sabato 22 luglio 2023

IKONI

 

Meta nisimgħu l-kelma “ikona” aktarx li moħħna dlonk imur fuq dawk ix-xbihat ta’ qaddisin li tant huma popolari fil-Knisja Ortodossa, imma din il-kelma  tista’ tintuża għal skop ieħor. Il-ħsieb tiegħi illum ma huwiex fuq dawn ix-xbihat imma fuq persuni li minkejja li ma jkollhom l-ebda professjoni, ikunu magħrufin sewwa.

Michelina

Ġieli ktibt dwar iż-żjajjar tiegħi fir-raħal ta’ Montefalcione, qrib Avellino fl-Italja. Hemmhekk mort kemm-il darba u għalhekk għamilt ħafna ħbieb. Insomma f’raħal fuq il-muntanji, f’raħal li ma jgħixux aktar minn ftit eluf ta’ nies, ma ddumx ma ssir taf lil kulħadd u għalhekk kulħadd isir jafek, l-aktar l-aktar meta bħal Montefalcione, il-kappillan ikun is-saċerdot waħdieni tar-raħal u żjara ta’ saċerdot biex ngħidu hekk “ġdid” għar-raħħala titqies daqslikieku kient xi żjara rjali. Intant fost il-ħbieb li għamilt f’dan id-daqsxejn ta’ raħal kien hemm waħda xebba xwejħa bl-isem ta’ Michelina.

Mela din ix-xebba kienet ta’ statura qsajra ħafna. Darba waħda stiednet lill-kappillan tal-post biex imur jiekol għandha. Din hija drawwa ta’ ħafna mill-parruċċani l-aktar fi żmien il-festa ta’ Sant Antnin ta’ Padova li tkun iċċelebrata fil-parroċċa f’Ġunju u fuq skala kbira f’Awwissu. Kienet il-festa ta’ Awwissu meta Michelina stiednet lill-kappillan id-dar tagħha. Huwa dlonk qalilha li kien hemm jien dak iż-żmien għax kont qed nagħmel il-festa tal-qaddis tant maħbub tagħhom. Hija dlonk staqsietu jekk ngħaddix mill-bieb ta’ barra tagħha. Billi hi kienet magħmula żgħira min jaf lili daqs xiex kienet tarani! Mort id-dar ta’ Michelina mal-kappillan, kilna tajjeb u għaddejt mill-bieb ta’ barra kemm qabel kif ukoll wara l-ikel. Wara din l-ewwel ikla tiegħi għandha, kull darba li erġajt żort dan il-post, kien ikun appuntament fiss għal pranzu fid-dar tagħha. Tant drajtha li bdejt insejħilha Zia Michelina!

Ftit ilu Don Paolo, il-kappillan tal-post, kitibli u nfurmani li din Michelina mietet. Mara li qatt ma marret għand tabib jew dentista, mara li qatt ma ħadet titqiba, xebba li kull min kien ikollu bżonn xi ħaġa kien idur lejha u hi taqdih. Minn twelid ta’ tarbija sat-tkeffin ta’ mejjet, Michelina kienet tkun preżenti kemm-il daba kienet tkun mitluba. Bniedma bħal din għalija hija ikona, xbieha li ma ssibx wisq bħalha, tmut u tgħib ikona unika li qatt ma jista’ jkun hemm oħra bħala, jista’ jkun hemm xebh imma daqshekk.

Fostna

Intom lil Michelina ma tafuhiex, imma bil-ktiba tiegħi ppruvajt nagħtikom xbieha tagħha, ippruvajt nippreżentalkom ikona. Bħal din ix-xebba min jaf kemm hawn anke fostna. Jekk wieħed joqgħod jaħseb ftit ma jdumx ma jibda jara sensiela ta’ ikoni quddiem għajnejh, nies li minkejja li ma jkunux famużi minħabba l-professjoni tagħhom, anzi aktarx li jkun nies l-aktar komuni, madanakollu kulħadd ikun jafhom għal xi ħaġa partikolari.

Niftakar meta kont żgħir, daħla sal-belt kienet tkun għalija l-isbaħ ħarġa. Kienet toħodni ommi jew iz-zija biex jixtru xi biċċa drapp jew biex isarrfu l-pakketti tat-trab tal-ħasil. Kont nara raġel b’xagħru goff ibigħ il-gazzetta fi Strada Rjali, dejjem fl-istess post. Ma nafux imma kien ikona għalija u għal kull min bħali kien jidħol sal-Belt. Illum nemmen li ma għadux magħna imma t-tifkira tiegħu għadha f’moħħi u nemmen ukoll f’moħħ dawk li kienu jidħlu l-belt u jarawh.

Kull raħal

Kull raħal u belt tagħna għandha minn dawn l-ikoni. Dawn ikunu persuni magħrufin man-nies tal-post  aktar mis-sindku. Kultant dawn l-ikoni jsiru popolari anke barra mir-raħal. Jien twelidt u trabbejt Ħal Qormi u hemm kellna ħafna minn dawn l-ikoni. Imma naf żgur li tnejn minnhom, tal-anqas, li saru popolari ma’ ħafna.

Fredu Cuschieri kien magħruf bħala Fredu Farfar.

Kellu daqna twila bajda u mhux darba jew tnejn deher fuq it-television jew fuq l-internet. B’din id-daqna folta bajda li kellu kien ideali biex jagħmilha ta’ Father Christmas, ħaġa li kien jagħmilha minn qalbu tant li fis-santa tal-funeral tiegħu poġġew ritratt tiegħu liebes ta’ Father Christmas. Il-mewt tiegħu serqet ikona mhux biss lir-raħal imma lil Malta kollha.

Ernest Camilleri kien magħruf bħala Nestu l-Pere. Darba ra avviż għal xi extras għal xi film u għamel appuntament. Daħal fl-ixkora għax kienet candid camera. Rabtuh ma’ siġġu u taparsi l-ħaddiema ħarġu bi strike. Ħallewh marbut hemm u meta daħal ħaddiem beda jgħidu: “Ħellni naqra, ħellni naqra!” Minn hemm Nestu, li kien magħruf ħafna mal-Qriema,  sar popolari ma’ Malta kollha.

Inzertajt li l-funerali ta’ dawn iż-żewġ ikoni għamilthom jien u għalhekk forsi aktar baqgħu f’moħħi. Kienu wkoll żewġt iħbieb kbar tiegħi u forsi għalhekk il-familjari talbuni mmexxi l-funeral tagħhom.

Dawn huma ikoni li jibqgħu. Dawn huma ikoni li posthom ma jittieħed minn ħadd għax huma uniċi. Min jaf kemm hawn bħalhom!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Lulju 2023



Nessun commento:

Posta un commento