

F’ kamra qabel tinżel għal dawn il-mini jsir il-qtugħ tal-petali. Dawn jitpoġġew f’ tilari bil-qiegħ tax-xibka biex tgħaddi l-arja u jibqgħu friski. Hemmhekk wieħed jara mijiet ta’ tilari b’ petali ta’ kull lewn. Iz-zkuk tal-fjuri jintremew, iżda xi ftit minnhom jistgħu jintużaw jekk fid-disinn ikun hemm l-aħdar skur. L-aħdar l-ieħor isir bil-weraq tal-busbies.

Via Italo Belardi
L'immagine può contenere: spazio all'aperto
It-triq li fiha ssir din il-manifestazzjoni artistika ġġib l-isem ta’ Italo Belardi. Sa 90 sena ilu din it-triq kien jisimha Via Livia. Fis-seklu XVIII, meta bdiet issir din il-manifestazzjoni din it-triq kienet l-aktar waħda wiesa’ ġewwa r-reġjun tal-Lazio. Tajjeb ngħidu li sal-1875 din l-infiorata ma kinitx issir f’ din it-triq iżda f’ waħda qribha. Din it-triq wiesa hija t-telgħa li mill-misraħ prinċipali tar-raħal twasslek sal-knijsa ta’ Santa Maria in Cima minn fejn toħroġ il-purċissjoni ta’ Corpus.
Illum l-infiorata ta’ triq Italo Belardi f’ Genzano hija appuntament annwali iżda din ma kinitx issir kull sena. Fis-seklu XIX kien hemm żewġ waqfiet ta’ dsatax-il sena kull waħda. Fis-seklu XX bdiet tkun aktar kostanti u ma saritx f’ xi snin tal-bidu tas-seklu, fl-1932, 1934, 1935 u matul it-tieni gwerra dinjija.

Ix-xogħol tal-infiorata fit-triq jibda l-Ġimgħa filgħaxija meta l-artisti li jkunu ntgħażlu jibdew jiddisinjaw il-proġett tagħhom fl-art permezz tal-ġibs abjad. Is-sibt filgħaxija jibdew jitpoġġew il-petali f’ posthom. Dan ix-xogħol jibqa’ għaddej matul il-lejl kollu u jekk ma jkunx lest jitkompla matul il-jum tas-Sibt. Kollox ikun lest sal-Ħadd filgħodu. B’ kollox isiru tlettax-il kwadru kbar, kollha maħdumin minn petali ta’ fjuri li jiffurmaw tapit wieħed tul it-triq kollha.

Artisti
Nessun testo alternativo automatico disponibile.Minkejja li din l-infiorata ma hijiex kompetizzjoni, xorta waħda bosta artisti jaspiraw li jkollhom ix-xorti li xi darba jew oħra xi disinn minn tagħhom ikun f’ din il-manifestazzjoni artistika. Waqt li kont qed indur din l-infiorata iltqajt u tkellimt ma’ Daniele Becherelli, wieħed mill-artisti li kellu x-xogħol ta’ biċċa mit-tapit tal-fjuri taħt idejh. Hemmhekk iltaqajt ukoll mal-artista Silvia D’ Onorio li qaltli li ftit ġimgħat ilu kienet Malta fuq xogħol ta’ infiorata. Staqsejtha fejn u qaltli li kienet ir-Rabat Għawdex biex taħdem fuq tapit tal-fjuri li sar fit-telgħa taċ-Ċittadella.

Fi kwadru ieħor kienet tidher mappa tal-Italja. F’ din il-mappa, maħduma kollha minn petali u weraq tal-busbies kienet tidher Malta. Ma kellix l-okkażjoni niltaqa’ mal-artisti li wettqu dan il-kwadru imma kelli nissodisfa ruħi b’ ritratt tax-xogħol.

Arti tal-meravilja, hekk hi din l-attività. Ħassejt li kelli naqsam magħkom din l-esperjenza għaliex aħna l- Maltin inħobbu nżuru Ruma imma forsi ftit li xejn  naħsbu biex immorru nżuru l-irħula tal-periferija, dawk lin jissejħu Castelli Romani, bħal Castel Gandolfo, Frascati, Nemi, Marino, Albano Laziale u r-raħal fejn issir din l-infiorata Genzano.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 8 ta' Lulju 2017




L'immagine può contenere: una o più persone e spazio all'aperto

L'immagine può contenere: spazio all'aperto

Nessun testo alternativo automatico disponibile.

Nessun testo alternativo automatico disponibile.

Nessun testo alternativo automatico disponibile.

L'immagine può contenere: spazio all'aperto
Dawn ir-ritratti huma tal-fotografu Angelo Sabanito u qed jiġu murija hawnhekk bil-permess ġentili tiegħu. 

venerdì 2 giugno 2017

Drawwiet

Aħna l-Maltin għandna ħafna drawwiet li ma humiex wisq differenti minn dawk Taljani. Din hija ħaġa mill-aktar naturali għaliex il-qagħda ġeografika tagħna hija dik li hi u allura l-influwenza Taljana bilfors tkun kbira f’ pajjiżna. Forsi l-aktar drawwiet li ħadna mill-ġirien tagħna huma dawk marbutin mal-fidi. Bil-fors għaliex snin ilu l-kleru kollu b’ xi mod jew ieħor kien iżur l-Italja, jew bi studju jew b’ xi xogħol jew għal vakanza. Ddan kien iġib miegħu d-drawwiet u billi l-influwenza tal-Knisja fuq il-poplu kienet akbar mill-lum, id-drawwiet impurtati ġew mifruxin bla dewmien.

Issa li dħalna fix-xahar ta’ Ġunju nixtieq naqsam magħkom xi drawwiet li rajthom f’ dan ix-xahar ġewwa l-Italja li għandna mnejn ħadniehom mingħandhom.

Il-pavaljun tal-gallarija
Meta kont ngħix Napli, kont noqgħod fit-triq tal-parroċċa. It-triq kienet waħda dejqa li taqsam il-kwartier minn naħa sa oħra. Id-djar, ħafna minnhom għandhom entratura komuni, taraġ komuni u mbagħad id-djar fuq tlieta, erba’ jew ħames sulari. Illum djar bħal dawn insejħulhom flats, dari kienu jissejħu kerrejjiet. L-isem ma jibdel xejn minhom, jibqgħu dawk li huma! Issa billi l-bejt ikun maqsum bejn il-familji kollha tal-kerrejja, ma jkunx hemm post biżżejjed għall-inxir tal-ħwejjeġ, u għalhekk kulħadd jorganizza biċċtejn saratizz jew biċċtejn ħadida mal-gallarija u jorbot il-ħbula tal-inxir magħhom. Hemmhekk dak li jkun inixxef il-ħasla bla ma joqgħod jitla’ dak it-taraġ kollu. Din il-ħaġa konna u għadna nsibuha f’ xi postijiet f’ Malta wkoll.

Issa meta kien ikun hemm il-purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesù li toħroġ mill-parroċċa, il-ħwejjeġ minxurin mal-gallarija jagħmlu ikrah. Anke jekk dak li jkun ma jkollux ħwejjeġ minxura, il-ħbula xorta jibqgħu hemm. Illum l-inxir b’ dan il-mod sar kważi attrazzjoni turistika ta’ Napli. Intant għall-purċissjoni bis-sagrament il-ħbula tal-inxir jitgħattew bi tvalja jew purtiera sabiħa. Dan kien ifakkarni fil-faldrappa jew pavaljun li aħna l-Maltin inħobbu ndendlu mal-galalrijiet jew twieqi ta’ djarna meta tkun il-festa jew meta tgħaddi xi purċissjoni. Tgħid mhux minn Napli ġiet din id-drawwa?

F’ Corpus
Image result for napoli forcellaIl-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù bdiet propju wara miraklu Ewkaristiku li ġara fl-Italja, sewwasew ġewwa Bolsena, mhux wisq bogħod minn Ruma u qrib ħafna ta’ Orvieto. Din id-devozzjoni ma damitx ma nxterdet mhux mal-Italja biss iżda mad-dinja kollha. Issa fl-Italja waqt il-purċissjoni bis-sagrament in-nies kienet toħroġ il-qsari mill-btieħi tagħha u tpoġġihom fit-triq min fejn tkun ser tgħaddi l-purċissjoni. Kienet ukoll toħroġ it-twapet u tpoġġihom f’ nofs ta’ triq biex minn fuqhom jgħaddi s-saċerdot bl-Ewkaristija.
Din il-ħaġa konna narawha f’ kull purċissjoni Ewkaristika f’ pajjiżna u hemm fejn għadna narawha wkoll. Żgur li din id-drawwa waslet Malta mill-Italja.

Evoluzzjoni
It-tqegħid tal-fjuri u t-tapiti ingħaqdet fi drawwa waħda. F’ xi postijiet ġewwa l-Italja bdew isiru dawk li jissejħu l-infiorata, tapit tal-fjuri. Hemm bosta rħula li jagħmlu dan ix-xogħol sabiħ li jirrikjedi sengħa, ħin u paċenzja.

Infiorata popolari ħafna hija dik li ssir f’ Genzano, qrib Ruma. Dan l-avveniment jinvolvi lil dawk kollha li joqgħodu f’ dan il-post li jieħdu sehem fid-diversi attivitajiet li jinvolvi. Fil-jum ta’ Corpus, Via Belardi, it-triq priċipali f’ dan il-lokal, tinkesa b’ disinn jew aħjar tapit ta’ fjuri. Dan it-tapit ikun fih elfejn metru kwadri miksijin b’ madwar 350,000 fjura ta’ madwar 20 tip differenti, li jiffurmaw 13-il kwadru li juru xeni reliġjużi, li kull wieħed ikun fih 7 metri wisa’ b’ 14-il metru tul. Ix-xogħol fuq din l-infiorata jibda qabel. Grupp ta’ nies jibdew jaqilgħu l-petali tal-fjuri u jaħżnuhom fl-għerien għall-frisk. Kull kulur jinżamm għalih biex hekk ikunu jistgħu jsiru x-xeni bihom. L-aktar fjuri użati huma l-qronfol u l-ward, iżda mhux biss, kif għidtilkom hemm madwar 20 tip ta’ fjura differenti. Ladarba dan ix-xogħol ikun lest ikun jonqos l-aktar ħaġa importanti, it-tqegħid tal-petali f’ posthom. Jitħażżu d-disinni u x-xeni bil-ġibs mal-art u jibda x-xogħol artistiku. Issa billi hemm ilwien li ma jinstabux fil-fjuri, jiġu użati xi prodotti oħra bħal kafè jew ross jew xi ċereali oħrajn, imma kollox naturali.

Tistgħu timmaġinaw il-fwieħa ħelwa li jkun hemm fir-raħal meta l-infiorata tkun lesta!


Din id-drawwa ilha ssir aktar minn 200 sena u llum daħlet fil-kalendarju tal-post. Bosta Taljani, kif ukoll barranin iżuru dan il-post biex jitgħaxqu bil-ġmiel naturali tiegħu, jaraw din l-opra tal-arti u jgawdu ftit il-Castelli Romani. L-għada jitnaddaf kollox u qisu qatt ma kien xejn!

Din id-drawwa ġieli rajnieha f’ xi rħula f’ Malta wkoll u hija wkoll frott ta’ ħbiberiji ta’ xi rħula Maltin ma’ dawk Taljani. Min jaf il quddiem għadx ikollna xi infiorata famuża bħal dik ta’ Genzano?


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 3 ta' Ġunju 2017