sabato 12 agosto 2023

Rajt id-dinja tinbidel

 

Il-kapolavur ta’ Herbert Ganado bla dubju huwa l-ktieb jew aħjar l-erba’ volumi tal-ktieb “Rajt Malta tinbidel”. Ganado jikteb dwar tfulitu, żgħożitu u l-ħajja tiegħu bħala adult u waqt li jirrakkonta, baxx baxx, juri l-elf bidla li seħħew matul il-mixja ta’ ħajtu. Ra elf żvilupp, ra elf bidla, ra elf ħaġa tinbidel u tmur il quddiem jew lura. U aħna, li twelidna l-millennju l-ieħor imma issa qed ngħixu f’dan il-millenju nistgħu ngħidu wkoll li aħna xhieda ta’ bosta u bosta tibdil. Aħna nistgħu ngħidu li rajna d-dinja tinbidel.Dak li kienu jbassrulna l-kbar qed ngħixuh fir-realtà.

Informatika

Illum qed ngħixu fi żmien ta’ teknoloġija avanzata li fi tfulitna konna nisimgħu biha, noħolmuha imma qatt ma konna nemmnu li għad narawha tabilħaqq. Wieħed mill-għalliema tiegħu, tal-primarja, kien jgħidilna li għad jasal żmien li t-televiżjoni jkun tant irqieq li jitwaħħal mal-ħajt qisu nkwatru. Kien jgħidilna li t-telefon għad isir apparat li mhux biss nistgħu lil min ikun qed ikellimna imma saħansitra nibdew narawh. Meta konna ngħidu dawn l-affarijiet lill-adulti kienu jgħidulna li konna qed noħolmu, li konna naraw ħafna cartoons. Kien żmien li wħud minna la kellhom televiżjoni u lanqas telefon id-dar. U min kellu dan l-apparat kellu televiżjoni kbir donnu gwardarobba u jekk kellu telefon kien wieħed bir-rota tan-numri.

Illum dak li kien jidher impossibbli sar il-verità. It-televiżjoni sar irqieq u t-telefon tal-wajer ħadlu postu l-mobile. Programmi fuq l-internet jagħtuna l-opportunità li naraw lil dak jew dik li nkunu qed inkellmu.

Sirna nitkellmu dwar “intelligenza artifiċjali”. Din l-intelliġenza għenet mhux ftit lill-bniedem imma kellha prezz għoli wkoll magħha. Nibża’ li l-intelliġenza artifiċjali naqqset l-intelliġenza reali, dik li suppost hu mogħni biha kull bniedem. Qabel kien ikollna nħabblu rasna, anke biex ngħoddu somma ċkejkna, illum bil-calculator mal-mobile. Qabel kien ikollna niftakru mitt numru tat-telefon, illum bilkemm niftakru x’inhu n-numru tagħna stess. Qabel konna nitgħallmu lsien u konna rridu niftakru kif jinkiteb il-kliem. Illum il-kompjuter dlonk jurik jekk tkun ktibt xi kelma żbaljata. Nibża’ li din il-kumdità kollha għażżnet moħħ il-bniedem u naqqsittlu l-intelliġenza.

Turiżmu

Bidla oħra li nistgħu ngħidu li rajna sseħħ fi żminijiet tagħna hija fit-turiżmu. Is-safar kien għalina xi ħaġa ta’ lussu li tagħmlu rarament. Illum mhux hekk, illum is-safar sar xi ħaġa komuni. Hawn min aktar jirkeb ajruplani milli jirkeb il-karozza tal-linja. Is-safar jew bħala xogħol jew għat-turiżmu sar isir  minn kulħadd.

U hawn ħsiebi jmur fuq it-turist li jżur pajjiżna. It-turist li jżur Malta llum għadu l-istess bħat-turist ta’ għoxrin jew tletin sena ilu? Il-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna għadhom jattiraw lit-turist li jżurna?

Kont qed nitkellem ma’ ħabib tiegħi Sqalli. Huwa qalli li llum Malta għandha l-fama ta’ pajjiż li tmur fih u ssib drogi kemm trid. Qalli li bosta jiġu Malta għax isibu prostituti kemm iridu. Qalli li minn Sqallija jiġu Malta filgħaxija, immorru jgħaddu l-lejl jixorbu u jitbaħartu u filgħodu jerġgħu lura pajjiżhom. Kemm hu veru dan li qalli dan il-ħabib tiegħi ma nafx. Ma nafx jekk hux minnu jew le .... imma aktarx li din hija l-fama li qed jieħu pajjiżna.

Bdejt nirrifletti ftit fuq kliem sieħbi u rrealizzajt li ma jistax ikun kollu gideb dak li qalli. Kemm turisti jżuru pajjiżna u jmorru jżuru t-tant postijiet storiċi u kulturali li tħaddan il-gżira tagħna? Hemm min iżurhom imma nibża’ li dawn huma l-minoranza. Tgħid it-tiġieġa li kienet tbid bajd tad-deheb qtilnieha u għamilniehom brodu? Jekk inhu hekk ħażin, għax it-tiġieġa tbid bajda kuljum imma l-brodu tagħha kemm se ddum tiekol minnu?

Imġiba

Bidla oħra li naraw b’għajnejna hija fl-imġiba. Qabel nemmen li kien hawn aktar rispett lejn kull tip ta’ awtorità. Illum kulħadd jikteb u jgħajjar lil min ma jaqbilx miegħu. L-ulied sar għandhom aktar drittijiet imma qed ninsew ngħallmuhom li mad-drittijiet hemm ukoll id-dmirijiet. Spiċċajna nisirqu d-drittijiet tal-ġenituri bl-iskuża tal-progress. Hekk sew?

Ngħidu li x-xemx minn filgħodu turi. Meta nara l-imġiba ta’ xi tfal lejn il-ġenituri tagħhom ngħid aħseb u ara mal-barranin. Forsi qed neseġera? Illum edukatur jibża’ jiġbed l-attenzjoni ta’ adolexxent għax malajr jakkużawh b’abbuż! Hekk sirna.

Dawn kienu ftit ħsibijiet tiegħi dwar il-ħajja tal-lum u dik ta’ dari. Dawk tampari jistgħu jgħidu bħali li raw id-dinja tinbidel. Nagħmel mistoqsija retorika: rajna d-dinja tinbidel għall-aħjar jew għall-agħar? Le mhux kollox ħażin imma lanqas hu kollox sewwa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Awwissu 2023



Nessun commento:

Posta un commento