Billi l-bniedem huwa annimal li jaħseb u li jikkomunuka, dejjem fittex toroq li bihom jista’ jwassal dak li jkollu f’moħħu jew f’qalbu lill-bnedmin l-oħra. Fost il-mezzi ta’ komunikazzjoni l-aktar bikrija nsibu l-kitba.
L-għoddaBħal kull mestier ieħor,
il-kitba għandha bżonn l-għodda tagħha. L-għodda tal-kitba hija l-alfabett li
permezz tagħha jiġi ffurmat il-kliem biex jitwassal il-messaġġ mingħand
il-kittieb għal għand il-qarrej. L-istudjużi jemmnu li l-ewwel alfabett faqqas fl-Eġittu
tal-qedem aktar minn ħmistax-il seklu qabel Kristu. Dan ma kienx alfabett
bħalma nafu bihom illum, imma kien iservi tajjeb l-iskop tiegħu. Biż-żmien
nibtu sistemi oħra ta’ kitba biex illum għandna l-alfabett, jew aħjar alfabetti
li għandna.
Ktibt “alfabetti” għax
sal-lum nistgħu nsibu aktar minn alfabett wieħed madwar id-dinja. Kulħadd jaf
li l-alfabett Latin, dak li nużaw aħna l-Maltin biex niktbu bi lsien pajjiżna,
huwa differenti minn dak Għarbi jew Ċiniż jew Grieg. Hawn semmejt l-erba’
alfabetti l-aktar li niltaqgħu magħhom. Ilkoll nafu li kull alfabett minn dawn
għandu simboli differenti minn alfabett ieħor u wieħed irid jitgħallimhom
sabiex ikun jista’ jaqra xi ktiba b’ilsien li juża xi alfabett minn dawn.
Minbarra hekk hemm ukoll
il-ħsejjes differetni tal-istess ittra tal-alfabett. Ma hemmx għafejn inġibu
ħafna eżempji, biżżejjed naħsbu fuq xi kliem Ingliż li aħna midħla tiegħu. Imma
ejjew nieħdu eżempju wieħed biss. Ipprova ikteb bl-alfabett Malti din
is-sentenza bl-Ingliż: Dan il-ktieb huwa tiegħi. Ovvajment aħna niktbu: This
book is mine. Imma kieku kellna niktbuha bil-fonetika Maltija konna niktbu: Dis
bukk iż majn. Qed taraw x’ridt infisser. U hawn ukoll irridu ngħidu li f’xi
ilsna hemm ħsejjes ta’ ittri li f’ilsna oħra ma ssibhomx. Nerġa’ nieħu s-sentenza
li ġibt bħala eżempju, il-kelma “This” aħna ngħiduha “Dis” għax fonetikalment
aktar tixbah lil “Żiss.” Intant nieqaf hawn fuq dan l-argument.
It-twil u l-qasir
Skont il-Guiness Word Records l-itwal alfabett fid-dinja huwa ta’ dak
l-ilsien użat fil-Kambodja. Dan fih erbgħa u sebgħin ittra, li xi wħud minnhom
illum ma għadhomx jintużaw iżda xorta gaħdhom jiffurmaw parti minnu. Jekk
imbagħad naraw l-ilsna użati minn tribujiet imma ma humiex ilsna uffiċjali,
insibu alfabetti bil-wisq itwal. Fi Sri Lanka hemm min jitkellem l-ilsien
Sinaliż li fih alfabett b’aktar minn seba’ mitt ittra.
L-iqsar alfabett huwa dak li jintuża mill-ilsien Rotokos, ilsien li huwa
mitkellem minn ftit elfu ta’ nies f’Papua New Guinea. Dan l-alfabett fih biss
tnax-il ittra. Ma nafx kemm wieħed jista’ jifforma kliem minn alfabett daqstant
restritt, biss huwa lsien mitkellem ukoll.
Il-kitba għandha bżonn minn jiktibha. Hemm dik il-kitba li wieħed jagħmel
biex jinqeda, jikteb ittra lil xi ħadd, jikteb lista ta’ dak li għandu bżonn
jixtri u sitwazzjonijiet oħra bħal dawn, imbagħad hemm kitba ta’ aktar
importanza bħal ngħidu aħna xi kuntratt jew testment għand nutar. Din hija
kitba ta’ importanza kbira. Insibu wkoll kitbiet li jiġu ppubblikati f’kotba.
Hemm diversi tipi ta’ kotba, dawk maħsuba biex jgħallmu, dawk maħsuba biex
bniedem ikollu x’jaqra fil-ħin liberu tiegħu u hemm dawk li jiktbu biex
jinfurmaw lill-poplu b’dak li qed jiġri u biex il quddiem tinkiteb l-istorja.
Ħafna minn dawn tal-aħħar huma l-ġurnalisti.
Kittieba kbar li ħallew isem b’kitbeithom insibuhom mad-dinja kollha. F’pajjiżna
min ma semax b’Dun Karm Psaila, Anton Butigieg, Ġużè Galea, Wistin Born, Oliver
Friggieri, Kilin, Francis Ebejer u tant oħrajn? U min iħobb jaqra u ma ġiex
f’idejh xi ktieb ta’ William Shalespear? Nemmen li min iħobb il-qari jaf b’
Victor Hugo, b’Charles Dickens, George Orwell, Miguel de Cervantes, Dan Brown u
bosta oħrajn. Dawn kollha ħallew patrimonju ta’ kitba lid-dinja. Mhux qed
insemmi lil Dante Alighieri u l-kitba tiegħu Divina Comedia, għax dan huwa
ġeneru ta’ kitba għalih.
Apprezzament
Għidt li dawn ħallew
patrimonju. Imma kultant naħseb bejni u bejn ruħi dwar kemm hu apprezzat
il-kittieb. Jekk bniedemm imur għand artist iħallas tax-xogħol li jkun irid, u
l-istess kull qasam ieħor. Il-kitba ħija meqjusa bħala arti? Jista’ bniedem li
għandu d-don tal-kitba jgħix b’dan id-don jew tal-anqas iżommu bħala part time?
Żgur li le. Kemm hawn min japprezza s-sigħat li bniedem jgħaddi jfittex biex jikteb
artiklu li jinqara fi ftit minuti? Mhux ta’ b’xejn li bosta kittieba għexu fqar
u mietu bil-ġuħ. Qed ngħid dan biex dak li jkun tal-anqas japprezza x-xogħol
wara kull kitba.
Illum dorna naqra l-kitba u
l-għodda li tintuża biex tinkiteb u spiċċajna bi ħsieb ukoll.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Awwissu 2023
Nessun commento:
Posta un commento