sabato 3 giugno 2023

Il-ħin

 

Dan l-aħħar il-kunvent li fih ngħix jien, dak tal-patrijiet Dumnikani ta’ Gwardamanġa f’Tal-Pietà, qed isiru fih ħafna xogħolijiet ta’ restawr u riabitazzjoni. Kollox jasal ħinu! Fost xogħolijiet oħra sar xogħol fit-taraġ li mill-bieb tas-sagristija jwassal lil dak li jkun għas-sular li fih ngħixu aħna l-patrijiet u jibqa’ tiela’ sa fuq il-bejt tal-knisja. Mal-ħajt ta’ waħda mill-indani tat-taraġ poġġejna arloġġ li wieħed benefattur għoġbu jagħtina. Ġie sabiħ ħafna imma billi l-bini f’kunvent ikun ta’ daqs wisq akbar minn ta’ dar normali, rajna li kien hemm spazju biex ħdejn dan l-arloġġ niktbu skrizzjoni. Ridna li din l-iskrizzjoni tkun meħudha mill-Bibbja u fl-istess waqt tkun marbuta mal-ħin. L-għażla waqgħet fuq kliem San Pawl, sewwasew mill-ewwel ittra tiegħu lit-Tessalonkin. Din is-silta tgħid hekk: “Kull ħin niżżu ħajr ’l Alla.” Xtrajna l-ittri u nġbarna l-komunità kollha biex inwaħħluhom f’posthom. Timmaġinawx li konna xi folla. Il-komunità kollha tfisser l-kappillan, il-fra u jien. Xħin lestejna din il-biċċa xogħol, u kollha konna sodisfatti biha, moħħi beda jaħseb fuq il-ħin. Kemm hu importanti f’ħajjitna. Għalhekk jeżisti l-arloġġ. Ħsibt ukoll li tabilħaqq kliem l-Appostlu Pawlu jagħmel sens għax tassew li kull ħin irridu nroddu ħajr lil Alla li jkun silifna dak il-ħin li nkunu qed ngħixu.

L-arloġġi

Bdejt naħseb ftit kemm hu oġġett utli għalina l-arloġġ. Ħsibt ma’ kemm-il arloġġ niltaqa’ matul il-jum. Rajt li jekk inkun sejjer inqaddes, mill-kamra tiegħi sas-sagristija niltaqa’ ma’ numru ta’ arloġġi. L-ewwel wieħed huwa dak tal-mowbajl. Qabel kont inżomm arloġġ tal-idejn imma minn meta konna msakkrin ġewwa minħabba l-imxija tal-Covid, drajt mingħajru u llum sar idejjaqni allura ma għadnix nilbsu u minflok nara x’ħin ikun sar minn fuq il-mowbajl. It-tieni arloġġ li nara huwa dak diġitali li għandi f’kamarti. Dan komdu għax anke minn fuq is-sodda nilmħu u għalhekk matul il-lejl inkun naf x’ħin ikun sar jekk nistembaħ. Faċċata ta’ kamarti hemm kċina ċkejkna fejn wieħed ikun jista’ jieħu naqra te jew jixwi xi biċċa ħobż. Hemm għandna arloġġ ieħor li qiegħed sewwasew faċċata tal-bieb tal-kamra, għalhekk anke jekk inkun irrid, ma nistax ma narahx. Fit-tarf tal-kurutur imbagħad hemm Grand Father Clock u kif ninżel it-taraġ insib ma’ wiċċi dak l-arloġġ li semmejt fil-bidu. Nidħol is-sagristija u hemmhekk ukoll hemm arloġġ ieħor biex dak li jkun ser iqaddes joħroġ fil-ħin. U dan kollu f’mhux aktar minn għoxrin metru kollox. U għax forsi dawn l-arloġġi kollha ma humiex biżżejjed, kif noħroġ inqaddes ma’ ħajt tal-knisja hemm arloġġ ieħor biex is-saċerdot ma jtawwalx wisq fl-omelija. Insomma din ma hijiex problema għalija. Jien ma nħobbx intawwal u dak li nkun irrid ngħidu naqbad u ngħidu bla ħafna kliem. Imma mhux kulħadd bħali.

B’dawn l-arloġġi kollha madwari bil-fors ikolli nagħti kas il-ħin u niżżi ħajr lil Alla li silifuli.

Il-ħin itir

Naħseb taqblu miegħi li aktar ma jkollok x’tagħmel aktar tidher qasira l-ġurnata. Jasal filgħaxija u ssib li tkun għamilt nofs dak li jkollok f’moħħok li tagħmel. Sewwa jgħidu li l-ħin itir. Meta tkun għadek żgħir, l-aktar meta jkun wasal Setembru u terġa’ tibda l-iskola u taħseb f’Ġunju u l-vaganzi tas-sajf, tara ż-żmien bħal eternità. Meta tikber tgħaddi sena bħar-riħ. Araw, qisu l-bieraħ bdejna s-sena u diġa ttieklet kważi nofsha. X’jien ngħid? Qisu l-bieraħ bdejna dan is-seklu u kważi diġà għadda kwart minnu. Sewwa jgħidu li ż-żmien itir u ma jistenna lil ħadd.

Meta jieqaf l-arloġġ

Meta ngħid “jieqaf l-arloġġ” ma rridx ninftiehem għal meta l-arloġġ jispiċċalu l-ħabel jew il-batterija u ma jaħdimx aktar imma għal meta tara l-ħin twil u ma jrid jgħaddi b’xejn. Dan huwa l-ħin psikoloġiku. Immaġinaw bniedem qed jistenna riżultat mediku kif ikun fuq ix-xwiek sakemm jasallu. Il-ħin jidher donnu itwal mis-soltu, ma jkun irid jgħaddi b’xejn. U ma hemmx għalfejn inkunu f’sitwazzjoni bħal din biex jieqaf l-arloġġ. Immaġina tkun f’ajruport ġej lura Malta u l-ajruplan jittardja. Sa siegħa tissaporti imma mbagħad tibda kull ħin tħares lejn l-arloġġ biex tara kemm għadda ħin u ssib li minn darba għal oħra li tkun ħarist lejh ikunu għaddew biss ftit minuti, jekk mhux sekondi. Dan huwa l-ħin psikoloġiku għax fil-verità s-sekondi, il-minuti u s-sigħat jibqgħu għaddejjin l-istess.

Il-ħajr

Illum meta nħares lejn l-arloġġ u l-kitba li hemm fit-taraġ tagħna sirt ngħid “grazzi” f’qalbi għax minkejja kollox, minkejja li l-ħin jgħaddi jiġri u spiss 24 siegħa kuljum ma jkunux biżżejjed, jew jekk inkun anzjuż u nkun nixtieq li l-ħin jgħaddi kemm jista’ jkun malajr imma donnu l-ħin ikun sejjer lura u mhux il quddiem, niftakar li hemm minn ma għandux ix-xorti li jiġġieled biex ilaħħaq mal-ħin, jew itertaq qalbu biex dan jgħaddi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Ġunju 2023



Nessun commento:

Posta un commento