Visualizzazione post con etichetta ħin. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta ħin. Mostra tutti i post

sabato 17 giugno 2023

Reġgħu bdew il-festi

 

Hekk kif jesqu x-xhur sajfin, f’pajjiżna nibdew naraw il-festi parrokkjali li llum saru tradizzjoni Maltija li jfittxuhom bosta turisti. Għal dawk li huma dilettanti tagħhom jgħidulek li dan huwa l-isbaħ żmien tas-sena, mill-banda l-oħra dawk li ma jħobbux il-festi jibdew jgħoddu ġurnata ġurnata sakemm jgħaddi l-istaġun tagħhom. Kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Ikollna nammettu li llum il-festi tagħna aktar saru vetrina ta’ artiġjanat milli okkażjoni ta’ turija ta’ fidi u qima. Sfortunatament issib lil dawk li għalihom il-festa hija biss marċi, briju u armar u ma jindenjawx ruħhom jersqu lejn il-knisja, li wara kollox tkun hija li torganizza l-festa għall-qaddis jew qaddisa tar-raħal, b’kollaborazzjoni ma’ bosta għaqdiet oħra bħalma huma għaqdiet tal-armar, tan-nar u baned.

Nistgħu ngħinu?

Bosta jgergru għax bl-armar fit-toroq jonqos l-ispazju tal-parkeġġi u dak li kun ma jsibx fejn iħalli l-karozza. Oħrajn jilmentaw li minħabba l-marċijiet jiżdied it-traffiku għax bosta toroq ikunu magħluqin minħabba l-attivitajiet tal-festa. Se naqsam magħkom ħsieb tiegħi, forsi tistgħu taqblu miegħu jew tistgħu tgħidu li ma nafx x’qed ngħid. Għadna kif ħriġna minn pandemija li sakkrittna ġewwa. Il-festi ma sarux u mhux il-festi biss tħassru imma kull attività oħra. Minn din il-pandemija tgħallimna li ħafna xogħol illum il-ġurnata jista’ jsir mid-dar. Il-teleworking konna smajna bih imma qatt daqs ix-xhur tal-pandemija ma konna nafu l-effiċjenza tiegħu. Kieku jsir sfors u fis-sajf, jiġifieri fix-xhur li fihom niċċelebraw il-festi tagħna, jibda jsir xogħol mid-dar. Ovvjament fejn huwa possibbli. Żgur li ħaġa bħal din tnaqqas drastikament it-traffiku mit-toroq tagħna.

Ħaġa oħra li nissuġġerixxi hi li dak li jkun juża t-trasport pubbliku aktar, iħalli l-karozza d-dar, fil-garage jew ipparkjata ħdejn id-dar. Billi wieħed jimxi sakemm jaqbad tal-linja mhux se taqa’ d-dinja. Forsi tgħiduli li wieħed ikollu jqum kmieni biex jasal fuq il-post tax-xogħol bit-trasport pubbliku. Kollox sew, forsi għandkom raġun, imma jekk tinqabad f’serbut karozzi mhux xorta tasal tard? U biex ma tasalx tard mhux xorta trid titlaq kmieni? U biex titlaq kmieni mhux bil-fors trid tqum qabel?

Mill-banda l-oħra nagħmel suġġeriment lil dawk li jieħdu ħsieb l-armar fit-toroq. Fejn hemm armar antik għandu jibqa’ imma fejn isir armar ġdid dan għandu jinħadem bi ħsieb. Rajt pedestalli ġodda li jintramaw mal-ħajt, fuq il-bankina, fuqhom joqgħodu l-istatwi. Idea tajba ħafna ngħid għalija għax hekk ma jonqsux postijiet tal-parkeġġi. Tabilħaqq din il-ħaġa tista’ tkun skomda għal persuni li jkunu fuq siġġu tar-roti jew b’xi push chair, imma jkollna nemmettu li f’pajjiżna jeżistu bankini li anke meta ma jkunx hemm armar tal-festa, tant huma dojoq li la jgħaddi siġġu tar-roti u lanqas push chair.

Il-programm

Illum ma hawnx festa li ma toħroġx ktejjeb tal-festa. Dan jissejjaħ programm imma ma jkunx fih biss il-programm tal-festa. Ikun fih messaġġi mill-membri tal-kumitat, li nemen li 99 fil-mija ta’ dawk li jakwistaw dawn il-programmi ma jindenjawx ruħhom jaqrawhom. Ikun fih riklami għax l-ispejjeż tal-istampar iridu jiġu minn xi mkien u fl-istess ħin iħallu xi ħaġa tal-flus ukoll. Imbagħad hemm programmi li jkun fihom artikli ta’ interess kbir. Illum kull min joħroġ xi programm ifittex kittieba biex jiktbuhom xi artiklu. Hija ħasra li artikli ta’ ċertu livell jispiċċaw ma jinqrawx.

Ladarba qed insemmi dawn il-kotba u l-artikli li jkun fihom, infakkar li kull min joħroġ xi forma ta’ ktejjeb, mela anke l-programm tal-festa, huwa marbut bil-liġi li jieħu żewġ kopji lil-librerija pubblika. Dawn jintrefgħu u jistgħu jkunu ta’ riferenza għall-quddiem. Hekk jixraq ukoll għall-kittieba li jkunu ħadu ħafna ħin ta’ riċerka biex kitbu artiklu ta’ interess. Mhux sewwa li jgħaddi ż-żmien u jintrema kollox. Veru li hawn min jagħmel kollezzjoni ta’ dawn il-programmi, imma din tkun kollezzjoni private. B’kopji ta’ dawn il-programmi fil-librerija nazzjonali ikun garantit li dak li nkiteb ma jintilifx. Barra dan, jekk il quddiem ikun hemm min ikun irid ifittex dwar il-festi tagħna u kif qed niċċelebrawhom illum, ikun jista’ jqalleb il-paġni ta’ dawn il-kotba u jsir jaf.

Il-ħin

L-aħħar argument tiegħi huwa dwar il-ħinijiet tal-ħruq tan-nar u tal-marċi, speċjalment dawk ta’ filgħaxijiet. Nemmen li n-nar tal-ajru għandu jintemm sal-11pm. Bi ftit sforz mill-partijiet kollha li huma nvoluti fil-festa nemmen li din il-ħaġa tista’ sseħħ. Id-daqq tal-marċi mod ieħor. Hemm marċi li jdumu sa wara nofsillejl, biss dawn ikunu akarx darba biss matul il-ġimgħa tal-festa u jekk ikun hemm aktar minn jum wieħed, nemmen li r-rotot tal-marċi ma jkunux l-istess, għalhekk akarx li dawk li ma jħobbux il-festa jkollhom jum wieħed biss ta’ inkonvenjent.

Hemm ħafna aktar x’ngħidu, imma nieqaf hawn. Nemmen li bi ftit tal-ħsieb, bi ftit rieda tajba u b’ħafna koperazzjoni din it-tradizzjoni Maltija tista’ tibqa’ miexja ’l quddiem bla ma ddejjaq lil ħadd.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Ġunju 2023






sabato 3 giugno 2023

Il-ħin

 

Dan l-aħħar il-kunvent li fih ngħix jien, dak tal-patrijiet Dumnikani ta’ Gwardamanġa f’Tal-Pietà, qed isiru fih ħafna xogħolijiet ta’ restawr u riabitazzjoni. Kollox jasal ħinu! Fost xogħolijiet oħra sar xogħol fit-taraġ li mill-bieb tas-sagristija jwassal lil dak li jkun għas-sular li fih ngħixu aħna l-patrijiet u jibqa’ tiela’ sa fuq il-bejt tal-knisja. Mal-ħajt ta’ waħda mill-indani tat-taraġ poġġejna arloġġ li wieħed benefattur għoġbu jagħtina. Ġie sabiħ ħafna imma billi l-bini f’kunvent ikun ta’ daqs wisq akbar minn ta’ dar normali, rajna li kien hemm spazju biex ħdejn dan l-arloġġ niktbu skrizzjoni. Ridna li din l-iskrizzjoni tkun meħudha mill-Bibbja u fl-istess waqt tkun marbuta mal-ħin. L-għażla waqgħet fuq kliem San Pawl, sewwasew mill-ewwel ittra tiegħu lit-Tessalonkin. Din is-silta tgħid hekk: “Kull ħin niżżu ħajr ’l Alla.” Xtrajna l-ittri u nġbarna l-komunità kollha biex inwaħħluhom f’posthom. Timmaġinawx li konna xi folla. Il-komunità kollha tfisser l-kappillan, il-fra u jien. Xħin lestejna din il-biċċa xogħol, u kollha konna sodisfatti biha, moħħi beda jaħseb fuq il-ħin. Kemm hu importanti f’ħajjitna. Għalhekk jeżisti l-arloġġ. Ħsibt ukoll li tabilħaqq kliem l-Appostlu Pawlu jagħmel sens għax tassew li kull ħin irridu nroddu ħajr lil Alla li jkun silifna dak il-ħin li nkunu qed ngħixu.

L-arloġġi

Bdejt naħseb ftit kemm hu oġġett utli għalina l-arloġġ. Ħsibt ma’ kemm-il arloġġ niltaqa’ matul il-jum. Rajt li jekk inkun sejjer inqaddes, mill-kamra tiegħi sas-sagristija niltaqa’ ma’ numru ta’ arloġġi. L-ewwel wieħed huwa dak tal-mowbajl. Qabel kont inżomm arloġġ tal-idejn imma minn meta konna msakkrin ġewwa minħabba l-imxija tal-Covid, drajt mingħajru u llum sar idejjaqni allura ma għadnix nilbsu u minflok nara x’ħin ikun sar minn fuq il-mowbajl. It-tieni arloġġ li nara huwa dak diġitali li għandi f’kamarti. Dan komdu għax anke minn fuq is-sodda nilmħu u għalhekk matul il-lejl inkun naf x’ħin ikun sar jekk nistembaħ. Faċċata ta’ kamarti hemm kċina ċkejkna fejn wieħed ikun jista’ jieħu naqra te jew jixwi xi biċċa ħobż. Hemm għandna arloġġ ieħor li qiegħed sewwasew faċċata tal-bieb tal-kamra, għalhekk anke jekk inkun irrid, ma nistax ma narahx. Fit-tarf tal-kurutur imbagħad hemm Grand Father Clock u kif ninżel it-taraġ insib ma’ wiċċi dak l-arloġġ li semmejt fil-bidu. Nidħol is-sagristija u hemmhekk ukoll hemm arloġġ ieħor biex dak li jkun ser iqaddes joħroġ fil-ħin. U dan kollu f’mhux aktar minn għoxrin metru kollox. U għax forsi dawn l-arloġġi kollha ma humiex biżżejjed, kif noħroġ inqaddes ma’ ħajt tal-knisja hemm arloġġ ieħor biex is-saċerdot ma jtawwalx wisq fl-omelija. Insomma din ma hijiex problema għalija. Jien ma nħobbx intawwal u dak li nkun irrid ngħidu naqbad u ngħidu bla ħafna kliem. Imma mhux kulħadd bħali.

B’dawn l-arloġġi kollha madwari bil-fors ikolli nagħti kas il-ħin u niżżi ħajr lil Alla li silifuli.

Il-ħin itir

Naħseb taqblu miegħi li aktar ma jkollok x’tagħmel aktar tidher qasira l-ġurnata. Jasal filgħaxija u ssib li tkun għamilt nofs dak li jkollok f’moħħok li tagħmel. Sewwa jgħidu li l-ħin itir. Meta tkun għadek żgħir, l-aktar meta jkun wasal Setembru u terġa’ tibda l-iskola u taħseb f’Ġunju u l-vaganzi tas-sajf, tara ż-żmien bħal eternità. Meta tikber tgħaddi sena bħar-riħ. Araw, qisu l-bieraħ bdejna s-sena u diġa ttieklet kważi nofsha. X’jien ngħid? Qisu l-bieraħ bdejna dan is-seklu u kważi diġà għadda kwart minnu. Sewwa jgħidu li ż-żmien itir u ma jistenna lil ħadd.

Meta jieqaf l-arloġġ

Meta ngħid “jieqaf l-arloġġ” ma rridx ninftiehem għal meta l-arloġġ jispiċċalu l-ħabel jew il-batterija u ma jaħdimx aktar imma għal meta tara l-ħin twil u ma jrid jgħaddi b’xejn. Dan huwa l-ħin psikoloġiku. Immaġinaw bniedem qed jistenna riżultat mediku kif ikun fuq ix-xwiek sakemm jasallu. Il-ħin jidher donnu itwal mis-soltu, ma jkun irid jgħaddi b’xejn. U ma hemmx għalfejn inkunu f’sitwazzjoni bħal din biex jieqaf l-arloġġ. Immaġina tkun f’ajruport ġej lura Malta u l-ajruplan jittardja. Sa siegħa tissaporti imma mbagħad tibda kull ħin tħares lejn l-arloġġ biex tara kemm għadda ħin u ssib li minn darba għal oħra li tkun ħarist lejh ikunu għaddew biss ftit minuti, jekk mhux sekondi. Dan huwa l-ħin psikoloġiku għax fil-verità s-sekondi, il-minuti u s-sigħat jibqgħu għaddejjin l-istess.

Il-ħajr

Illum meta nħares lejn l-arloġġ u l-kitba li hemm fit-taraġ tagħna sirt ngħid “grazzi” f’qalbi għax minkejja kollox, minkejja li l-ħin jgħaddi jiġri u spiss 24 siegħa kuljum ma jkunux biżżejjed, jew jekk inkun anzjuż u nkun nixtieq li l-ħin jgħaddi kemm jista’ jkun malajr imma donnu l-ħin ikun sejjer lura u mhux il quddiem, niftakar li hemm minn ma għandux ix-xorti li jiġġieled biex ilaħħaq mal-ħin, jew itertaq qalbu biex dan jgħaddi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Ġunju 2023



venerdì 23 febbraio 2018

Sib il-ħin

Sib il-ħin biex taħseb, sib il-ħin biex titlob, sib il-ħin biex tidħaq għax dan huwa l-għajn tal-qawwa, huwa l-akbar qawwa fid-dinja, huwa l-mużika tar-ruħ.

Sib ħin għal-logħob, sib il-ħin biex tħobb u biex tkun maħbub, sib il-ħin biex tagħti. Dan huwa s-sigriet ta’ żgħożija eterna, huwa privileġġ mogħti mingħand Alla. Il-jum huwa qasir wisq biex inkunu egoisti.

Sib ħin biex taqra, sib ħin li tkun ħabib, sib ħin biex taħdem. Dan huwa l-qawwa tal-għerf, dan huwa t-triq tal-hena, dan huwa l-prezz tas-suċċess.

Sib ħin biex tagħmel karità għax din hija ċ-ċavetta tal-ġenna.

Din il-kitba ta’ hawn fuq ma hijiex tiegħi imma hija ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta jew kif għadna nafuha Madre Tereża. Il-kitba instabet miktuba fuq ħajt f’dar li din il-qaddisa kienet waqqfet għaż-żgħażagħ ġewwa Kalkutta l-Indja.

Ħadd ma għandu ħin
Illum sirna ngħixu fi żmien fejn kulħadd huwa mgħaġġel, ħadd ma għandu ħin għal ħadd u għal xejn. Sa mill-ewwel ftit snin ta’ ħajjet il-bniedem il-ħin sar ħaġa skarsa ħafna. L-ommijiet illum jaħdmu barra mid-dar u għalhekk ftit li xejn fadlilhom ħin għal uliedhom. Post l-omm ħaditu n-nanna, imma ma ndumux wisq ma jkollna sitwazzjoni fejn in-nanniet kollha jkunu jaħdmu wkoll. Inħolqu ċ-ċentri li jieħdu ħsieb it-tfal għaliex din il-problema teżisti digà u żgur li se tkompli tikber.

Ħalli nagħmel paretensi li fl-aħħar mill-aħħar ukoll għandha x’taqsam mal-ħin.  Qabel il-mara kienet tiżżewweġ u aktarx iva milli le kienet tibqa’ d-dar. Mara tad-dar ma jfissirx li ma taħdimx, anzi! Illum mara li tibqa’ d-dar donnha ma għandiex karriera. Personalment naħseb li x-xogħol ta’ omm u ta’ mara tad-dar huwa l-aqwa karriera. Biss mill-banda l-oħra lanqas inlum lil dawk in-nisa li baqgħu jistudjaw forsi sa tletin sena biex ġabu xi Masters u mbagħad ikollhom jabbandunaw kollox, dawk is-snin ta’ studju, ta’ eżamijiet u ta’ tertieq il-qalb. Mhux lakemm taqta’ linja f’każi bħal dawn!

Ħtija ta’ dan in-nuqqas ta’ ħin qed jiġu affettwati wkoll l-anzjani. Qabel, l-ulied kienu jieħdu ħsieb il-ġenituri xjuħ. Illum ħadd ma fadallu ħin għal ħadd u għalhekk bdew jinfetħu d-djar tal-anzjani. Qabel kien jeżisiti l-isptar San Vinċenz bejn il-Marsa u Ħal Luqa għax-xjuħ li ma jkollhomx familja, dak li kien jissejjaħ l-Ingieret u wara Ħas-Serħ. Ma’ dan l-isptar kien hawn xi djar tas-sorijiet li kienu jżommu xi xjuħ fihom. Illum djar tal-anzjani nsibu mxerdin ma’ kullimkien. Bilfors, illum ħadd ma fadallu ħin għal xejn.

Li kitbet Santa Tereża
Il-vrus li bdejna bihom jagħmlu sens illum aktar minn meta nkitbu u għoxrin sena oħra jagħmlu sens aktar mil-lum għax kull ma jmur il-ħin aktar qed isirilna rarità. Imma ħin biex taħseb titlob u tidħaq tista’ ssibu anke waqt li tkun qed tagħmel xi ħaġa oħra. Tabilħaqq li kultant trid tieqaf biex taħseb imma mhux dejjem. L-istess għat talb, tista’ toffri l-ħidma li tkun qed tagħmel bħala talba. Rigward id-daħq mhux dejjem possibbli ssieħbu ma’ attività oħra, imma tajjeb li jinstab ftit ħin għad-daħq għax hawn dwejjaq biżżejjed fid-dinja u ftit daħq ma jagħmilx ħsara anzi skont Madre Tereża dan huwa l-mużika tar-ruħ.

Il-qaddisa tkompli tgħidlina nsibu ħin għal-logħob. Il-logħob ma huwiex ħala ta’ ħin imma huwa mogħdija ta’ żmien. Ħin għal delizju jew passatemp jgħin lill-bniedem jirrikera ruħu, jerġa’ jiġi maħluq – ri kreat! Li tħobb u li tkun maħbub ukoll huma ħwejjeġ importanti. Ma hemmx sitwazzjoni aqwa milli bniedem iħobb u jħossu maħbub. Il-bniedem maħluq biex iħobb u jkun maħbub. Hemm diversi tipi ta’ mħabba. Sfortunatament illum anke l-imħabba donnha nbiddlet u saret biss tirreferi għal imħabba karnali, imma l-imħabba mhux hekk biss. L-imħabba hija l-altruiżmu, jiġifieri l-kuntrarju tal-egoiżmu. Madre Terza tgħidilna li ma għandniex naħlu l-jum fl-egoiżmu. Issemmilna wkoll il-ħbiberija li timxi id f’id mal-imħabba.

Ix-xogħol jokkupalna parti kbira tal-jum. Aħna ngħidu li x-xogħol huwa salmura tal-ġisem, bħalma l-melħ tas-salmura kien jippreseva l-ikel hekk ix-xogħol iżomm lill-ġisem attiv. L-għass huwa l-għadu tal-ġisem. Il-qaddisa ta’ Kalkutta ssemmi wkoll il-qari, ħaġa li llum naqset ħafna. Qabel konna naqraw ħafna aktar mil-lum. Rumanz kien ikun fih mijiet ta’ paġni, illum jekk trid li ktieb jinqara tiktibx aktar minn mitt paġna. Għax ma fadlilniex ħin! Fl-aħħar hija tgħidilna nsibu ħin għall-karità. Nemmen li llum l-akbar karità hija li ssib ħin għal xi ħadd, li tagħti ftit attenzjoni li min għandu bżonnha. Din tista’ tkun l-akbar karità li nistgħu nagħmlu

Sibt ħin taqra dan li ktibt jien, sib ħin għalik ukoll!


Fr Reno Muscat




Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 24 ta' Frar 2018