L-iktar ħaġa li kienet iddejjaq lill-kappillan kienet il-ħoss tal-muniti
jċekċku fil-qoffa waqt il-ġabra fil-quddiesa jew inkella l-ħoss tal-flus
neżlin fil-kaxxa tal-offerti ta’ quddiem l-istatwa ta’ Sant’Antnin waqt li kien
ikun qiegħed jagħmel il-meditazzjoni. Ried jara x’jagħmel għax dawn il-ħsejjes
kienu qegħdin idejquh tassew. Qatagħha li fil-quddies ma jsirx iktar ġbir u
neħħa kull kaxxa tal-offerti minn ġewwa l-knisja.
Issa beda jkun hemm skiet perfett, la ċekċik ta’ muniti u lanqas ħsejjes ta’
flus nieżla fl-kaxxa tal-qaddis ta’ Padova. Fil-bidu kien hemm min ma qabilx
mal-kappillan imma l-biċċa ma damitx biex indrat u ħadd aktar ma baqa’ jieħu
flus miegħu meta jmur il-knisja.
Madwar xahrejn wara wasal il-kont tad-dawl tal-knisja. Flus biex iħallas ma
kellux il-kappillan u għalhekk mar bil-kont fl-uffiċċju fejn jitħallsu
l-kontijiet. Kif daħal sab skrivan minn tagħna, fissirlu sewwa x’inhi l-qagħda
tiegħu u ftiehem miegħu li minflok il-flus tal-kont kien sejjer jagħmillu
għaxar quddisiet għal ruħ ommu u missieru. L-iskrivan tar bil-ferħ u dlonk
qabad it-timbru u ċapċap biċċa ta’ PAID
daqsxiex fuq il-kont. Mela l-kont tad-dawl tħallas.
Dik il-ħabta wkoll fil-knisja kien hemm żewġ ħaddiema jagħmlu xi xogħol. Meta
lestew dak li kellhom jagħmlu marru fis-sagristija jfittxu lill-kappillan
sabiex jieħdu ħlashom. Kif rahom il-kappillan fetaħ il-kaxxarizz, ħareġ mazz
santi u qasamulhom bejniethom. Qalilhom li dan kien il-ħlas tagħhom. Tant ferħu dawk il-ħadiema bis-santi
tal-kappillan li minn dakinhar ma riedux aktar flus ta’ xogħolhom imma kienu
jitolbu biss mazz santi ta’ kull biċċa xogħol li kienu jagħmlu.
Wara x-xogħol tal-ħaddiema kien jeħtieġ tindifa l-knisja. Il-kappillan mar sal-ħanut tal-pjazza u għamel xirja
xirjun. Ftakar ukoll li fil-lokijiet tal-knisja kienu spiċċaw is-sapun u
l-karti u għalhekk ħaseb għalihom ukoll. Xħin tal-ħanut għamillu l-kont,
il-kappillan qallu li kien ser iħallsu billi jgħid ħames posti rużarju
għall-bżonnijiet tiegħu. Sid il-ħanut qabad u rduppjalu x-xirja u talbu li
minflok ħames posti jgħid għaxra.
Meta xi mara fqira kienet iddoqq il-qanpiena tal-bieb tad-dar tal-kappillan
u titolbu l-għajnuna, dan kien idaħħalha fl-uffiċċju u jibda jirrakkonta salt
stejjer ta’ qaddisin. B’dawn l-istejjer kienet timla żaqqha hi u titma’
lill-uliedha mġewħa. Ma kienx jonqos li jagħtiha xi żewġ domni wkoll biex iżżommhom
għall-emerġenza.
Trinnnnnn triiinnnnn trinnnnn. Daqq l-iżverjalin biex javża lill-kappillan
li kienu saru l-ħamsa ta’ filgħodu u kien sar il-ħin biex iqum u jmur jiftaħ
il-knisja u jqaddes tal-ewwel. Allura dak kollu kien ħolma? Il-kont tad-dawl
kien għadu ma tħallasx? U x-xirja mingħand tal-ħanut ma tpattietx bir-rużarju?
Intebaħ li l-ħaddiema li lestew xogħolhom fil-knisja mazz ewro jridu u mhux
mazz santi. Induna li kienet ħolma, qam mis-sodda, ħasel wiċċu, xedd s-suttana
u telaq jiftaħ il-knisja bil-qalb it-tajba.
Mill-ktieb tiegħi "Minn kitbieti"
Nessun commento:
Posta un commento