Sa ftit għexieren ta’ snin ilu,
dak li jkun kien irabbi annimmal domestiku, bħal ngħidu aħna kelb, qattus jew
xi għasfur, u ftit li xejn kien hawn għarfien dwar is-saħħa ta’ dak l-annimal.
Illum il-ħaġa nbidlet u min irabbi xi annimal fid-dar tiegħu sar aktar konxju
li l-annimali huma bħalna l-bnedmin, jiġi żmien li jomordu wkoll. Professjoni
li llum saret aktar popolari fostna hija dik tat-tabib tal-annimali, jew aħjar
il-veterinarju. Għax kif jgħidu, tfal u bhejjem għali dejjem, għalhekk illum kull
min, bħali, jżomm xi annimal id-dar sar minn żmien għal żmien jagħmel
appuntament mal-veterinarju jew veterinarja. Hekk għandu jkun għax wara kollox
ladarba tiddeċiedi li żżomm annimal id-dar, dan għandu jkun trattat kif jixraq.
Illum nixtieq insellem li dawk it-tobba li jiddeċiedu li jaqbdu l-linja
tal-kura tal-annimali.
Veterinarji ta' annimali żgħar,
bħal ngħidu aħna klieb u qtates, aktarx li jaħdmu fi kliniċi veterinarji,
sptarijiet veterinarji, jew fit-tnejn. Il-veterinarji tal-annimali kbar, bħal
ngħidu aħna żwiemel u baqar, ħafna drabi jqattgħu aktar ħin jivvjaġġaw biex
jaraw il-pazjenti tagħhom fil-postijiet fejn jgħixu, bħal żoos jew irziezet.
Etimoloġija
Minn fejn ġejja l-kelma “veterinarju”?
Il-kelma "veterinarju" ġejja mil-Latin veterinae li tfisser “annimali tax-xogħol.” Il-kelma "veterinarju"
ntużat għall-ewwel darba fl-1646 minn Thomas Browne, kittieb Ingliż ta’ bosta
kotba. Għalkemm il-kelma "veterinarju"
tintuża komunement fil-pajjiżi kollha, l-propjament din il-professjoni
tissejjaħ kirurgu veterinarju bħalma jissejjaħ fir-Renju Unit u l-Irlanda.
Billi l-ħajja tagħna hija mgħaġġla sirna nqassru anke l-kliem għalhekk spiss
nirreferu għall-veterinarju sempliċiment bħala l-“vet.”
L-ewwel kulleġġ veterinarju
twaqqaf f'Lyon fi Franza, fl-1762 minn Claude Bourgelat. Jingħad li dan wara li
osserva l-qerda li kienet qed tiġi kkawżata lill-merħliet Franċiżi mill-pesta
tal-baqar waqqaf dan l-istitut. Bourgelat iddedika l-ħin tiegħu kollu biex
ifittex rimedju għal din il-marda. Mat-twaqqif ta’ dan il-kulleġġ żdied
l-interess f’din il-professjoni u ma kinux ftit l-istudenti li tħarrġu fih.
L-Odiham Agricultural Society twaqqfet
fl-1783 fl-Ingilterra biex tippromwovi l-agrikoltura u l-industrija u kellha
rwol importanti fil-pedament u t-tixrid tal-professjoni veterinarja fil-Gran
Brittanja. Il-professjoni veterinarja finalment kisbet l-għarfien fl-1790,
permezz tal-kampanja ta’ Granville Penn, li pperswada lill-Franċiż Charles Vial
de Sainbel biex jaċċetta l-professuri tal-Kulleġġ Veterinarju li għadu kif ġie twaqqaf
f'Londra. Il-Kulleġġ Irjali tal-Kirurgi Veterinarji ġie stabbilit b’digriet irjali
fl-1844.
Ix-xjenza veterinarja saret
popolari fl-aħħar tas-seklu 19, nistgħu ngħidu minħabba l-ħidma notevoli ta’
Sir John McFadyean, miżmum minn ħafna bħala l-fundatur tar-riċerka Veterinarja
moderna.
Rwoli, responsabbiltajiet u perikli
Il-veterinarji jittrattaw mard,
diżordnijiet jew korrimenti fl-annimali, li jinkludi dijanjosi, trattament u
kura ta' wara t-trattament. B'differenza mill-mediċina umana, il-veterinarji
għandhom jiddependu primarjament fuq sinjali kliniċi, peress li l-annimali ma
jistgħux jesprimu bil-kliem is-sintomi li jkunu qed iħossu, kif jagħmel
bniedem. F'xi każijiet, is-sidien tal-annimal jistgħu jkunu kapaċi jipprovdu
storja medika u l-veterinarju jista' jgħaqqad din l-informazzjoni flimkien ma'
osservazzjonijiet u r-riżultati ta’ testijiet li jkun għamel.
Il-veterinarji jaħdmu ma’ varjetà
wiesgħa ta' speċi ta 'annimali fi
sptarijiet, kliniki, laboratorji, irziezet u żoos għalhekk huma jaffaċċjaw
ħafna perikli fuq ix-xogħol inkluż mard, gdim u grif. Skont id-Dipartiment
tax-Xogħol tal-Istati Uniti, 12 % tal-ħaddiema fil-professjoni tas-servizzi
veterinarji jirrappurtaw korrimenti jew mard relatat max-xogħol tagħhom ta’
kull sena. Il-korrimenti bil-labar huma l-aktar inċidenti komuni fost il-veterinarji.
Fil-kamra tal-vet
Min bħali għandu xi annimal
id-dar jaf li l-klinika tal-veterinarju hija post li trid iżżur minn żmien għal
żmien. Fil-kamra fejn wieħed jistenna qabel jidħol fil-klinika tiltaqa’ ma’ bosta
nies li bħalek ikunu ħadu l-annimal tagħhom għall-kura. Hemm tara l-imħabba li
l-bniedem ikollu għall-annimal. Nies preokkupati għax il-pet tagħhom ikun ma
jiflax. Hekk għandu jkun wara kollox għax ladarba tkun iddeċidejt li trabbi
annimal għandek tieħu ħsiebu sewwa. Waħda mill-agħar xeni li rajt f’din
il-kamra hija ta’ mara li kellha kelb marbut f’idha. Bdiet tibki biki ta’ qsim
il-qalb. Bla ma qaltli xejn indunajt li kienet waslet il-ġurnata li traqqad
il-kelb tagħha. Min jaf wara kemm snin! Għax annimal domestiku jsir parti
mill-familja u t-telfa tiegħu tinħass daqs telfa ta’ membru tal-familja. Ħassejt
dieqa kbira quddiem din ix-xena u nixtieq li jien ma ngħaddi minnha qatt.
Il-veterinarju. . . kemm hu importanti fil-ħajja tagħna meta
nrabbu xi annimal!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Ġunju 2023
Nessun commento:
Posta un commento