Waħda mill-ibliet li kull min iżur il-Portugall jipprova
jżur hija bla duju ta’ xejn il-belt ta’ Porto. Din hija t-tieni l-akbar belt
fil-Portugall wara l-kapitali Lisbona u tinsab max-xatt tal-Oċean Atlantiku.
Hija belt magħrufa għal-inbid li jiġi prodott fiha, inbid famuż mad-dinja
kollha li għandu isem il-belt ukoll – Port Wine. Porto tat ukoll isem il-pajjiż
kollu – Portugall. Hija belt li tiġbdek lejha mill-ewwel.
Ftit storja
Porto bħala raħal kien imwaqqaf miċ-Ċelti fuq il-bokka
tax-Xmara Douro li taqsam il-post. Hawn kien okkupat mir-Rumani matul ir-raba' seklu
u dawn bidluh f'port kummerċjali li semmewh "Portus Cale". Fis-sena
456 kien invadut minn Teodoriku II, Re tal-Visigoti, li baqgħu fil-poter sas-sena
716, meta Porto kien maħkum mill-Mori.
Alfonso III iġġieled kontra l-Musulmani Mori u rebaħ Portus
Cale fis-sena 868. Fis-snin ta’ wara l-Portugall twaqqaf bħala entità politika.
Fl-1096, ir-Re Alfonso VI ta' Kastilja żewweġ lil bintu Tereża ta' León lil
Enriku tal-Burgundy u bħala dota ta lir-raġel ta’ bintu l-art tal-Portugall,
b'Porto tkun il-kapitali. Dan kien il-bidu ta’ storja twila u nistgħu ngħidu xi
ftit imqallba wkoll.
Porto saret belt rikonoxxuta għall-ġlieda tagħha fejn jidħlu d-drittijiet ċivili u matul is-seklu
dsatax u bosta kittieba u poeti importanti għexu fil-belt. Fl-1820, f'Porto
bdiet Rivoluzzjoni Liberali li titlob monarkija kostituzzjonali fil-Portugall.
Wara li Miguel tal-Portugall ħa t-tron, fl-1832 Porto rribella kontra l-ħakma assoluta
tiegħu u minħabba f’hekk għadda minn assedju ta’ tmintax-il xahar mill-armata
tar-Re Miguel. In-nies ta’ Porto ħarġu rebbieħa u r-Re Miguel abdika wara
l-bosta sagrifiċċji tal-abitanti, li b’mod erojku ġġieldu biex jiddefendu
l-Kostituzzjoni. Matul id-dittatorjat ta’ António de Oliveira Salazar li ntemm
fl-1974, l-infrastruttura ta’ Porto tjiebet ħafna. Il-belt ta’ Porto kienet
magħżula bħala l-kapitali kulturali tal-Ewropa fl-2001 u għall-okkażjoni l-belt
bniet il-"Casa da Musica".
l-Inbid Port
Inbid tal-belt ta’ Porto, magħruf ukoll bħala vinho do Porto, jew sempliċiment Port,
huwa nbid famuż Portugiż magħmul
fil-Wied tad-Douro fit-Tramuntana tal -Portugall. Tipikament huwa inbid aħmar
ħelu, ħafna drabi servut mad-deżerta iżda nsibuh ukoll f'varjetajiet dry, semi
sweet u abjad. Aktar minn mitt varjetà ta' għeneb jistgħu jiġu wżati għall-produzzjoni
tal-port, għalkemm ħamsa biss huma kkultivati fil-qrib tal-belt ta’ Porto u huma
l-aktar użati. Dawn huma l-għeneb Tinta
Barroca , Tinto Cão , Tinta Roriz ,
Touriga Francesa , u Touriga Nacional. L-inbid Port tipikament huwa aktar
sinjur, ħelu u ogħla fil-kontenut ta’ alkoħol minn inbejjed oħra. Il-port, bħal
inbid ieħor, għandu jinħażen f'post frisk iżda mhux kiesaħ u bogħod mid-dawl
tax-xemx u f'temperatura stabbli, bħal kantina, bil-flixkun imqiegħed fuq
il-ġenb tiegħu jekk ikollu sufra, jew wieqfa jekk ikun magħluq b’tapp tal-kamin. Bl-eċċezzjoni tal-port abjad, li jista' jiġi
servut imkessaħ, il-port għandu jiġi servut f'temperatura ta' bejn 15 u 20 °C.
Naħseb aħjar nieqfu hawn fuq l-inbid Port għax malajr jitla’ għal rasna!
Ikel
Wara li semmejt l-inbid tajjeb ngħid li x-xorb fuq stonku
vojt jitla’ għar-ras aktar malajr, mela ejjew naraw x’ser nieklu! Bħal kull
pajjiż ieħor u bħal kull belt kbira oħra, f’Porto ssib platti tradizzjonali li
dak li jkun qed iżur il-belt tajjeb li jduq xi ħaġa minnhom. Insemmi xi ftit
minnhom: Tripas à moda do Porto huwa platt bil-kirxa taċ-ċanga. Dan il-platt huwa
speċjalità ta’ Porto u huwa xi ħaġa li tara fuq il-menus madwar il-belt kollha.
Filwaqt li jista’ ma jinstemax wisq apetituż, tripas à moda do Porto fil-fatt
huwa platt delizzjuż u li huwa perfett għal ikla tax-xitwa, imma tajjeb ukoll
għas-sajf. Bifanas huma speċjalità oħra ta' Porto u wkoll xi ħaġa li tara fuq
il-menus madwar il-belt kollha. Dawn huma tip ta’ sandwiches magħmulin
bil-majjal mixwi u ġeneralment jiġu servuti bil-mustarda u l-patata moqlija.
Bifanas huma tajbin għal ikla ta’ malajr jew snack ħafif – insomma ħafif, mhux
wisq! Sandwich ieħor popolari huwa dak li jissejjaħ Francesinha. Dan
is-sandwich huwa magħmul bil-ħobż mimli bil-perżut, zalzett u dawra laħam u jinkesa
b’zalza tat-tadam u tal-birra. Ġieli jiġi servut ukoll ukoll b’bajda moqlija
fuqu. Il-Francesinha huwa l-aktar ikel famuż ta' Porto u għalhekk l-aktar
mibjugħ. Billi Porto hija belt max-xatt tal-Atlantiku ma jistax jonqos li hawn
insibu platti fuq bażi ta’ ħut. Bla ma noqgħod insemmi, ngħid biss li wieħed
isib għadd ta’ platti tal-bakkaljaw kif ukoll isib ħafna sardin moqli. Aħjar
nieqaf hawn għax ser niftħilkom l-aptit!
Illum ħaddkom xi ftit bogħod minn pajjiżna. Morna
l-Portugall, fit-tramuntana tal-pajjiż, f’belt magħrufa għall-istorja, il-ġmiel
tagħha kif ukoll għall-ikel u –inbid uniku tagħha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Awwissu 2023
Nessun commento:
Posta un commento