Visualizzazione post con etichetta CINA. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta CINA. Mostra tutti i post

venerdì 8 gennaio 2021

Ħarsa lura u oħra ’l quddiem

 Ħsibijiet fil-bidu ta’ sena ġdida

Hekk kif tintemm sena u tibda oħra bla ma rridu nagħtu ħarsa lura biex naraw kif morna fis-sena li tkun intemmet u fl-istess waqt nibdew inħarsu lejn is-sena li tkun għadha kemm bdiet, bit-tama li dik li jkollna quddiemna tkun aħjar minn dik li nkunu għadna kif ħallejna warajna.

Fil-bidu ta’ din is-sena, din ir-riflessjoni żgur li kulħadd sejjer jagħmilha, tfal, adolexxenti, żgħażagħ, adulti u xjuħ. Is-sena 2020 kienet waħda li ħadd minnha ma jiftakar waħda bħalha, kienet sena li ma nistgħux insejħulha “tajba”, imma minkejja kollox għadna għaddejjin. Żgur li x-xewqa ta’ kull wieħed u waħda minna hija li s-sena 2021 tkun differenti għal kollox minn dik li tnemmet ftit jiem ilu.

X’tgħallimna?

Kien fl-ewwel ġimgħat tas-sena 2020 li bdejna nisimgħu b’virus ġdid li beda jinfirex fiċ-Ċina. Billi llum id-dinja kollha saret donnha raħal wieħed, sewwasew kif bassar il-Kanadiż Marshall McLuhan fil-kotba tiegħu The Gutenberg Galaxy: The Making of Typographic Man tas-sena 1962 u Understanding Media li ħareġ sentejn wara, din il-marda ma kinitx inkwetanti biss fiċ-Ċina imma spiċċat biex kiddet id-dinja kollha. Mal-“Global Village” ta’ McLuhan inżid it-teorija ta’ Zygmunt Bauman li titkellem dwar soċjetà likwida, jiġifieri soċjetà mhux stabbli f’post wieħed, umanità li dejjem tiċċaqlaq sewwasew bħal element likwidu li ma jibqax stabbli bħalma jibqa’ wieħed solidu. Mela bit-teoriji ta’ McLuhan u ta’ Bauman nistgħu nikkonkludu li billi d-dinja saret qisha raħal wieħed u dak li jkun faċli jivjaġġa minn post għal ieħor bla bosta xkiel żejjed u għax is-soċjetà tad-dinja kollha saret likwida, timxi minn post għal ieħor il-ħin kollu, dan il-virus inxtered mad-dinja kollha tant li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, (WHO) iddikjarat pandemija.



Kellna nibdlu l-istil tal-ħajja tagħna. Bniedem li tafu ma bqajtx toħodlu b’idu u persuna għażiża ma bqajtx tgħannaqha u tħaddanha miegħek. Dawk il-ġesti li kienu jfissru mħabba jew għaqda dlonk spiċċaw ifissru l-kuntratju tat-tifsira oriġinarja tagħhom. Imma x’tgħallimna? Kellna ħin nitgħallmu jekk irridu. Indunajna li biex isir ix-xogħol ma hemmx bżonn li wieħed iħalli daru. Hemm ħidmiet li jistgħu jsiru mid-dar. Ovvjament mhux kull xogħol jista’ jsir minn darna, imma iva, hemm xogħol li tista’ tagħmlu minn kamartek bla ma tħalli darek. Dan huwa eżempju wieħed biss. Kien hemm bosta okkażjonijiet oħra li stajna nitgħallmu  minnhom is-sena l-oħra.

Il-widnejn

Is-sena li għaddiet indunajna li l-bniedem għandu par widnejn mhux biex jisma’ minnhom biss, mhux biex ikollu fejn ipoġġi n-nuċċali biss, mhux biex intaqqbuhom għall-misluta. Widnejna bdew ikollhom magħhom il-lasktu tal-maskra. Kemm qalulna l-awtoritajiet tas-saħħa biex il-maskra nilbsuha sewwa, li trid tgħatti l-imnieħer il-ħalq u l-geddum. Madanakollu xorta bqajna naraw ħafna jilbsu l-maskra mhux kif suppost. F’dawn il-każi widnejna servew biss għal-lasktu tal-maskra, widnejna kienu hemm biss bħala ornament għax ma smajniex.

Żewġt iqwiel

Il-qwiel ma huma xejn għajr għerf missirijietna, għerf li aħna writna mingħandhom, għerf li bnew huma mill-esperjenza tal-ħajja. Matul din il-pandemija bdew jiġu f’moħħi żewġ proverbi Maltin. L-ewwel wieħed huwa: “Tgħoddx il-flieles qabel ma jfaqqsu.” Dan il-proverbju għandu ħuħ bil-kontra tiegħu li wkoll jgħidlek biex tkun prudenti: “Tinfaxxax rasek qabel taqsamha!” Fil-pandemija naħseb li kien hemm fejn għoddejna l-flieles qabel ma faqqsu u rasna ħallejniha tinqasm bla ma nfaxxajniha.

Qawl ieħor li ġie f’moħħi f’dawn ix-xhur huwa dan: “Il-paroli fil-vojt lanqas għall-avukati mhu tajjeb!” Kemm smajna u kemm qrajna ħmerijiet, dwar il-virus, dwar il-vaċċin u dwar elf ħaġa oħra. La bdejna bil-qwiel insemmin ieħor: “il-ħobż tih lil min jaf jieklu u x-xogħol lil minn jaf jagħmlu.” Minn wara t-tastiera tal-kompjuter tista’ tgħid jew aħjar tikteb li trid, u jkollna ngħidu li kien hawn min kiteb il-ħmerijiet.

Il quddiem

Imma l-ħajja tibqa’ għaddejja. Il-ħajja tibqa’ miexja ’l quddiem bla ma tieqaf jew tieħu xi waqfa qasira. Irridu nħarsu lejn dak li ġej mingħajr ma ninsew dak li għaddejna minnu. Jekk ninsew x’seħħ fis-sena 2020, din tkun sena moħlija, sena li għaddiet minn fuqna u ħlitilna ammont ta’ ġimgħat minn ħajjitna. Irridu nħarsu il quddiem b’ottimiżmu, b’tama li ser inkunu aħjar milli aħna bħalissa. Il-pandemija tat daqqa ta’ ħarta lid-dinja kollha, lil kulħadd, lil kull settur fid-dinja. Kellna nagħmlu sagrifiċċju, kellna nwarrbu dak li xtaqna nagħmlu, dak li kellna programmat. Imma sakemm għad għandna l-ħajja nistgħu inwettqu dak li pjanajna aktar il quddiem. Dawk li ħallewna biss ma jistgħux jibdlu l-ħolm tagħhom f’realtà. Aħna għadna hawn minkejja kollox. Aħna xxurtjati aktar minn dawk li matul is-sena 2020 temmew il-vjaġġ tagħhom fuq din id-dinja. It-tama hija l-aħħar li tmut.

Jalla s-sena 2020 tkun waħda li minnha tgħallimmna xi ħaġa u l-2021 tkun waħda aħjar minn ta’ qabilha.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Jannar 2021




venerdì 30 novembre 2018

Kikkra tè


Naħseb li lkoll kemm aħna xi darba poġġejna bilqegħda biex nieħdu xi kikkra tè bil-kwiet. X’hemm isbaħ minn kikkra tè waqt li tkun qed taqra l-gazzetta filgħodu? X’hemm aqwa minn daqsxejn tè għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar? Forsi hawn min jippreferi kafè. Jien ngħid għalija nħobbhom it-tnejn u għalhekk matul il-jum nibda b’kafè imma f’xi ħin jew ieħor matul il-jum nieħu xi tè wkoll. Waqt pawsa minn dawn, b’bott, jew aħjar b’magg,  tè ħdejja moħħi telaq il bogħod u beda jaħseb dwar kif oriġinat din ix-xarba.

Ilbieraħ u llum
Nibda biex ngħid li hemm bosta tipi ta’ tè imma llum mhux sejjer noqgħod nidħol fid-dettall ta’ kemm tipi ta’ tè nsibu madwar id-dinja għax fl-aħħar mill-aħħar sejrin iffokaw dwar ix-xarba, l-infużjoni tal-weraq tat-tè.

Illum biex wieħed jipprepara tazza tè ma jridx wisq xogħol, kemm jitfa’ l-misħun jagħli fit-tazza li jkun fiha l-borża tat-tè, biss sa ftit snin ilu it-tè ma kienx ikun fil-borża imma kien jinxtara f’weraq imfarrkin. Ftit minn dawn il-weraq kienu jitpoġġew f’passatur u l-misħun jintefa’ mill-istanjata għal ġol-passatur li jkun fuq it-tazza. Hawn min jgħidlek li dak it-tè kien bil-wisq itjeb minn dak li qegħdin nixorbu llum. Nasal biex ngħid li min jgħid hekk għandu raġun biex ibigħ, imma llum minħabba d-dinja mgħaġġla li qed ngħixu fiha, kollox sirna rridu malajr, anke kikkra tè!

Aktarx li t-tè bdew jixorbuh l-ewwel iċ-Ċiniżi daqs nofs seklu qabel it-twelid ta’ Kristu imma hemm min isostni li din ix-xarba fost dan il-poplu hija antika aktar minn hekk. Fil-fatt anke l-isem ta’ dawn il-weraq u tax-xarba ġej miċ-Ċiniż. Huma jsejħulu Tù. Kollu ta’ xejn niktibha biċ-Ċiniż għax ma nafx kemm minna jafu jaqraw dik il-lingwa, (lanqas jien biex nifthemu!), imma l-ħoss hu dak: Tù. Jekk taħseb ftit tinduna kemm il-kelma hi qrib dik li nużaw aħna għal din ix-xarba. Fil-Lbiċ taċ-Ċina it-tè kien jinxtorob bħala mediċina kontra l-irjieħat u xi mard ieħor iżda biż-żmien din ix-xarba saret popolari mal-pajjiż kollu mhux biss bħala mezz ta’ fejqan imma anke bħala xarba filgħodu jew wara l-ikel.

Nibqgħu fl-Asja u nsemmu l-Indja.Kif tista’ tifred it-tè minn dan il-pajjiż? It-tè Indja huwa xarba tabilħaqq tajba. Huma jsejħulha Masala chai. Hija xarba magħmula minn weraq tat-tè mgħollijin flimkien ma’ għadd ta’ ħwawar bħal kanella, msiemer tal-qronfol, naċemuskata u iva ftit bżar iswed. Wara li jitgħalla kollox jiżdied miegħu l-ħalib mgħolli jew kważi jagħli. L-Indjani jużaw il-ħalib tal-bafflu imma anke ħalib tal-baqar tajjeb ukoll.

Semmejt biss liċ-Ċina u l-Indja għaliex bejniethom dawn il-pajjiżi jipproduċu kważi żewġ terzi tat-tè tad-dinja. Bilfors li jkun hekk għax anke fil-popolazzjoni, minn aktar minn seba’ biljun ruħ madwar id-dinja, fihom insibu aktar minn żewġ biljuni u nofs…. Il-produzzjoni kollox bil kbir hemmhekk!

Fl-Ewropa
It-tè fl-Ewropa beda jasal mill-Asja fis-seklu XVI. Aktarx li kienu l-missjunarji Portuġiżi li bdew jieħdu xi weraq tat-tè magħhom lejn id-dar u ftit ftit in-neguzjanti bdew jimpurtawh.  Fis-seklu ta’ wara d-drawwa li jinxtorob it-tè daħħlet ukoll fid-dinja Brittanika. Billi l-Imperu Brittaniku kien imexxi lill-Indja kienet ħaġa minn awl id-dinja li dawn iduqu din ix-xarba u jagħmlu l-verżjoni tagħha għalihom. Bl-esportazzjoni tat-tè mill-Indja lejn l-Ingliterra il-produzzjoni ta’ dawn il-weraq f’dan il-pajjiż issa ssupera lil dak taċ-Ċina. Illum l-Ingilterra hija waħda mill-akbar konsumatur tat-tè fid-dinja. Għall-bidu din kienet xarba tal-klassi l-għolja imma biż-żmien saret ix-xarba ta’ kulħadd. Il-Brittaniċi jixorbu t-tè bil-ħalib u ma tanx hu komuni li jixorbuh iswed jew bil-lumi.

Il-pjanta tat-te'
Darba kont ir-Repubblika Ċeka u dħalt ġo ħanut ma’ żewġt iħbieb biex nieħdu tè forsi ntaffu ftit il-kesħa ta’ barra. Ordnajna u wara ftit waslet l-ordni, tliet kikkri tè. Meta rajna li kien tè iswed, tlabna ftit ħalib għal miegħu. Tal-ħanut ma riedx jemmen li konna sejrin nitfgħu l-ħalib mat-tè u wara ħafna ġabilna buqar ċkejken bil-ħalib. Xħin doqna dak it-tè dlonk berraqna għajnejna. Kien tè bil-lumi għax l-użanza ta’ dak il-pajjiż hi li t-tè jieħduh bil-lumi. Għalhekk sid il-ħanut berraq għajnejh. It-tè bil-lumi u l-ħalib ħallejnieh fuq il-mejda. Kif konna sejrin infehmu lis-sid li ridna tè bla lumi meta ma kienx jaf jitkellem ħlief biċ-Ċek?

Hawn Malta wkoll għandna d-drawwa li nixorbu t-tè. Forsi qabel konna nsibu aktar mil-lum ħwienet li jservu t-tè. U ħa ngħiduha kif inhi: x’hemm itjeb minn tazza tè bil-ħalib u żewġ pastizzi? Wisq probabbli li d-drawwa tat-tè ħadniha mill-Ingliżi meta kien jaħkmu lil pajjiżna.
X’dinja! X’diversità! Kollox minn werqa ta’ pjanta jew aħjar arbuxxell imma b’dinja ta’ togħmiet u varjetajiet.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  1 ta' Diċembru 2018





martedì 21 ottobre 2014

MIN JISTA' JAĦTAR L-ISQOF

L-aktar kitba antika li nafu biha u li ssemmi l-konsagrazzjoni ta’ isqof insibuha fl-ewwel ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju. Din l-ittra inkitbet lejn l-aħħar tal-ewwel seklu, meta l-Knisja kienet bdiet tinfirex sewwa u għalhekk kien jeħtieġ li tkun organizzata.  Pawlu kien ħalla lil Timotju bħala isqof ġewwa Efesu, għall-ħabta tas-sena 62 jew 64, ftit qabel ma d-destin ried li jiġi Malta. F’ din l-ittra Pawlu jgħid: “Ibqa’ f’Efesu, bħalma wissejtek jien u sejjer lejn il-Maċedonja, biex tordna lil xi wħud ħalli ma jgħallmux tagħlim ieħor.” [1Tim:1:3]. Fl-Atti tal-Appostli nsibu wkoll silta li titratta l-isqfijiet. “Fil-Knisja ta’ Antjokja kien hemm xi profeti u għalliema: Barnaba, Xmun li jgħidulu Niger, Luċju minn Ċireni, Manahen li kien trabba ma’ Erodi t-Tetrarka, u Sawl. Darba, waqt li kienu qegħdin iqimu lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qalilhom: ‘Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom.’ Mbagħad, wara li samu u talbu, qiegħdu idejhom fuqhom u bagħtuhom. Għalhekk huma, mibgħuta mill-Ispirtu s-Santu, niżlu Selewkja, u minn hemm telqu bil-baħar għal Ċipru. [Atti:13: 1 - 4] Hawnhekk Luqa wara li jgħid li kien hemm profeti u għalliema jżid li kien wasal il-waqt li x-xogħol tal-Knisja jibqa’ miexi ‘l quddiem u għalhekk sar it-tqegħdi tal-idejn, li jfisser il-konsagrazzjoni. Din hija parti importanti għax nindunaw li anke Pawlu qagħad għat-tqegħid tal-idejn, mill-profeti u l-għalliema li kienu immexxijin mill-Ispirtu s-Santu. F’ dawn iż-żewġ siltiet ninnutaw xebħ għax fit-tnejn insibu li t-tqegħdi tal-idejn jew l-ordni u l-għażla tal-mibgħut mill-ġemgħa wara li tkun ispirata minn Alla.

Fl-ewwel ittra lil Timotju, kif rajna, huma l-qassisin li jqiegħdu l-idejn tagħhom fuq l-isqof il-ġdid. Fil-fatt, l-istituzzjoni tal-presbiteri kienet teżisti qabel l-ewwel hekk imsejħa Konċilju ta’  Ġerusalemm, li sar bejn is-sena 49 u 50. Dan nafuh minn tliet passi tal-Atti tal-Appostli. a) Hekk għamlu, u bagħtu l-għajnuna għand il-presbiteri ma’ Barnaba u ma’ Sawl. [Atti:11:30] b) Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f’idejn il-Mulej. [Atti:14:23] ċ) Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-Appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni. Meta waslu Ġerusalemm, il-ġemgħa tal-Knisja, l-Appostli u l-presbiteri laqgħuhom tajjeb u huma għarrfuhom b’dak kollu li Alla kien għamel magħhom. Għalhekk l-Appostli u l-presbiteri ltaqgħu flimkien biex jaraw din il-kwistjoni. [Atti:15:2.4.6). L-ewwel Insara kienu Lhud u għalhekk kienu imdorrijin bis-sistema tas-sinagoga u għalhekk kienu ħolqu l-presbiteri madwar Ġakbu li laħquh l-ewwel isqof tagħhom.

Fid-Didache, il-ġabra ta’ tagħlim u prattiċi tal-Knisja bikrija, miktub fl-aħħar deċennji tas-seklu I, wieħed jista’ josserva l-koeżistenza ta’ profeti u għalliema min-naħa waħda u l-isqfijiet u djakni  min-naħa l-oħra. Hawn insibu miktub “Agħażlu isqfijiet u djakni denji tal-Mulej, irġiel li għandhom morali​​, mhux rgħiba, veritiera u affidabbli. Fil-fatt, huma jridu jaqdukom fil-ministeru ta’ profeti u għalliema.”[ Didache 11, 7] Kif jidher, l-isqfijiet u djakni huma magħżulin, filwaqt li l-profeti u l-għalliema joperaw fuq il-bażi tal-Ispirtu mogħtija lilhom. Dan insibuh ukoll fl-Atti tal-Appostli; “Dik il-ħabta xi profeti minn Ġerusalemm niżlu Antjokja. Wieħed minnhom, jismu Agabu, kellu sinjal mill-Ispirtu, u qam iħabbar li kien se jaqa’ ġuħ kbir fuq l-art kollha. Dan seħħ tabilħaqq fi żmien l-imperatur Klawdju. [Atti:11:27.28]

Dwar ir-rit tal-ordinazzjoni tal-isqfijiet insibu l-kitba fit-Traditio Apostolica ta’ San Ippollitu, kitba tal-bidu tat-tielet seklu. Minn  din il-kitba nindunaw li l-aktar ġest essenzjali fl-ordinazzjoni ta’ isqof hija it-tqegħid tal-idejn. Din issir fis-skiet minn isqfijiet oħra li jkunu qegħdin għall-ordinazzjoni. Wieħed minn dawn l-isqfijiet jgħid it-talba li tikkonsagra lil dak l-isqof il-ġdid. Fl-ewwel sekli tal-Knisja, in-nomina tal-isqof kienet issir mill-komunità stess. Dan kien juri r-rapport ta’ familjarità u ħbiberija li kien ikun hemm bejn il-komunità u l-isqof tagħha. Meta bdew jitwaqqfu l-provinċji ekkleżjastiċi, l-elezzjoni bdiet issir quddiem il-metropolita, li kien jiġġudika hu il-kwalitajiet ta’ dak magħżul.

KARLU MANJU
Mir-raba’ seklu, fl-Orjent beda jkun l-Imperatur li jintervjeni dwar in-nomina tal-isqof, li ovvjament dan kien ifittex li jinnomina persuna li togħġob lilu u li ma toħloqlux tfixkil fit-temxxija tal-Imperu. Fl-Oċċident din il-ħaġa bdiet aktar tard, nistgħu ngħidu mal-Imperatur Karlu Manju. Dan l-Imperatur mhux kien jinnomina isqof, imma kien hu li jagħżel min jinħatar isqof. Huwa kien jgħid li b’ din is-sistema kien jassigura li l-Insara jkollhom isqfijiet kif jixraqilhom. Hu kien jinqeda bl-isqfijiet magħżulin minnu biex iwasslulu tagħrif anke li ma għandux x’ jaqsam mal-ħajja spiritwali. Mill-banda l-oħra l-Imperatur kien jieħu sehem fil-laqgħat tal-isqfijiet u ġieli għamel interventi dwar il-formazzjoni tal-Kleru, il-ħajja liturġika u saħansitra dwar it-teoloġija.

Mal-mewt tal-Imperatur Karlu Manju fis-sena 814, nistgħu ngħidu li beda il-perjodu fewdali li nxtered mal-Oċċident kollu. Issa l-isqfijiet saru wkoll fewdi u bdew jingħatawlhom artijiet kif ukoll ċerti immunitajiet. L-artijiet u l-immunitajiet kienu jingħataw mis-slaten jew mexxejja bi skop li jkunu jistgħu jikkontrollaw lill-isqof u dan jikkontrolla lill-poplu. Mis-seklu IX l-isqof nominat mis-sultan jew imperatur kienet issirlu ċerimonja ta’ investitura fewdali li fiha kien jingħata il-bastun pastorali. Mal-bastun, bħala simbolu ta’ isqof, żdied iċ-ċurkett jew rużetta fis-seklu XI u fis-seklu XII żdiedet il-mitra. Fl-investitura tal-isqfijiet fewdali kien hemm ir-rit fejn l-isqof kien iwiegħed fedeltà lejn is-sultan, prinċep jew ikun min ikun il-mexxej ċivili. F’kelma waħda l-isqfijiet kienu jiġu ikkonsagrati mill-mexxeja ċivili.

OTTONE I
Meta fis-sena 888 intemm l-Imperu li kien waqqaf Karlu Manju, twieldu saltniet fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja. Ottone I laħaq sultan tal-Ġermanja fis-sena 936 u dan sab ma’ wiċċu problemi kbar mill-fewdi. Dawn bdew jimminaċċjaw il-poter tiegħu ta’ sultan u ma kienx faċli li wieħed jikkontrollahom, minħabba li issa kien hemm il-werrieta tal-fewdi. Dan is-sultan solva l-problema billi saħħaħ il-fewdaliżmu ekkleżjastiku u naqqas dak lajk. Beda jagħti oqsma kbar lill-isqfijiet, li dawn minħabba ċ-ċelebat ma kellhomx ulied min jirithom u b’ hekk ħeles mill-problemi tal-werrieta. Dan is-sultan beda wkoll jagħti drittijiet oħrajn lill-isqfijiet fewdali, bħal dritt li jkollhom il-munita tagħhom u li jkunu jistgħu jagħmlu taxxi fuq il-poplu. Lil xi isqfijiet li kienu fidili tassew lejn is-Sultan, kienu mogħtijin id-dritt li jmexxu l-belt tagħhom daqs li kieku kienu l-gvernaturi u b’ hekk l-isqfijiet saru ħaddiema tal-istat. F’ din il-qagħda kien hemm min ukoll ħaseb għal rasu u bejn id-dekadenza li kien hemm fil-ħajja tal-Insara u kemm minħabba x-xewqa għall-għana, kien hemm min kien jixtri in-nomina ta’ isqof u b’ hekk isir fewdu. Din tissejjaħ simonija, li ġejja mill-fatt li nsibu fl-Atti tal-Appostli, ta’ ċertu Xmun li ried iħallas biex isir hu wkoll isqof. Fl-Atti nsibu: “Meta Xmun ra li bit-tqegħid tal-idejn tal-Appostli kienu jirċievu l-Ispirtu s-Santu, huwa offra l-flus lill-Appostli u qalilhom: ‘Agħtu din is-setgħa lili wkoll, biex kull min inqiegħed idejja fuqu jirċievi l-Ispirtu s-Santu.’ ” [Atti:8:18-19].

GREGORJU VII
Quddiem sitwazzjoni bħal din, fejn bosta bdew jaraw li l-istat kien qiegħed jeżerċita dritt li ma kellux, kienu ħafna dawk li rreaġixxew u b’ hekk twieled movument ta’ protesta li fih konna insibu lill-Papiet Ljun IX, Nikola II, Alessandru II u fuq kollox lil Gregorju VII. Dan tal-aħħar fl-1078 waqqaf l-investitura tal-isqfijiet minn min mhux kjeriku u b’ hekk daħal f’ konflitt mal-imperaturi. L-imperaturi sostnew li ladarba l-isqfijiet kienu jamminstraw propjetà u għana afdata lilhom mill-istat, huwa dritt tal-istat li jagħżel f’ idejn min jafda ġidu. It-taqbida dwar min jinnomina l-isqof  ittaffiet fl-1122 bil-ftehim ta’ Worms jew il- Pactum Calixtinum, bejn il-Papa Kallistu u l-Imperatur Enriku VI. Issa bdiet issir investitura doppja skont kif kien issuġġerixxa San Ivo ta’ Chartres, fejn il-Knisja tinvesti lill-isqof għall-kura spiritwali  u għalhekk issir investitura fejn jingħataw il-bastun pastorali u ċ-ċurkett, u investitura oħra mill-mexxej ċivili fejn jingħataw il-beni temporali u fewdali. L-għażla tal-isqof kellha ssir b’ elezzjoni bejn il-kleru u bl-approvazzjoni tal-popli. L-elezzjoni tal-isqof bdiet tkun afdata lill-kapitlu tal-Katidral u bl-approvazzjoni tal-kumplament tal-kleru. Madanakollu dan it-trattat ma solviex il-problemi kollha. Fil-Ġermanja kien stabbilit li l-elezzjoni għall-isqof kellha ssir fil-preżenza tas-sultan u jekk dan ma jkunx jaqbel mal-magħżul kellu dritt li jintervjeni. Kien hemm ukoll id-drawwa li l-investitra minn idejn is-sultan issir qabel l-investitura ekleżjastika. Fil-fatt sa mill-1122 is-slaten Ġermaniżi kellhom id-dritt li jmexxu huma l-elezzjoni tal-isqfijiet. F’ pajjiżi oħrajn ma kienx jeżisti dan id-dritt kif ukoll l-investitura mill-mexxej ċivili kienet issir wara l-konsagrazzjoni.

Mis-seklu XIII il-Papa beda jinnomina l-isqfijiet hu stess u fis-seklu XIV din il-ħaġa bdiet issir kullimkien. In-nomina issir bi proċedura sigrieta kif għadu jsir sal-lum.  Issa kien inqala’ gwaj ieħor. Filippu IV, re ta’ Franza kien għamel taxxa fuq il-kleru sabiex ikollu biex jiffinanzja l-gwerra. Il-Papa Bonifaċju VIII fl-1296 ħareġ bolla li tgħid li biex issir  xi taxxa fuq il-kleru, din trid l-awtorità tal-Papa. Fl-1302 il-Papa ħareġ il-bolla Unam Sanctam, fejn iddikjara li l-Papa għandu kull poter, kemm spiritwali kif ukoll temporali. Filippu IV ra thedida  u indħil fil-politika tal-istat  mill-Knisja u għalhekk beda joħodha kontra l-Papa. Is-Sultan ta’ Franza spiċċa skomunikat. Wara dawn is-snin waslu kważi sebgħin sena li fihom il-Papa ma kienx jgħix Ruma imma ttieħed Avignon fi Franza. Il-problema ma kinietx għax il-Papa qiegħed Franza minflok Ruma, imma għax il-Papa huwa wkoll l-isqof ta’ Ruma u għalhekk kien hemm dawn is-snin kollha fejn l-isqof ta’ Ruma qatt ma żar id-djoċesi tiegħu.

Meta l-Papa reġa’ lura Ruma, is-sultan Karlu VI laqqa’ lill-isqfijiet Franċiżi f’ Pariġi. Hawnhekk beda dak li jissejjah il Gallikaniżmu, li jipprova jillimita id-dritt tas-Santa Sede fuq il-Knisja ta’ Franza. L-isqfijiet Franċiżi sostnew li l-Knsija f’ pajjiżhom kellha terġa’ takwista l-libertà mill-Papa. Il-Konċilju ta’ Costanza fl-1415 u dak ta’ Basilea fl-1438 affermaw il-konċiljariżmu, jiġifieri li l-konċilju, il-kardinali flimkien, huma fuq il-Papa. Is-Sultan Karlu VII fl-1438 laqqa’ lill-kleru Franċiż kollu biex  isostni l-pożizjoni tiegħu favur il-konċiljariżmu u ħareġ digriet bl-isem ta’ Pragmatica sanctio.

FL-1516 sar konkordat bejn il-Papa Ljun X u r-Re Franġisku I ta’ Franza.  B’ dan il-konkordat ġie fi tmiemu il-Pragmatica sanctio, biss issa n-nomina tal-isqfijiet Franċiżi għaddiet f’ idejn ir-re. Matul ir-renju ta’ Lwiġi XIV (1638 – 1715) il-Gallekaniżmu, li qatt ma kien spiċċa għal kollox fi Franza, reġa’ għolla rasu. Fl-1682 ħareġ il-Declaratio cleri gallicani, li fost oħrajn jiddikjara l-indipendenza tal-ġid temporali ta’ Franza mill-Knisja. Dan id-digriet kien ikkundannat mill-Papa Alessandru VIII fl-1690.

Fl-1801 sar konkordat bejn il-Papa Piju VII u Napuljun I. Dawn ippruvaw itemmu n-nuqqas ta’ qbil li kien hemm bejn il-Knisja u l-istat li ġabet magħha r-rivoluzzjoni Franċiża. Reġa’ daħal fis-seħħ id-dritt li kien ingħata fl-1516, jiġifieri li l-Istat jinnomina lill-isqfijiet u li dawn jieħdu ġurament ta’ lealta lejn l-istat. Bis-saħħa ta’ hekk il-Knisja setgħet terġa’ tinxtered fi Franza. Dan il-konkordat baqa’ fis-seħħ sal-1905 meta Franza iddeċidiet li ma tibqax tirrikonoxxih.

Fl-Awstrija wkoll kien hemm żmien fejn l-istat kien jikkontrolla l-Knisja. Taħt it-tmexxija ta’ Ġużeppi II bejn l-1765 u l-1790 kien hemm kontroll li ta’ bidu għal moviment li kien jissejjaħ Ġużeppinimu. L-Imperatur Awsburgu Ġużeppi ħareġ il-Placet regio, jiġifieri il-kontroll tal-istat fuq il-ħajja tal-Knisja.  Dan kien fetaħ seminarji statali sabiex fihom ikun iffurmat il-kleru, kien jintervjeni fuq in-normi li għandhom x’ jaqsmu mal-kult u kien jagħżel l-isqfijiet hu.

Fl-Italja wara r-risorgimento, l-għażla tal-isqfijiet kienet dejjem f’ idejn il-Papa. Madankollu, skont il-konkordat li hemm bejn l-Italja u s-Santa Sede, meta jkun sejjer jinħatar isqof Taljan, il-Knisja tgħarraf bih lill-gvern Taljan.

Kien fi Spanja u l-Portugall li l-mexxejja ċivili baqgħu jisfruttaw mid-dritt li jagħżlu l-isqfijiet. Dawn il-mexxejja kellhom mhux biss dritt li jaħtru isqfijiet imma wkoll li jwaqqfu djoċesijiet ġodda. Minħabba l-fatt li dawn il-pajjiżi kienu skoprew id-dinja l-ġdida, fl-1492 kien ingħatalhom id-dritt li jwaqqfu djoċesijiet u jinnominaw isqfijiet għalihom biex il-Knisja tinfirex f’ din il-parti tad-dinja li għal dak iż-żmien kienet ġdida. Dan id-dritt kien għadu jintuża sas-seklu XIX.

Realtà għal kollox differenti insibuha fiċ-Ċina. Hawnhekk l-istorja tal-Knisja hija waħda kkomplikata mmens. Fl-1949 il-Partit Komunista ħa t-tmexxija tal-pajjiż u keċċa lill-missjunarji kemm Kattoliċi kif ukoll Protestatni. Fl-1957 il-gvern Ċiniż waqqaf l-Assoċjazzjoni Patrijottika Kattolika Ċiniża, li ma tirikonoxxix lill-Papa jew lis-Santa Sede. Hija tinnomina u tagħżel l-isqfijiet tagħha. Fuq hekk kien ħareġ enċiklika l-Papa Piju XII fl-1958 bl-isem Ad Apostolorum Principis. Imma fiċ-Ċina hemm Knisja Kattolika oħra, dik klandestina, li l-isqfijiet tagħha jinħatru mill-Papa imma bosta drabi ma nkunux nafu l-ismijiet tagħhom minħabba l-biża’ li dawn jiġu vvittimizzati mill-gvern Ċiniż.

FERDINANDO MATTEI
Sal-1807 nistgħu ngħidu li l-isqof ta’ Malta dejjem kien ikun Sqalli, imma minn meta Ferdinando Mattei, minn  l-Isla laħaq isqof ta’ gziritna, dawn dejjem kienu Maltin.  Dak iż-żmien l-Isqof kien meqjus bħala l-ogħla dinjitarju Malti u għalhekk kellu sehem importanti fil-ħajja tal-gżira. Fl-1938 għaddiet liġi li tgħid li jekk sa ħmistax-il ġurnata wara mewt jew riżenja tal-isqof ta’ Malta, il-gvern jista’ jaħtar amministratur. Amministratur ma huwiex l-isqof, imma huwa biss dak li jmexxi sakemm jintgħażel isqof ġdid. Din il-liġi wkoll tgħid li l-isqof il-ġdid li jiġi maħtur irid ikun approvat mill-Prim Ministru.

Id-Dritt Kanoniku tal-Papa Benedettu XV tas-sena 1917 kien jgħid ċar u tond li l-għażla tal-isqfijiet hija kompetenza tal-Papa għaliex l-isqfijiet imexxu l-Knisja u mhux l-istat. Il-Kodiċi tad-Dritt kanoniku  tal-1983 maħruġ mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, f’ kanone numru 377 §1 jgħid li l-għażla tal-isqfijiet hija libera f’ idejn il-Papa. Jeħtieġ li dak li jkun nominat isqof ikollu tal-inqas 30 sena u li  jkun ilu qaddes ħames snin. Din in-nomina tkun preċeduta minn proċedura twila li ssir b’ mod sigriet mill-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet.


Fr Reno Muscat