sabato 1 luglio 2023

TAL-KARMNU

 

Ix-xahar ta’ Lulju kien magħruf ma’ missirijietna bħala x-xahar tal-Karmnu. Bħalma nistgħu nobsru dan kien jissejjaħ hekk għax fis-16 ta’ dan ix-xahar tkun iċċelebrata l-festa tal-Madonna taħt it-titlu “Tal-karmelu” jew kif ngħiduha “Tal-karmnu.” Tajjeb naraw ftit minn fejn ħareġ dan l-isem.

Il-post

Il-Muntanja tal-Karmelu tinsab fost il-firxa ta' muntanji kostali li mit-Tramuntana ta' Iżrael, max-xatt tal-Baħar Mediterran tibqa’ nieżla lejn il- Xlokk tal-pajjiż. Fuq dawn il-muntanji hemm bosta bliet u rħula u aktarx li l-aktar waħda magħrufa hija l-belt ta’ Ħajfa, li tajjeb ngħidu li hija t-tielet l-akbar belt f’Iżrael. Din il-muntanja bl-Għarbi tissejjaħ ukoll  Jabal Mār Ilyās, jiġifieri il-muntanja ta’ San Elija. Hija għolja 525 metru u fiha firxa ta’ 39 kilometru bi 8 kilometri. Aktar minn muntanja waħda, il-Muntanja Karmel fil-fatt hija linja ta’ muntanji għolja.

Il-kelma karmel tfisser “art tal-ġnien” u hija ta’ oriġini inċerta. Hawn min jgħid li l-isem huwa jew kompost minn kerem u el, li jfisser "l-għalqa tad-dwieli ta' Alla" u oħrajn jgħidu li dan ġej minn kar male li jfisser "qalba, jew ġewwieni sħiħ."

Fil-Bibbja

Minħabba l-veġetazzjoni fuq in-naħa tal-għoljiet u l-ħafna għerien li wieħed isib fuq din il-muntanja, kien sar il-post tal-kriminali. Il-Karmelu bis-siġar folti kien meqjus bħala moħbi, kif jimplika l-Ktieb ta’ Għamos. F’kapitlu 9 ta’ dan il-ktieb, sewwasew fit-tielet vers naqraw hekk: jekk jinħbew fuq il-quċċata tal-Karmel, hemm infittixhom, u minn hemm naqbadhom; u jekk jinħbew minn quddiem għajnejja f’qiegħ il-baħar, nordna lis-serp jigdimhom.

Fl-1 Slaten 17:1–24, Elija jidħol fl-istorja bħala l-mibgħut tal-Mulej. Il-profeta jikkonfronta lil Aħab u jbassar nixfa minabba d-devozzjoni mhux qaddisa taʼ Aħab u Ġeżabel lejn alla Bagħal. Meta wasal it-tmiem tan-nixfa, biex jipprova li l-Mulej Alla kien l-uniku Alla veru, Elija jipproponi kompetizzjoni. Iżrael kollu ġie msejjaħ fuq il-Muntanja Karmel biex jixhed il-konfront bejn Elija u l-profeti foloz ta’ Bagħal. U Aħab bagħat messaġġiera ma’ Iżrael kollu, u ġabar il-profeti fuq il-Karmel. L-istorja nafuha, il-profeti foloz ħarġu tellifin u Elija rebbieħ. Jidher li iktar tard il-profeta Eliżew uża l-Muntanja Karmel bħala post fejn jgħix. Minn żminijiet antiki, il-Muntanja tal-Karmelu kienet meqjusa bħala post qaddis u simbolu ta’ sbuħija u fertilità. Il-Profeta Iżaija jxebbah ir-restawr glorjuż ta’ Alla mal-umanità mifdija bħala “splendur tal-Karmelu” u jgħid: “Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni. Sebħ il-Libanu jingħata lilha, il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron. Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel ta’ Alla tagħna.” (Is 35, 2) Salamun iqabbel ir-ras tal-maħbub tiegħu mas-sbuħija u n-nobbiltà tal-Muntanja tal-Karmelu: “Rasek ’il fuq, xebbahtha lill-Karmel, xagħar rasek donnu porpra; sultan baqa’ maqbud fin-nokkli. Kemm int sabiħa u kemm tassew int ħelwa, imħabba fost l-għaxqiet!” Din insibuha fil-ktieb L-Għanja tal-Għanjiet kapitlu 7 versi 6 u 7.

Il-Madonna

Il-Madonna tal-Karmnu huwa wieħed mit-titli mogħtijin lill-Verġni Marija liema titlu għandu rabta speċjali mal-patrijiet Karmelitani. Il-patrijiet Karmelitani bdew jgħixu bħala patrijiet eremiti ħdejn l-Għajn ta' Sant Elija, fuq il-Muntanja tal-Karmelu lejn l-aħħar tas-seklu XII. Ir-rabta tal-Patrijiet Karmelitani mal-Verġni Marija bdiet meta dawn iddedikawlha l-kappella li kellhom sewwasew fuq il-Għolja tal-Karmelu. Skont it-tradizzjoni Karmelitana, il-Verġni Marija dehret lis-superjur ġenerali San Xmun Stock, fis-16 ta’ Lulju 1251, u tagħtu l-l-ilbies jew l-abitu tal-ordni bħala sinjal tal-protezzjoni tagħha fuqu u fuq sħabu kif ukoll bħala turija tal-imħabba tagħha lejn l-ordni. Il-Karmelitani xerrdu sewwa  din id-devozzjoni fosthom u fost il-lajċi permezz tal-labtu kannella. Sal-lum ħafna Nsara jġorru fuqhom b’devozzjoni kbira dan il-labtu sabiex il-Madonna tħarishom fil-perikli tar-ruħ u tal-ġisem. Il-festa tal-Madonna tal-karmnu ġiet imdaħħla fil-Kalendarju tal-Knisja mill-Papa Dumnikan, Benedittu XIII fl-1726 u tiġi ċċelebrata nhar is-16 ta’ Lulju.

F’Malta

Żgur li l-aktar knisja popolari f’pajjiżna li hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu hija l-Bażilika tal-Belt Valletta. Insibu parroċċi ddediakti lilha. Il-Gżira, il-Fgura, Fleur de Lys, il-Balluta. Insibu għadd tal kappelli madwar Malta li huma ddedikati lill-Madonna taħt dan it-titlu: Il-Birgu, Ħal Luqa, San Pawl il-Baħar, Is-Siġġiewi, In-Nadur, Ix-Xewkija u x-Xlendi. Barra minn hekk f’bosta knejjes insibu artal iddedikat lil din id-devozzjoni. Fit-toroq ta’ gżiritna naraw għexieren ta’ niċeċ bix-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu. 

L-isem Karmnu jew Karmena kienu popolari sew fl-imgħoddi. Dawn ħadulhom posthom ismijiet Ingliżi bħal Charles jew Carmel u Charmain. Dan kollu juri l-qima li l-poplu Malti dejjem kellu lejn il-Madonna tal-Karmnu.

Tiskanta kemm hu interessanti l-bidu ta’ devozzjoni. Illum rajna kif minn fuq il-Muntanja tal-Karmelu tnisslet din id-devozzjoni u kif inxterdet.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Lulju 2023



Nessun commento:

Posta un commento