Visualizzazione post con etichetta Bari. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Bari. Mostra tutti i post

sabato 23 dicembre 2023

Father Christmas

Ix-xwejjaħ bid-daqna bajdanija, liebes ilbies ħamrani, li jidħol fi djarna kull 24 ta' Diċembru, huwa maħbub madwar id-dinja u magħruf b'ħafna ismijiet: Father Christmas, San Nikola jew Santa Klaws. Dan huwa karattru li nsibu f'ħafna kulturi fejn hemm it-tradizzjoni tal-Milied, l-aktar fil-Punent, kif ukoll fil-Ġappun u partijiet oħra tal-Asja tal-Lvant.  Minn fejn ġie u xi storja għandu?

Il-verżjonijiet kollha ta’ Santa Klaws li niltaqgħu magħhom fil-pajjiżi li jitkellmu bl-Ingliż, ġejjin prinċipalment mill-istess figura storika: San Nikola, isqof ta’ Mira, illum Demre, belt li tinsab fit-Turkija. Illum dan il-qaddis huwa aktar marbut mal-belt ta’ Bari u għalhekk insejħulu San Nikola ta’ Bari. Il-laqam Santa Klaws ġej minn Sinterklaas, l-isem Olandiż għal San Nikola.

San Nikola

San Nikola huwa wieħed mill-aktar qaddisin meqjumin u maħbubin fid-dinja. Ftit li xejn hu magħruf dwar it-tfulija tiegħu. L-ewwel li tkellem dwaru kien patri Grieg, Arkimandrita Mikiel, fis-seklu 8. Il-karità u l-kastità huma ż-żewġ virtujiet li jiffurmaw l-isfond għal wieħed mill-aktar episodji famużi ta’ ħajtu. Tabilħaqq, l-artisti, speċjalment dawk tal-Punent, ġew ispirati minn dan l-episodju biex jidentifikaw is-simbolu li jikkaratterizza lil dan il-qaddis. Fil-fatt, meta tara statwa jew pittura li turi isqof qaddis tal-antikità, faċli tiżbalja min hu dak il-qaddis. Jista’ jkun San Bażilju, San Bjaġju, San Girgor, Sant Ambroġ jew Santu Wistin ngħidu aħna.  U tabilħaqq huwa hekk għax anke f'kotba ta' kwalità artistika għolja, dawn l-iżbalji spiss jinstabu. Madankollu, id-devot ta’ San Nikola għandu sinjal infallibbli biex dlonk jintebaħ jekk huwiex San Nikola jew wieħed minn dawn il-qaddisin l-oħra. Isqof li għandu tliet blalen tad-deheb f’idu jew ħdejn riġlejh huwa żgur San Nikola u bl-ebda mod ma jista’ jkun qaddis ieħor. It-tliet blalen tad-deheb huma fil-fatt deformazzjoni artistika tal-boroż mimlija muniti tad-deheb, li huma fiċ-ċentru ta’ din l-istorja.

L-istorja

Issa nimmaġina li dħaltu fil-kurżità biex tkunu tafu l-istorja li qed insemmu. L-episodju jseħħ f’Mira, belt mal-baħar madwar mitt kilometru bogħod minn Patara, fejn Nikola x’aktarx kien mar joqgħod mal-ġenituri tiegħu. Darba wasallu tagħrif li familja kienet għaddejja minn żminijiet diffiċli. Sinjur, li kien waqa' f'faqar kbir, iddisprat li ma jistax joffri żwieġ deċenti lil uliedu bniet, kien issuġġerielhom li jipprostitwixxu lilhom infushom sabiex jiġbru biżżejjed flus għat-tieġ.

Malli sema’ proposta bħal din, Nikola ddeċieda li jintervjeni, u li jagħmel dan skont il-parir evanġeliku: ħalli idek ix-xellugija ma tkunx taf x’qed tagħmel il-leminija. Fi kliem ieħor, ried jagħmel att ta’ karità, mingħajr ma n-nies ikun jafu x’għamel. Il-virtù tiegħu kellha tkun magħrufa biss minn Alla u mhux mill-bnedmin. Għalhekk iddeċieda li jwettaq il-ħsieb tiegħu bil-lejl. Geżwer xi muniti tad-deheb f’borża tad-drapp, telaq mid-dar u wasal id-dar ta’ missier dawn il-bniet. Meta resaq lejn it-tieqa, għadda idu mill-gradilja u tefa’ l-borża ġewwa. Il-ħoss tagħhom qajjem lill-missier it-tfajliet, li ġabar il-flus u bihom organizza ż-żwieġ ta’ bintu l-kbir. Meta Nikola ra li l-missier kien uża tajjeb il-flus li kien tah, ried jirrepeti l-ġest. Għalhekk din l-istorja ġrat għat-tieni darba sabiex iżżewġet ukoll it-tifla l-fustanija. Issa l-missier kellu kurżità kbira biex isir jaf min kien dak il-benefattur u għalhekk meta waslet biex it-tifla ż-żgħira tieħu l-istat tagħha, kien jibqa’ mqajjem. Meta Nikola mar jitfa’ t-tielet borża bil-flus, il-missier ħareġ jiġri minn daru u ftit wara sab lil Nikola. Il-qaddis talbu biex ma jgħid xejn lil ħadd dwar dawn l-għotjiet, biss ladarba nafu b’dawn il-fatti aħna sinjal li l-missier xi darba jew oħra fetaħ ħalqu!

Din hija biss waħda mill-istejjer marbutin ma’ dan il-qaddis, hemm oħrajn imma llum din biżżejjed biex nifhmu r-rabta ta’ San Nikola u Father Christmas.

U Father Christmas?

Hawn naraw kif bdiet id-drawwa tat-tqassim tar-rigali minn Father Christmas. Il-ħwejjeġ li narawh liebes illum oriġinaw minn ħwejjeġ ta’ isqof. Il-kapott kien il-pjaneta filwaqt li l-barnuża evolviet mill-mitra li jilbes isqof fuq rasu. Il-Father Christmas oriġinali Brittaniku, kif muri fis-seklu 17, kellu daqna, iżda ma kinitx bajda u l-kulur tal-ħwejjeġ tiegħu kien aħdar u mhux aħmar. Jingħad li kienet kumpanija li tipproduċi xarba popolari li biddlet il-lewn tal-libsa ta’ Father Christmas billi l-aħmar kien u għadu marbut ma’ din il-kumpanija multinazzjonali. Għandek tgħid id-dinja tal-kummerċ tidħol kullimkien! Hu x’inhu dan huwa l-mod kif oriġina dan il-karattru hekk marbut mal-Milied.

San Nikola kien, u għadu, figura ta’ ispirazzjoni kbira tant li minkejja li l-belt fejn twieled issa hija fil-biċċa l-kbira Musulmana, u għalhekk ma jkunx iċċelebrat il-Milied, xorta waħda jiċċelebraw il-figura ta’ Santa Klaws.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Diċembru 2023



sabato 19 agosto 2017

INŻURU POSTIJIET DUMNIKANI GĦEŻIEŻ


Ruma
Lejn l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, grupp ta’ 17-il Dumnikan ingħaqad biex imur inżur xi wħud mill-aktar postijiet għeżież għad-Dumnikani ġewwa l-Italja. Il-grupp kien kompost minn għadd ta’ nies differenti kemm fl-età kif ukoll fil-ħajja tagħhom. Minn żgħażagħ taħt l-20 sena sa pensjonanti, minn industrijalist għal pulizija, gwardjan, patri, ħaddiema tal-id u oħrajn tal-pinna kif ukoll kif diġa semmejt, pensjonanti.
Il-mawra bdiet f’Ruma – il-belt eterna. Hemmhekk żorna xi wħud mill-bosta knejjes li hemm u ma jistax jonqos li nżuru l-Vatikan. Żorna wkoll il-mużew tal-Vatikan – esperjenza li ma tintesiex. Ruma wkoll hemm il-kurja ċentrali tal-Ordni Dumnikan u għalhekk żorna l-bażilika ta’ Santa Sabina u l-Kurja Dumnikana fuq l-għolja tal-Avventino. Hemmhekk il-grupp kellu quddiesa bil-Malti fiċ-ċella ta’ San Duminku. Wara kienu mdawrin mal-post minn Patri Llewellyn Muscat. Filgħaxijiet ma naqasx id-divertiment, id-daħq u ċ-ċajt li tistenna meta jiltaqa’ grupp ta’ ħbieb bħal dan.
Bologna
Minn Ruma l-grupp telaq lejn Bologna – il-belt li fiha miet u għadu midfun il-qaddis tagħna Duminku. Il-qofol tal-jiem ġewwa Bologna kienu l-quddiesa bil-Malti li tqaddset fuq il-qabar ta’ San Duminku. Kull Dumnikan joħlom li xi darba jżur Bologna u jmur jara b’għajnejh l-arka fejn jinstab midfun Missierna. Il-grupp tagħna mhux biss kellu x-xorti li jżur dan il-post għażiż iżda kellu wkoll quddiesa fuq dan il-qabar. Wara din il-quddiesa l-grupp iddaħħal fiċ-ċella fejn miet San Duminku u fil-korin jew kif jissejjaħ, il-kapitlu tal-Kunvent ta’ Bologna fejn hemm l-ewwel pittura ta’ San Duminku, dak li kulħadd isejjaħlu l-anonu  għax ma nafux l-artist li pittru. Bologna hija belt sabiħa u organizzata ħafna. Hemmhekk żorna l-katidral ta’ San Pietru, il-knisja ta’ San Petronju – waħda mill-akbar knejjes fid-dinja u morna wkoll inżuru s-santwarju tal-Madonna ta’ San Luqa, li oriġinarjament kienet knisja tad-Dumnikani. Dan is-santwarju huwa għażiż ħafna għan-nies ta’ Bologna. Dan jinstab fuq l-għola parti tal-belt. Billi l-post fejn kien alloġġjat il-grupp ma kienx wisq bogħod mill-knisja ta’ San Duminku, bosta kienu dawk li żaruha ta’ kuljum, u forsi anke aktar minn darba.
Napli
Minn Bologna l-grupp telaq lejn Napli – il belt li fi żmien kienet kapitali ta’ Renju, kienet ukoll provinċja Dumnikana awtonoma. Illum din il-belt sabiħa tilfet ħafna mill-importanza tagħha iżda mhux mill-faxxinu li toffri lil dak li jżurha. Ovvjament meta tkun għadek kif ħallejt Bologna u tmur Napli tħoss ix-xokk kulturali, tara d-differenza f’kollox, dawn huma żewġt ibliet li donnhom il-lejl u n-nhar, l-abjad u l-iswed. Hemmhekk il-grupp kellu quddiesa oħra bil-Malti ġewwa l-knisja ferm sabiħa ta’ San Domenico Maggiore. Fil-kunvent li hemm ma’ din il-knisja kien jgħix San Tumas ta’ Akwinu, u l-grupp wara l-quddiesa kien imdawwar mal-mużew tal-knisja, mal-kunvnet u żar ukoll iċ-ċella ta’ San Tumas. Hemmhekk hemm merfugħ bl-akbar għożża, il-pittura tal-kurċifiss li kellem lil dan il-qaddis Dumnikan. Ladarba l-grupp kien Napli ma setax jonqos li jżur it-triq magħrufa għall-presepji – Via Gregorio Armeno. Fit-tarf ta’ din it-triq insibu l-bażilika San Paolo Maggiore fejn hemm il-qabar ta’ San Gejtanu. Billi ma aħniex mill-Ħamrun, xorta morna nżuru l-qabar ta’ dan il-qaddis maħbub. Żorna wkoll bosta knejjes oħra li hemm fiċ-ċentru tal-belt, fosthom il-knisja ta’ Ġesù Nuovo, meravilja ta’ arti fl-irħam – knisja li ma fiha xejn nieqes u xejn żejjed. Ma jistax jonqos li ssir żjara lid-duomo, il-knisja ta’ San Ġennaru. Qabel ma l-grupp daħal fil-knisja żar it-teżor ta’ dan il-qaddis. Dan huwa teżor għani ferm li fil-valur tiegħu jaqbeż sewwa l-Crown Jewels ta’ Londra.
L-aħħar vjaġġ kien minn Napli għal Bari. Hemmhekk l-aktar qaddis magħruf u marbut ma’ din il-belt huwa San Nikola. Lanqas aħna mis-Siġġiewi imma morna nżuru l-knisja ta’ dan il-qaddis li hija parti mill-kunvent tad-Dumnikani. Hemmhekk saret dawra sewwa mal-knisja. Wieħed dlonk jinnota l-preżenza ta’ bosta Nsara Ortodossi f’din il-knisja. Il-fatt li San Nikola kien qaddis Grieg u li l-kult tiegħu huwa mifrux sewwa fid-Dinja Ortodossa, iwassal bosta Nsara Ortodossi biex iżuru din il-knisja. Fil-fatt ta’ kuljum jaslu mijiet ta’ pellegrini Ortodossi li flimkien mal-Insara ta’ Rit Ruman, bħalna, jagħti ġieħ lil dan il-qaddis. Minkejja li l-mawra tal-grupp ġewwa Bari kienet waħda qasira, xorta kien hemm il-ħin biex wieħed jara ftit il-belt, u ovvjament anke instab ħin għal flixkun birra kiesħa.
Għaddiet ġimgħa bħal ħolma, ġimgħa fejn bosta ħolm sar realtà, fejn ix-xewqa ta’ bosta li jżuru l-aktar postijiet Dumnikani għeżież fl-Italja, seħħet.

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Duminku Il-Birgu 2017